31994L0045



Official Journal L 254 , 30/09/1994 P. 0064 - 0072
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 6 P. 0160
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 6 P. 0160


Id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE

tat-22 ta' Settembru 1994

dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-politika soċjali mehmuż mal-Protokoll 14 dwar il-politika soċjali mehmuż mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

Billi, fuq il-bażi tal-Protokoll dwar il-Politika Soċjali mehmuż mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubbika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda u r-Repubblika Portugiża (iktar 'l isfel li hemm referenza għalihom bħala "l-Istati Membri") bix-xewqa li jimplimentaw il-Karta Soċjali ta' 1989, adottaw Ftehim dwar il-Politika Soċjali;

Billi l-Artikolu 2(2) tal-Ftehim imsemmi jawtorizza lill-Kunsill biex jadotta l-ħtiġijiet minimi permezz ta' Direttivi;

Billi, skond l-Artikolu 1 tal-Ftehim, għan partikolari tal-Komunità u ta' l-Istati Membri huwa li jitmexxa 'l quddiem djalogu bejn min imexxi u l-impjegati;

Billi l-punt 17 tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema jipprovdi, fost ħwejjeġ oħra, illi t-tagħrif, il-konsultazzjoni u l-parteċipazjoni tal-ħaddiema għandhom jiġu żviluppati fuq linji xierqa, filwaqt li jitqiesu l-prattiċi fis-seħħ fl-Istati Membri differenti; billi l-Karta tiddikjara illi "dan għandu japplika speċjalment fil-kumpaniji jew il-gruppi tal-kumpaniji li jkollhom stabbilimenti jew kumpaniji f'żewġ Stati Membri jew iktar";

Billi l-Kunsill, minkejja l-eżistenza ta' consensus wiesa' fost il-maġġoranza ta' l-Istati Membri, ma kienx kapaċi li jaġixxi fuq il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet fl-impriżi jew fil-gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u konsultazzjonijiet ta' l-impjegati [4], kif emendata fit-3 ta' Diċembru 1991 [5];

Billi l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim dwar il-Politika Soċjali, ikkonsultat l-amministrazzjoni u lill-ħaddiema fuq livell Komunitarju dwar id-direzzjoni possibbli ta' l-azzjoni mill-Komunità rigward it-tagħrif u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja;

Billi l-Kummissjoni, filwaqt li kkunisdrat li wara din il-konsultazzjoni azzjoni Komunitarja kienet ta' min jirrakkommandaha, reġgħet ikkonsultat ma' min imexxi u lill-ħaddiema dwar il-kontenut tal-proposta ppjanata, skond l-Artikolu 3(3) tal-Ftehim imsemmi, u min imexxi u l-ħaddiema ppreżentaw l-opinjoni tagħhom lill-Kummissjoni;

Billi, wara din it-tieni fażi ta' konsultazzjoni, min imexxi u l-ħaddiema ma għarrfux lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew il-proċess li jista' jwassal għall-konklużjoni ta' ftehim, kif iprovdut fl-Artikolu 4 tal-Ftehim;

Billi l-funzjonament tas-suq intern jinvolvi proċess ta' konċentrazzjonijiet ta' impriżi, ta' korporazzjonijiet li jaqsmu l-fruntieri, ta' kisba ta' impriżi, ta' impriżi konġunti u, konsegwentement, tat-transnazzjonalizzazzjoni ta' l-impriżi u tal-gruppi ta' l-impriżi; billi, jekk iridu jiġu żviluppati l-attivitajiet ekonomiċi f'mod armonjuż, l-impriżi u l-gruppi ta' l-impriżi li joperaw f'żewġ Stati Membri jew iktar għandhom jgħarrfu u jikkonsultaw lir-rappreżentanti ta' dawk mill-impjegati tagħhom li jiġu effettwati bid-deċiżjonijiet tagħhom;

Billi l-proċeduri sabiex jiġu mgħarrfa u kkonsultati l-impjegati kif inkorporati fil-leġislazzjoni jew fil-prattika fl-Istati Membri spiss mhumiex ingranati għall-istruttura transnazzjonali ta' l-entità li tieħu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw lil dawn l-impjegati; billi dan jista' jwassal għal trattament mhux ugwali għall-ħaddiema affettwati bid-deċiżjoni ġewwa l-istess impriża jew il-grupp ta' l-impriżi;

Billi għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiżguraw illi l-ħaddiema ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja jiġu mgħarrfa u kkonsultati kif jixraq meta jittieħdu deċiżjonijiet illi jaffettwawhom fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn ikunu impjegati;

Billi, sabiex jiġi ggarantit illi l-impjegati ta' l-impriżi jew tal-gruppi ta' l-impriżi f'żewġ Stati Membri jew iktar jiġu mgħarrfa u kkonsultati kif xieraq, huwa meħtieġ illi jitwaqqaf Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew li jinħolqu proċeduri oħra addattati għat-tagħrif u l-konsultazzjoni transnazzjonali ta' l-impjegati;

Billi huwa għalhekk meħtieġ illi jkun hemm definizzjoni tal-kunċett ta' impriża tal-kontroll li jkollha x'taqsam biss ma' din id-Direttiva u li ma tippreġudikax id-definizjonijiet tal-kunċetti tal-grupp jew tal-kontroll li jistgħu jiġu adottati fi kwalunkwe test li jrid jiġi abbozzat fil-ġejjieni;

Billi il-mekkaniżmi għat-tagħrif u l-konsultazzjoni ta' l-impjegati f'dawn l-impriżi jew il-gruppi għandhom jikkomprendu l-istabbilimenti kollha jew, skond kif ikun il-każ, l-impriżi tal-grupp li jinsabu fl-Istati Membri, mingħajr ma jingħata kas jekk l-impriża jew l-impriża tal-kontroll tal-grupp ikollhomx it-tmexxija ċentrali tagħhom ġewwa jew barra t-territorju ta' l-Istati Membri;

Billi, skond il-prinċipju ta' l-awtonomija tal-partijiet, hija r-responsabilità tar-rappreżentanti ta' l-impjegati u ta' min imexxi l-impriża jew ta' l-impriża li tikkontrolla l-grupp li jistabbilixxu bi ftehim in-natura, il-kompożizzjoni, il-funzjoni, il-mod ta' l-operazzjoni, il-proċeduri u r-riżorsi finanzjarji tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet jew il-proċeduri l-oħra ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni sabiex ikunu jixirqu ċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom;

Billi, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, hija r-resposabbilità ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu min huma r-rappreżentanti ta' l-impjegati u b'mod partikolari li jipprovdu, jekk jikkunsidrawha xierqa, rappreżentanza bbilanċjata tal-kategoriji differenti ta' l-impjegati;

Billi, madankollu, għandhom isiru disposizzjonijiet sabiex jiġu applikati ċerti ħtiġijiet sussidjarji jekk il-partijiet jiddeċiedu dan jew fil-każ li t-tmexxija ċentrali tirrifjuta illi tiftaħ in-negozjati jew fin-nuqqas tal-ftehim li suppost li jiġi wara dawn in-negozjati;

Billi, barra minn dan, ir-rappreżentanti ta' l-impjegati jistgħu jiddeċiedu illi ma jfittxux l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew il-partijiet interessati jistgħu jiddeċiedu dwar proċeduri oħra għat-tagħrif u l-konsultazzjoni transnazzjonali ta' l-impjegati;

Billi, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-partijiet jiddeċiedu xorta oħra, il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet stabbilit fin-nuqqas ta' ftehim bejn il-partijiet irid, sabiex iwettaq il-mira ta' din id-Direttiva, jinżamm imgħarraf u kkonsultat dwar l-attivitajiet ta' l-impriża jew tal-grupp ta' l-impriżi sabiex ikun jista' jagħmel stima ta' l-impatt possibbli fuq l-interess ta' l-impjegati f'mill-inqas żewġ Stati Membri differenti; billi, għal dan il-għan, l-impriża jew l-impriża tal-kontroll għandhom jintalbu li jikkomunikaw lir-rappreżentanti maħtura mill-impjegati t-tagħrif ġenerali li jirrigwarda l-interessi ta' l-impjegati u t-tagħrif li jkollu x'jaqsam iktar speċifikament ma' dawk l-aspetti ta' l-attivitajiet ta' l-impriża jew tal-grupp ta' l-impriżi li jaffettwaw l-interessi ta' l-impjegati; billi l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jkun kapaċi jagħti opinjoni fl-aħħar ta' din is-seduta;

Billi ċerti deċiżjonijiet li jkollhom effett sinjifikanti fuq l-interessi ta' l-impjegati għandhom ikunu bla ħsara għat-tagħrif u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti maħtura mill-imjegati malajr kemm jista' jkun;

Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet sabiex ir-rappreżentanti ta'l-impjegati filwaqt li jaġixxu fi ħdan il-qafas tad-Direttiva sabiex igawdu, meta jkunu qegħdin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, l-istess protezzjoni u garanziji bħal dawk provduti lir-rappreżentanti ta' l-impjegati bil-leġislazzjoni u/jew il-prattika tal-pajjiż fejn jaħdmu; billi ma għandhom jiġu soġġetti għall-ebda diskriminazzjoni bħala riżultat ta' l-eżerċizzju skond il-liġi ta' l-attivitajiet tagħhom u għandhom jgawdu protezzjoni adegwata rigward it-tkeċċija u sanzjonijiet oħra;

Billi d-dispożizzjonijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni stabbiliti b'din id-Direttiva, iridu jiġu implimentati fil-każ ta' kull impriża jew kull impriża tal-kontroll ta' grupp li jkollha t-tmexxija ċentrali tagħha barra mit-territorju ta' l-Istati Membri, mill-aġent rappreżantant tagħhom, li jrid jiġi nnominat jekk meħtieġ, f'wieħed mill-Istati Membri jew, fin-nuqqas ta' dan l-aġent, mill-istabbiliment jew mill-impriża tal-kontroll li jħaddmu l-ikbar numru ta' impjegati fl-Istati Membri;

Billi għandu jiġi mogħti trattament speċjali lill-impriżi u lill-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja li fihom ikun jeżisti, mal-waqt li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, ftehim, li jkopri l-qawwa tax-xogħol fl-intier tagħha, li jipprovdi għat-tagħrif u l-konsultazzjoni transnazzjonali ta' l-impjegati;

Billi l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri fil-każ ta' nuqqas li jitħarsu l-obbligi stabbiliti minn din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA I

ĠENERALI

L-Artikolu 1

L-Għan.

1. L-għan ta' din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt għat-tagħrif u tal-konsultazzjoni ta' l-impjegati fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja.

2. Għal dan l-iskop, għandu jiġi stabbilit Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura ta' tagħrif u konsultazzjoni għall-impjegati f'kull impriża fuq skala Komunitarja u f'kull grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja, jekk mitluba bil-manjiera stabbilita bl-Artikolu 5(1), bil-għan li jgħarrfu u jikkonsultaw ma' l-impjegati skond it-termini, fil-manjiera u bl-effetti mniżżla f'din id-Direttiva.

3. Minkejja l-paragrafu 2, fejn grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(1)(ċ) jikkomprendi impriża jew iktar jew grupp ta' impriżi jew iktar jew gruppi ta' impriżi li jkunu impriżi fuq skala Komunitarja jew gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(1)(a) jew (ċ), għandu jitwaqqaf Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet fil-livell tal-grupp għajr jekk il-ftehim li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 6 jipprovdu xorta oħra.

4. Għajr jekk il-ftehim li hemm referenza għalihom jipprovdu għal kamp aktar wiesa', il-poteri u l-kompetenza tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u l-kamp tal-proċeduri ta' tagħrif u konsultazzjoni stabbiliti sabiex jiksbu l-għan speċifikat fil-paragrafu 1 għandhom, fil-każ ta' impriża fuq skala Komunitarja, ikopru l-istabbilimenti kollha li jinsabu ġewwa l-Istati Membri u, fil-każ ta' grupp ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja, l-impriżi kollha tal-grupp li jinstabu fl-Istati Membri.

5. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-baħrin tal-flotot merkantili.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

1. Għall-għan ta' din id-Direttiva:

(a) "impriża fuq skala Komunitarja" tfisser kull impriża b'mill-inqas 1000 impjegat ġewwa l-Istati Membri u b'mill-l-inqas 150 impjegat f'kull wieħed minn mill-inqas żewġ Stati Membri;

(b) "grupp ta' impriżi" jfisser impriża tal-kontroll u l-impriżi kontrollati minnha;

(ċ) "grupp impriżi fuq skala Komunitarja" tfisser grupp ta' impriżi bil-karatteristiċi li ġejjin;

- mill-inqas 1000 impjegat ġewwa l-Istati Membri,

- mill-inqas żewġ gruppi ta' impriżi fi Stati Membri differenti, u

- mill-inqas impriża ta' grupp b'mill-inqas 150 impjegat fi Stat Membru u b'mill-inqas impriża oħra minn grupp b'mill-inqas 150 impjegat fi Stat Membru ieħor;

(d) "rappreżentanti ta' l-impjegati" tfisser ir-rappreżentanti ta' l-impjegati provduti bil-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali;

(e) "tmexxija ċentrali" tfisser it-tmexxija ċentrali ta' l-impriża fuq skala Komunitarja jew, fil-każ tal-gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja, ta' l-impriża tal-kontroll;

(f) "konsultazzjoni" tfisser l-iskambju ta' veduti u l-istabbiliment ta' djalogu bejn ir-rappreżentanti ta' l-impjegati u t-tmexxija ċentrali jew kull livell iktar xieraq ta' tmexxija;

(g) "Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet" ifisser il-kunsill stabbilit skond l-Artikolu 1(2) jew id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness, bil-għan li l-impjegati jiġu mgħarrfa u kkonsultati;

(h) "korp speċjali tan-negozjati" tfisser il-korp imwaqqaf skond l-Artikolu 5(2) sabiex jinnegozja mat-tmexxija ċentrali rigward l-istabbiliment tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew ta' proċedura ta' tagħrif u ta' l-konsultazzjoni għall-impjegati skond l-Artikolu 1(2).

2. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, il-livelli massimi preskritti għad-daqs tal-forza tax-xogħol għandhom jiġu msejsa fuq in-numru medju ta' l-impjegati, inklużi l-impjegati li jaħdmu part-time, impjegati matul is-sentejn ta' qabel ikkalkolati skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

L-Artikolu 3

Id-definizzjoni ta' "impriża tal-kontroll"

1. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, "impriża tal-kontroll" tfisser impriża li tista' teżerċita influwenza dominanti fuq impriża oħra ("l-impriża kkontrollata") bis-saħħa, per eżempju, tal-proprjetà tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja jew ir-regoli li jirregolawha.

2. L-abilità li teżerċita influwenza dominanti għandha tkun preżunta, mingħajr preġudizzju għal prova kuntrarja, meta, f'relazzjoni ma' impriża oħra direttament jew indirettament:

(a) ikollha l-maġġoranza tal-kapital sottoskritt ta' din l-impriża; jew

(b) tikkontrolla l-maġġoranza tal-voti marbuta mal-kapital maħruġ ta' ishma ta' din l-impriża; jew

(ċ) tista' taħtar iktar min-nofs il-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew tas-sorveljanza ta' din l-impriża.

3. Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, id-drittijiet ta' impriża tal-kontroll rigward il-votazzjoni u l-ħatriet għandhom jinkludu d-drittijiet ta' kull impriża oħra kkontrollata u dawk ta' kull persuna jew korp li jaġixxu f'ismu jew f'isem l-impriża iżda f'isem l-impriża tal-kontroll jew ta' kull impriża oħra kkontrollata.

4. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, impriża ma għandhiex titqies li tkun "impriża tal-kontroll" rigward impriża oħra li fiha jkollha ishma fejn l-impriża ta' l-ewwel tkun kumpanija li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(5)(a) jew (ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi [6].

5. Influwenza dominanti ma għandhiex tkun preżunta li tiġi eżerċitata biss bis-saħħa tal-fatt illi uffiċjal ikun qiegħed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, skond il-liġi ta' Stat Membru rigwardil-likwidazzjoni, ix-xoljiment, il-falliment, il-waqfien tal-ħlasijiet, il-kompożizzjonijiet jew proċeduri analogi.

6. Il-liġi li tapplika sabiex tistabbilixxi jekk impriża tkunx "impriża tal-kontroll" għandha tkun il-liġi ta' l-Istat Membru li jirregola din l-impriża.

Fejn il-liġi li tirregola din l-impriża ma tkunx dik ta' Stat Membru, il-liġi li tapplika għandha tkun il-liġi ta' l-Istat Membru li ġewwa t-territorju tiegħu jkun jinsab ir-rappreżentant ta' l-impriża jew, fin-nuqqas ta' dan ir-rappreżentant, it-tmexxija ċentrali ta' l-impriża tal-grupp li timpjega l-ikbar numru ta' impjegati.

7. Fejn, fil-każ ta' konflitt bejn il-liġijiet fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2, żewġ impriżi jew iktar minn grupp jissodisfaw wieħed jew aktar mill-kriterji stabbiliti b'dan il-paragrafu, l-impriża li tissodisfa l-kriterju stabbilit fil-punt (ċ) tiegħu għandha titqies bħala l-impriża tal-kontroll, mingħajr preġudizzju għall-prova illi impriża oħra tkun kapaċi teżerċita influwenza dominanti.

IT-TAQSIMA II

L-ISTABBILIMENT TA' KUNSILL EWROPEW TAX-XOGĦLIJIET JEW PROĊEDURA GĦAL TAGĦRIF LIL U L-KONSULTAZZJONI MA' L-IMPJEGATI

L-Artikolu 4

Responsabbilità għall-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew ta' proċedura ta' tagħrif lil u konsultazzjoni ma' l-impjegati

1. Il-korp ta' tmexxija ċentrali għandu jkun responsabbli mill-ħolqien tal-kondizzjonijiet u tal-mezzi meħtieġa għall-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew ta' proċedura ta' tagħrif u konsultazzjoni, kif ipprovvdut fl-Artikolu 1(2), f'impriża fuq skala Komunitarja u fi grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja.

2. Fejn it-tmexxija ċentrali ma tkunx tinsab fi Stat Membru, l-aġent rappreżentant tat-tmexxija ċentrali fi Stat Membru, li jrid jiġi nnominat jekk meħtieġ, għandu jassumi r-responsabbilità li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1.

Fin-nuqqas ta' dan ir-rappreżentant, il-korp ta' tmexxija ta' l-istabbiliment jew ta' l-impriża tal-grupp li jimpjegaw l-ikbar numru ta' impjegati f'kull wieħed mill-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbilità li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1.

3. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, ir-rappreżentant jew ir-rappreżentanti jew, fin-nuqqas ta' kull rappreżentant minn dawn, il-korp ta' tmexxija riferit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, għandhom jiġu meqjusa bħala t-tmexxija ċentrali.

L-Artikolu 5

Korp speċjali għan-negozjati

1. Sabiex tinkiseb il-mira ta' l-Artikolu 1(1), il-korp ċentrali ta' tmexxija għandu jiftaħ in-negozjati sabiex jiġi stabbilit Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura ta' tagħrif u konsultazzjoni fuq l-inizzjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba bil-miktub ta' mill-inqas 100 impjegat jew tar-rappreżentanti tagħhom f'mill-inqas żewġ impriżi jew stabbilimenti f'mill-inqas żewġ Stati Membri differenti.

2. Għal dan l-għan, għandu jitwaqqaf korp speċjali tan-negozjati skond il-linji-gwida li ġejjin:

(a) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-metodu li għandu jintuża għall-elezzjoni jew il-ħatra tal-membri tal-korp speċjali tan-negozjati li għandhom jiġu eletti jew maħtura fit-territorji tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu illi l-impjegati fl-impriżi u/jew l-istabbilimenti fejn ma jkunx hemm rappreżentanti ta' l-impjegati mingħajr ħtija tagħhom, ikollhom id-dritt li jeleġġu jew li jaħtru l-membri tal-korp speċjali tan-negozjati.

It-tieni subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali li jistabbilixxu l-livelli massimi għall-istabbiliment tal-korpi tar-rappreżentanti ta' l-impjegati.

(b) Il-korp speċjali tan-negozjati għandu jkollu minimu ta' tliet membri u massimu ta' 17.

(ċ) F'dawn l-elezzjonijiet jew ħatriet, għandu jiġi żgurat:

- l-ewwelnett, illi kull Stat Membru fejn l-impriża fuq skala Komunitarja jkollha stabbiliment jew iktar jew fejn il-grupp ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja jkollu l-impriża tal-kontroll jew impriża tal-kontroll jew iktar ikunu rrappreżentati minn membru wieħed,

- it-tininett, illi jkun hemm membri supplimentari fil-proporzjon skond in-numru ta' l-impjegati li jkunu impjegati fl-istabbilimenti, fl-impriża tal-kontroll jew fl-impriżi kkontrollati kif stabbilit bil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li ġewwa t-territorju tiegħu ikun jinsab il-korp ċentrali ta' tmexxija.

(d) Il-korp ċentrali ta' tmexxija għandu jiġi mgħarraf bil-kompożizzjoni tal-korp speċjali tan-negozjati.

3. Il-korp speċjali tan-negozjati jrid ikollu d-dmir li jistabbilixxi, mal-korp ċentrali ta' tmexxija, bi ftehim bil-miktub, l-iskop, il-kompożizzjoni, il-funzjonijiet, u l-iskond tal-kariga tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew l-arranġamenti sabiex jimplimentaw proċedura ta' informazzjoni lil u konsultazzjoni ma' l-impjegati.

4. Bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim skond l-Artikolu 6, il-korp ċentrali ta' tmexxija għandu jsejjaħ laqgħa mal-korp speċjali tan-negozjati. Għandu jgħarraf lill-korpi ta' tmexxija lokali kif jixraq.

Għall-għan tan-negozjati, il-korp speċjali tan-negozjati jista' jiġi assistit minn esperti ta' l-għażla tiegħu.

5. Il-korp speċjali tan-negozjati jista' jiddeċiedi, b'mill-inqas żewġ terzi tal-voti, li ma jiftaħx in-negozjati skond il-paragrafu 4, jew li jtemm in-negozjati diġà miftuħa.

Din id-deċiżjoni għandha twaqqaf il-proċedura sabiex tikkonkludi l-ftehim riferit fl-Artikolu 6. Fejn din id-deċiżjoni tkun ittieħdet, ma għandhomx japplikaw id-dispożizzjonijiet fl-Anness.

Tista' ssir talba ġdida sabiex jitlaqqa' l-korp speċjali tan-negozjati l-iktar kmieni sentejn wara d-deċiżjoni msemmija hawn fuq għajr jekk il-partijiet interessati jistabbilixxu perjodu iqsar ta'żmien.

6. L-ispejjeż kollha li jkollhom x'jaqsmu man-negozjati li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 3 u 4 għandhom jitħallsu mill-korp ċentrali ta' tmexxija sabiex jgħinu lill-korp speċjali tan-negozjati jwettaq ix-xogħol tiegħu f'manjiera xierqa.

B'konformità ma' dan il-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli għall-estimi li jirrigwardaw l-operazzjoni tal-korpi speċjali tan-negozjati. Dawn jistgħu b'mod partikolari jillimitaw il-fondi sabiex ikopru espert wieħed biss.

L-Artikolu 6

Kontenut tal-ftehim

1. Il-korp ċentrali ta' tmexxija u l-korpi speċjali tan-negozjati għandhom jinnegozjaw fi spirtu ta' kooperazzjoni bil-ħsieb li jilħqu ftehim dwar l-arranġamenti ddettaljati sabiex jimplimentaw tagħrif lil u l-konsultazzjoni ma' l-impjegati provduti fl-Artikolu 1(1).

2. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-partijiet, il-ftehim riferit fil-paragrafu 1 bejn il-korp ċentrali ta' tmexxija u l-korpi speċjali tan-negozjati għandhom jistabbilixxu:

(a) l-impriżi tal-grupp ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja jew l-istabbilimenti ta' l-impriża fuq skala Komunitarja li jkunu koperti bil-ftehim;

(b) il-kompożizzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, in-numru tal-membri, l-allokazzjoni tas-siġġijiet u l-iskond tal-kariga;

(ċ) il-funzjonijiet u l-proċeduri għat-tagħrif u l-konsultazzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet;

(d) il-post, il-frekwenza u t-tul taż-żmien tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet;

(e) ir-riżorsi finanzjarji u materjali li għandhom jiġu allokati lill-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet;

(f) it-tul taż-żmien tal-ftehim u l-proċedura sabiex dan jiġi nnegozjat mill-ġdid.

3. Il-korp ċentrali ta' tmexxija u l-korpi speċjali tan-negozjati jistgħu jiddeċiedu, bil-miktub, li jistabbilixxu proċedura jew iktar ta' tagħrif u konsultazzjoni minflok il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.

Il-ftehim irid jistipula b'liema metodu r-rappreżentanti ta' l-impjegati għandu jkollhom id-dritt li jiltaqgħu sabiex jiddiskutu t-tagħrif imwassal lilhom.

Dan it-tagħrif għandu jkollu x'jaqsam b'mod partikolari mal-kwistjonijiet transnazzjonali li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-interessi ta' l-impjegati.

4. Il-ftehimijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx, għajr jekk jintgħamlu dispożizzjonijiet b'mod ieħor fihom, ikunu soġġetti għall-ħtiġijiet sussidjarji ta' l-Anness.

5. Għall-għanijiet li jiġu konklużi l-ftehimijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 2 u 3, il-korpi speċjali tan-negozjati għandhom jaġixxu bil-maġġoranza tal-membru tagħhom.

L-Artikolu 7

Ħtiġijiet sussidjarji

1. Sabiex jinkiseb l-għan ta' l-Artikolu 1(1), il-ħtiġijiet sussidjarji stabbiliti bil-leġislazzjoni ta' l-Stat Membru li fihom ikun jinsab il-korp ċentrali ta' tmexxija għandhom japplikaw:

- fejn il-korp ċentrali ta' tmexxija u l-korp speċjali tan-negozjati jiddeċiedu hekk, jew

- fejn il-korp ċentrali ta' tmexxija jirrifjuta li jiftaħ in-negozjati fi żmien sitt xhur mit-talba li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(1), jew

- fejn, wara tliet snin mid-data ta' din it-talba, ma jkunux jistgħu jikkonkludu ftehim kif stabbilit bl-Artikolu 6 u l-korp speċjali tan-negozjati ma jkunx ħa d-deċiżjoni provduta fl-Artikolu 5(5).

2. Il-ħtiġijiet sussidjarji li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 kif adottatti fil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri għandhom jissodisfaw id-dispożizzjonijiet iddikjarati fl-Anness.

IT-TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

L-Artikolu 8

Tagħrif konfidenzjali

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu illi l-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati jew il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u kull espert li jassistihom ma jiġux awtorizzati li jikxfu tagħrif li jkun ġie espressament ipprovdut lilhom konfidenzjalment.

L-istess għandu japplika għar-rappreżentanti ta' l-impjegati fil-qafas ta' proċedura ta' tagħrif u konsultazzjoni.

Dan l-obbligu għandu jkompli japplika, kull fejn ikunu l-persuni li hemm referenza fl-ewwel u t-tieni subparagrafi huma, saħansitra wara li jiskadi l-iskond tal-kariga tagħhom.

2. Kull Stat Membru għandu jipprovdi, f'każijiet speċifiċi u skond il-kondizzjonijiet u l-limiti stabbiliti bil-leġisazzjoni nazzjonali, illi l-korp ċentrali ta' tmexxija jinsab fit-territorju tiegħu ma jiġix obbligat jitrasmetti t-tagħrif meta n-natura ta' dan tkun hekk illi, skond kriterja oġġettivi, jagħmel ħsara serja lill-funzjonament ta' l-impriżi interessati jew ikun ta' preġudizzju għalihom.

Stat Membru jista' jissoġġetta din id-dispensa għal awtorizzazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja minn qabel.

3. Kull Stat Membru jista' jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet partikolari għall-korp ċentrali ta' tmexxija ta' l-impriżi fit-territorju tiegħu illi jsegwu direttament u essenzjalment l-għan tal-gwida ideoloġika rigward it-tagħrif u l-espressjoni ta' l-opinjonijiet, bil-kondizzjoni illi, fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva dawn id-dispożizzjonijiet partikolari jkunu diġà jeżistu fil-leġislazzjoni nazzjonali.

L-Artikolu 9

L-operazzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u l-proċedura tat-tagħrif u l-konsultazzjoni għall-ħaddiema

Il-korp ċentrali ta' tmexxija u l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandhom jaħdmu fi spirtu ta' kooperazzjoni b'qies xieraq tad-drittijiet u l-obbligi reċiproki.

L-istess għandu japplika għall-kooperazzjoni bejn il-korp ċentrali ta' tmexxija u r-rappreżentanti ta' l-impjegati fil-qafas tal-proċedura ta' tagħrif u konsultazzjoni għall-ħaddiema.

L-Artikolu 10

Protezzjoni tar-rappreżentanti ta' l-impjegati

Il-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati, il-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u r-rappreżentanti ta' l-impjegati huma u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 6(3) għandhom, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, igawdu l-istess protezzjoni u garanziji pprovduti lir-rappreżentanti ta' l-impjegati bil-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali fis-seħħ fil-pajjiż ta' l-impjieg tagħhom.

Dan għandu japplika b'mod partikolari għall-attendenza fil-laqgħat tal-korpi speċjali tan-negozjati jew fil-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew f'kull laqgħa oħra fil-qafas tal-ftehim riferit fl-Artikolu 6(3), u l-ħlas tal-pagi tal-membri li jkunu fuq il-lista tal-personal ta' l-impriża fuq skala Komunitarja jew ta' grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja għall-perjodu ta' assenza meħtieġ għall-qadi tad-dmirijiet tagħhom.

L-Artikolu 11

Konformità ma' din id-Direttiva

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura illi l-korp ta' tmexxija ta' l-istabbilimenti ta' impriża fuq skala Komunitarja u l-korpi ta' tmexxija ta' l-impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja li jkunu li jinsabu ġewwa t-territorju tiegħu u r-rappreżentanti ta' l-impjegati tagħhom jew, skond kif ikun il-każ, l-impjegati jimxu skond l-obbligi stabbiliti b'din id-Direttiva, mingħajr ma jingħata kas jekk il-korp ċentrali ta' tmexxija jkunx jinsab fit-territorju tiegħu jew le.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tagħrif dwar in-numru ta' l-impjegati riferit fl-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) jkun disponibbli mill-impriżi fuq it-talba tal-partijiet interessati billi tiġi applikata din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-miżuri xierqa fil-każ din id-Direttiva tonqos milli titħares; b'mod partikolari, għandhom jiżguraw illi jkunu disponibbli l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati sabiex jgħinu li jigu infurzati l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva.

4. Meta l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 8, għandhom jagħmlu dispożizzjoni għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji ta' appell illi r-rappreżentanti ta' l-imjegati jistgħu jiftħu meta l-korp ċentrali ta' tmexxija jeħtieġ il-konfidenzjalità jew ma jagħtix it-tagħrif skond dan l-Artikolu.

Dawn il-proċeduri jistgħu jinkludu proċeduri mfassla sabiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tat-tagħrif fil-kwistjoni.

L-Artikolu 12

Ir-rabta bejn din id-Direttiva u dispożizzjonijiet oħra

1. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda skond id-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE tas-17 ta' Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mas-sensji kollettivi [7], u mad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE ta' l-14 ta' Frar 1977 dwar is-salvagward tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ tat-trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' negozji [8].

2. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet eżistenti ta' l-impjegati dwar it-tagħrif u l-konsultazzjoni skond il-liġijiet nazzjonali.

L-Artikolu 13

Ftehim fis-seħħ

1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għall-impriżi fuq skala Komunitarja jew għall-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja meta, fid-data stabbilita bl-Artikolu 14(1) sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva jew fid-data tat-traspożizzjoni tagħha fl-Istat Membru involut, jekk din tiġi qabel id-data msemmija hawn fuq, diġà jkun hemm ftehim, li jkopri l-qawwa kollha tax-xogħol, li jipprovdi għat-tagħrif u l-konsultazzjoni transnazzjonali ta' l-impjegati.

2. Meta jiskadu l-ftehimijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1, il-partijiet f'dawn il-ftehimijiet jistgħu jiddeċiedu konġuntement li jġedduhom.

Fejn dan ma jkunx il-każ, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 14

Dispożizzjonijiet finali

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-22 ta' Settembru 1996 jew għandhom jiżguraw mhux iktar tard minn din id-data illi l-korp ta' tmexxija u l-ħaddiema jdaħħlu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim, fejn l-Istati Membri jkunu obbligati li jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jgħinuhom li jiggarantixxu f'kull ħin ir-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dan ir-riferiment fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif isir dan ir-riferiment għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 15

Reviżjoni mill-Kummissjoni

Mhux iktar tard mit-22 ta' Settembru 1999, il-Kummissjoni għandha, b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u mal-korpi ta' tmexxija u tax-xogħol fil-livell Ewropew, tirrevedi l-operazzjoni tagħha u, b'mod partikolari teżamina jekk il-livelli massimi dwar id-daqs tal-qawwa tax-xogħol humiex xierqa bil-ħsieb li tipproponi emendi xierqa lill-Kunsill, fejn jinħtieġ.

L-Artikolu 16

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Settembru 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

N. Blüm

[1] ĠU C 135, tat-18.5.1994, p.8 u ĠU C 199, tal-21.7.1994, p.10.

[2] Opinjoni mogħtija fl-1 ta' Ġunju 1994 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Mejju 1994 (ĠU C 205, tal-25.7.1994) u l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 1994 (ĠU C 244, tal-31.8.1994, p. 37).

[4] ĠU C 39, tal-15.2.1991, p. 10.

[5] ĠU C 336, tal-31.12.1991, p. 11.

[6] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 1.

[7] ĠU L 48, tat-22.2.1975, p. 29. Regolament kif l-aħħar emendat bid-Direttiva 92/56/KEE (ĠU L 245, tas-26.8.1992, p. 3).

[8] ĠU L 61, tal-5.3.1977, p. 26.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-ĦTIĠIJIET SUSSIDJARI

li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7 tad-Direttiva

1. Sabiex jintlaħaq l-għan ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva u fil-każijiet ipprovduti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, l-istabbiliment, il-kompożizzjoni u l-kompetenza tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jiġi rregolat mir-regoli li ġejjin:

(a) Il-kompetenza tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandha tkun limitata għat-tagħrif u l-konsultazzjoni dwar il-materji li jirrigwardaw l-impriża fuq skala Komunitarja jew il-grupp ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja bħala ħaġa waħda jew mill-inqas tnejn mill-istabbilimenti tagħhom jew mill-grupp ta' l-impriżi li jinsabu fi Stati Membri differenti.

Fil-każ ta' l-impriżi jew il-gruppi ta' l-impriżi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(2), il-kompetenza tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandha tiġi limitata għal dawk il-materji li jirrigwardaw l-istabbilimenti kollha tagħhom jew il-grupp ta' l-impriżi li jinsabu ġewwa l-Istati Membri jew li jirrigwardaw mill-inqas tnejn mill-istabbilimenti tagħhom jew tal-grupp ta' l-impriżi li jinsabu fi Stati Membri differenti.

(b) Il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jkun kompost minn impjegati ta' l-impriża fuq skala Komunitarja jew tal-grupp ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja eletti jew maħtura minn fost in-numru tagħhom mir-rappreżentanti ta' l-impjegati jew, fin-nuqqas ta' dawn, mill-korp intier ta' l-impjegati.

L-elezzjoni jew il-ħatra tal-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandhom jitwettqu skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

(ċ) Il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jkollu minimu ta' tliet membri u massimu ta' 30.

Fejn id-daqs hekk jeħtieġ, (il-Kunsill) għandu jagħżel kumitat minn fost il-membri tiegħu, li jkun fih l-aktar sa tliet membri.

Għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

(d) Fl-elezzjoni jew il-ħatra tal-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, irid jiġi żgurat:

- l-ewwelnett, illi kull Stat Membru fejn l-impriża fuq skala Komunitarja għandha stabbiliment jew aktar jew fejn il-grupp ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għandhom l-impriża tal-kontroll jew fejn impriża tal-kontroll jew aktar huma rrappreżentati minn membru wieħed,

- it-tieninett, illi jkun hemm membri supplimentari fil-proporzjon tan-numru ta' impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti, fl-impriża tal-kontroll jew fl-impriżi kkontrollati kif stabbilit bil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li ġewwa t-territorju tiegħu jkun jinsab il-korp ċentrali ta' tmexxija.

(e) Il-korp ċentrali ta' tmexxija u kull livell xieraq ta' tmexxija għandhom jiġu mgħarrfa bil-kompożizzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.

(f) Erba' snin wara li jiġi stabbilit il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet dan għandu jeżamina jekk jiftaħx in-negozjati għall-konklużjoni tal-ftehim riferit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva jew li jissokta japplika l-ħtiġijiet sussidjarji adottati skond dan l-Anness.

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva għandhom japplikaw, mutatis mutandis, jekk tkun ittieħdet deċiżjoni sabiex jiġi nnegozjat ftehim skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva, fejn, f'dan il-każ, il-frażi "il-korp speċjali tan-negozjati" għandha tiġi mibdula bil-frażi "il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet".

2. Il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jkollu d-dritt li jiltaqa' mal-korp ċentrali ta' tmexxija darba fis-sena, sabiex jiġi mgħarraf u kkonsultat, fuq il-bażi ta' rapport imfassal mill-korp ċentrali ta' tmexxija, dwar il-progress tal-kummerċ ta' l-impriża fuq skala Komunitarja jew tal-grupp ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja u l-prospetti tagħhom. Il-korpi ta' tmexxija lokali għandhom jiġu mgħarrfa kif xieraq.

Il-laqgħa għandha jkollha x'taqsam b'mod partikolari ma' l-istruttura, mas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja, l-iżvilupp probabbli tan-negozju u tal-produzzjoni u l-bejgħ, is-sitwazzjoni u x-xejra probabbli ta' l-impjiegi, l-investimenti, u l-bidliet sostanzjali li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, l-introduzzjoni ta' metodi ġodda tax-xogħol jew ta' l-ipproċessar tal-produzzjoni, it-trasferimenti tal-produzzjoni, l-inkorporazzjonijiet, it-tnaqqis jew l-għeluq ta' l-impriżi, l-istabbilimenti jew partijiet importanti tagħhom, u s-sensji kollettivi.

3. Fejn ikun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jaffettwaw l-interessi ta' l-impjegati b'mod konsiderevoli, b'mod partikolari fil-każ ta' l-allokazzjonijiet mill-ġdid, l-għeluq ta' stabbilimenti jew impriżi jew sensji kollettivi, il-kumitat selettiv jew, fejn ma jeżisti l-ebda kumitat bħal dan, il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jkollu d-dritt li jiġi mgħarraf. Għandu jkollu d-dritt li jiltaqa', fuq it-talba tagħhom, mal-korp ċentrali ta' tmexxija, jew ma' kull livell ta' tmexxija ieħor aktar xieraq fl-impriża jew fil-grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja bil-poteri li jieħdu d-deċiżjonijiet, sabiex jiġu mgħarrfa u kkonsultati dwar il-miżuri sinifikanti li jaffettwaw l-interessi ta' l-impjegati.

Dawk il-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet li kienu ġew eletti jew maħtura mill-istabbilimenti u/jew l-impriżi u li huma direttament interessati fil-miżuri fil-kwistjoni għandu jkollhom ukoll id-dritt li jipparteċipaw fil-laqgħa organizzata mill-kumitat selettiv.

Din il-laqgħa ta' tagħrif u konsultazzjoni għandha ssir malajr kemm jista' jkun fuq il-bażi ta' rapport imfassal mill-korp ċentrali ta' tmexxija jew minn kull livell ieħor ta' tmexxija xieraq ta' l-impriża jew tal-grupp ta' l-impriża fuq skala Komunitarja, li fiha tista' tingħata opinjoni fit-tmiem tal-laqgħa jew fi żmien raġjonevoli.

Din il-laqgħa ma għandhiex taffettwa l-prerogattivi tal-korp ċentrali ta' tmexxija.

4. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli dwar min jippresjedi l-laqgħat ta' tagħrif u konsultazzjoni.

Qabel kull laqgħa mal-korp ċentrali ta' tmexxija, il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew il-kumitat selettiv, miżjud fejn meħtieġ skond it-tieni paragrafu tal-punt 3, għandu jkun intitolat li jiltaqa' mingħajr ma jkun preżenti l-korp ta' tmexxija interessat.

5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 tad-Direttiva, il-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandhom jgħarrfu lir-rappreżentanti ta' l-impjegati ta' l-istabbilimenti jew ta' l-impriżi ta' grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja, jew, fin-nuqqas tar-rappreżentanti, lill-qawwa tax-xogħol bħala korp wieħed, bil-kontenut u bir-riżultat tal-proċedura tat-tagħrif u l-konsultazzjoni mwettqa skond dan l-Anness.

6. Il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew il-kumitat selettiv jistgħu jiġu assistiti minn esperti ta' l-għażla tagħhom, safejn u sakemm dawn ikunu meħtieġa sabiex iwettqu x-xogħlijiet tagħhom (il-Kunsill jew il-kumitat selettiv).

7. L-ispejjeż fuq l-operazzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandhom jinġarru mill-korp ċentrali ta' tmexxija.

Il-korp ċentrali ta' tmexxija interessat għandu jipprovdi lill-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet b'dawk ir-riżorsi finanzjarji u materjali sabiex jgħinuhom jaqdu d-dmirijiet tagħhom b'mod xieraq.

B'mod partikolari, l-ispejjeż dwar l-organizzazzjoni tal-laqgħat u l-arranġamenti għall-faċilitajiet ta' l-interpretazzjoni u l-ispejjez ta' l-akkomodazzjoni u ta' l-ivvjaġġar tal-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u tal-komitat selettiv tiegħu għandhom jitħallsu mill-korp ċentrali ta' tmexxija għajr jekk jiġi miftiehem xorta oħra.

B'konformità ma' dawn il-prinċipji, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli ta' l-estimi li jirrigwardaw l-operazzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Jistgħu b'mod partikolari jillimitaw il-fondi sabiex ikopru espert wieħed biss.

--------------------------------------------------