31994D0829



Official Journal L 351 , 31/12/1994 P. 0015 - 0015
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 8 P. 0018
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 8 P. 0018


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-19 ta' Diċembru, 1994,

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim, permezz ta' skambju ta' ittri dwar l-emenda għall-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, fuq naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern lokali ta' Greenland, fuq in-naħa l-oħra

(94/829/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, flimkien ma' l-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 228(3),

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi il-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, fuq naħa, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern lokali ta' Greenland, fuq l-oħra, iffirmat fit-13 ta' Marzu 1984 [3], jeskadi (jagħlaq) fil-31 ta' Jannar 1995;

Billi skond l-Artikolu 15, fin-nuqqas ta' terminazzjoni tal-Ftehim minn waħda mill-Partijiet, il-Ftehim għandu jkun estiż għal perjodu ieħor ta' sitt snin;

Billi saru taħditiet bil-għan li jkun emendat il-Ftehim biex jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni tat-twaqqif ta' negozji konġunti u intrapriżi konġunti fis-settur tas-sajd bejn sidien ta' bastimenti fil-Komunità u intrapriżi fi Greenland;

Billi huwa fl-interess tal-Komunità Ewropea li tapprova l-Ftehim permezz ta' skambju ta' ittri li jemenda l-Ftehim dwar is-sajd,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim permezz ta' skambju ta' ittri dwar l-emenda għall-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, fuq naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern lokali ta' Greenland, fuq in-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar l-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim permezz ta' skambju ta' ittri biex jorbtu lill-Komunità.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmul fi Brussel, 19 ta' Diċembru, 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Borchert

[1] ĠU C 282, tat-8.10.1994, p. 6.

[2] ĠU C 341, tal-5.12.1994.

[3] ĠU L 29, ta' l-1.2.1985, p. 9.

--------------------------------------------------