31994D0798



Official Journal L 331 , 21/12/1994 P. 0011 - 0021
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 16 P. 0059
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 16 P. 0059


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-8 ta' Diċembru 1994

li taċċetta, f'isem il-Komunità, l-Annessi E.7 u F.4 mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Simplifikazzjoni u l-Armonizzazzjoni ta' Proċeduri Doganali

(94/798/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 228(2),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 75/199/KEE [1], il-Komunità aċċettat il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Simplifikazzjoni u l-Armonizzazzjoni tal-Proċeduri Doganali (il-Konvenzjoni ta' Kyoto);

Billi l-Annessi ma' l-imsemmija Konvenzjoni dwar is-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija u formalitajiet doganali fir-rigward ta' traffiku postali jistgħu jiġu aċċettati mill-Komunità;

Billi huwa xieraq, madankollu, li l-aċċettazjoni tkun akkompanjata minn ċerti riservi sabiex jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti speċjali ta' l-unjoni doganali u tal-leġislazzjoni doganali tal-Komunità,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-Annessi li ġejjin mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Simplifikazzjoni u l-Armonizzazzjoni tal-Proċeduri Doganali huma b'dan aċċettati f'isem il-Komunità, bla ħsara għar-riservi indikati:

- L-Anness E.7 dwar is-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija b'riserva ġenerali u riservi rigward l-I standards 3, 9 u 20 u l-Prassi Rakkomandata 11, 13, 16, 17 u 25,

- L-Anness F.4 dwar il-formalitajiet doganali fir-rigward ta' traffiku postali b'riserva ġenerali u riservi rigward l-I standards 19 u 26 u l-Prassi Rakkomandata 23, 24 u 25.

It-testi ta' l-Annessi E.7 u F.4 mal-Konvenzjoni jidhru fl-Annessi I u II rispettivament ma' din id-Deċiżjoni, li fihom, fl-appendiċi, ir-riservi korrispondenti espressi mill-Komunità.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jaħtar persuna intitolata sabiex tinnotifika lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill dwar Kooperazzjoni Doganali bl-aċċettazzjoni, f'isem il-Komunità, ta' l-Annessi li jirreferi għalihom l-Artikolu 1, flimkien mar-riservi indikati f'dak l-Artikolu.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta' Diċembru 1994.

Għall-Kunsill Il

President

G. Rexrodt

[1] ĠU L 100, tal-21.4.1975, p.1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

L-ANNESS E.7

dwar is-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija

INTRODUZZJONI

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-leġislazzjoni nazzjonali fiha dispożizzjonijiet li taħthom mhux meħtieġ illi merkanzija użata sabiex isiru prodotti għall-esportazzjoni titgħabba b'dazji u taxxi.

Il-proċedura ta' rifużjoni u l-ammissjoni temporanja għall-ipproċessar intern jippermettu rimborż ta', jew riljiev ikkondizzjonat minn, dazji u taxxi ta' importazzjoni li għandhom jingħataw fir-rigward ta' merkanzija estera użata sabiex jinkisbu prodotti għall-esportazzjoni.

Fil-każ tal-proċedura ta' sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija, is-suġġett ta' l-Anness preżenti, it-teknika użata hija li tingħata eżenzjoni minn dazji u taxxi ta' importazzjoni għal merkanzija ekwivalenti għal dik li kienet f'ċirkolazzjoni libera u kienet ipproċessata fi prodotti esportati mit-territorju tad-Dwana.

Madankollu, l-applikazzjoni ta' din il-proċedura tista' ssir suġġetta għall-kondizzjoni illi l-importazzjoni ta' merkanzija ekwivalenti għal dik inkorporata minn qabel fil-prodotti esportati tkun meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti bħala ta' benefiċċju għall-ekonomija nazzjonali.

Prodotti magħmula minn merkanzija ammessa bla dazji u taxxi ta' importazzjoni taħt din il-proċedura jistgħu jitqiegħdu fuq is-suq domestiku. Jekk jiġu esportati, il-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija tista' għal darb'oħra ssir applikabbli.

DEFINIZZJONIJIET

Għall-iskopijiet ta' dan l-Anness

(a) it-terminu "proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija" jfisser il-proċedura doganali li tippermetti l-importazzjoni, bla dazji u taxxi ta' importazzjoni, ta' merkanzija ekwivalenti (i. e. identika fid-deskrizzjoni, kwalità u karatteristiċi tekniċi) għal dik li kienet f'ċirkolazzjoni libera u li kienet ipproċessata fi prodotti li qabel kienu jiġu esportati fil-pront;

(b) it-terminu "dazji u taxxi ta' importazzjoni" jfisser id-dazji doganali u kull dazji oħra, taxxi, piżijiet jew ħlasijiet oħra li jinġabru fuq jew in konnessjoni ma' l-importazzjoni ta' merkanzija, imma ma jinkludux piżijiet u ħlasijiet li huma limitati fl-ammont għall-ispejjeż approssimattivi tas-servizzi mogħtija;

(ċ) it-terminu "persuna" jfisser kemm persuni naturali u kemm ġuridiċi, sakemm il-kuntest ma jirrekjedix mod ieħor.

PRINĊIPJU

1. Standard

Il-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness.

QASAM TA' APPLIKAZZJONI

2. Standard

Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom il-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija tista' tingħata u għandha tippreskrivi r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti.

Noti

(1) Iċ-ċirkostanzi li fihom il-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija hija permessa jistgħu jkunu ddikjarati f'termini ġenerali u/jew fid-dettall.

(2) L-għoti ta' din il-proċedura jista' jsir suġġett għall-kondizzjoni li l-importazzjoni ta' merkanzija ekwivalenti għal dik inkorporata fil-prodotti esportati minn qabel hu meqjus mill-awtoritajiet kompetenti bħala ta' benefiċċju għall-ekonomija nazzjonali.

(3) Il-benefiċċju tal-proċedura jista' jkun riservat għal persuni stabbiliti fit-territorju tad-Dwana.

3. Standard

Fil-punt ta' importazzjoni, merkanzija ekwivalenti għal dik li kienet f'ċirkolazzjoni libera u li kienet inkorporata fil-prodotti esportati qabel għandha tingħata eżenjoni totali minn dazji u taxxi ta' importazzjoni, suġġetta għal ħlas ta' kull dazji u taxxi mħallsin mill-ġdid jew imneħħija fuq l-esportazzjoni tal-prodotti.

Noti

(1) L-eżenzjoni minn dazji u taxxi ta' importazzjoni tista' tingħata fir-rigward ta' materji primi u prodotti nofshom manufatturati kif ukoll lil partijiet ekwivalenti għal dawk inkorporati, mingħajr iktar manufattura, fil-prodotti esportati.

(2) Merkanzija bħal katalisti u aċċeleraturi jew ritardaturi ta' reazzjonijiet kimiċi li, wara li jintużaw biex jinkisbu prodotti għal esportazzjoni bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija, jisparixxu għal kollox jew parzjalment matul tali użu mingħajr ma attwalment jibqgħu fil-prodotti għall-esportazzjoni, jistgħu jkunu ttrattati bħala merkanzija użata sabiex jinkisbu l-prodotti msemmija u tingħata l-istess eżenzjoni minn dazji u taxxi ta' importazzjoni. Madankollu, din l-eżenzjoni normalment ma tiġix estiza għal sempliċi għajnuniet għall-manufattura bħall-lubrifikanti.

4. Prassi Rakkomandata

Il-benefiċċju tal-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija m'għandux jinżamm milli jingħata biss minħabba li l-prodotti huma esportati lil pajjiż speċifiku.

5. Standard

Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika l-kategoriji ta' persuni li jistgħu jirċievu awtorizzazzjoni għas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija.

Nota

Il-possessur ta' awtorizzazzjoni għas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija jista' jkun l-esportatur, il-fabbrikant jew is-sid tal-prodotti esportati.

6. Standard

Il-benefiċċju tal-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija għandu jingħata fejn hu possibbli sabiex jiżgura illi l-użu tal-merkanzija jasal fil-prodotti esportati.

Nota

Sabiex ikun żgurat illi l-użu tal-merkanzija jasal fil-prodotti esportati, l-awtoritajiet doganali jistgħu jwettqu kontrolli matul il-proċess ta' manufattura jew jirrikorru għall-kotba miżmuma mill-fabbrikant tal-prodotti li għandhom jiġu esportati.

ESPORTAZZJONI TA' PRODOTTI INTITOLATI GĦAL SOSTITUZZJONI BLA DAZJU TA' MERKANZIJA

(a) Formalitajiet qabel l-esportazzjoni tal-prodotti

7. Standard

Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom l-applikazzjoni tal-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija hija meħtieġa minn qabel u l-awtoritajiet mogħtija s-setgħa li jagħtu tali awtorità.

8. Prassi Rakkomandata

Persuni li jagħmlu operazzjonijiet fuq skala wiesgħa u kontinwi li jinvolvu s-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija għandhom jingħataw awtorità ġenerali li tkopri tali operazzjonijiet.

9. Standard

Id-deskrizzjoni, kwalità, karatteristiċi tekniċi u kwantità tal-merkanzija varja li kienet f'ċirkulazzjoni libera u hija fil-prodotti li għandhom jiġu esportati bid-dritt ta' sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija għandha tiġi ddeterminata mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet attwali li taħthom kienu nkisbu dawk il-prodotti.

10. Prassi Rakkomandata

Fid-determinazzjoni tal-kwantitajiet tal-merkanzija varja li qiegħda fil-prodotti li għandhom jiġu esportati bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju tal-merkanzija, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw it-telf u l-ħela li ma jistgħax jiġi rkuprat ikkawżati mill-proċess ta' manufattura.

11. Prassi Rakkomandata

Fejn prodotti li għandhom jiġu esportati bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija għandhom karatteristiċi li huma raġonevolment kostanti u jinkisbu taħt kondizzjonijiet tekniċi definiti b'mod ċar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu skali ta' kwantità standard għal merkanzija varja li qiegħda fil-prodotti li għandhom jiġu esportati.

(b) Dikjarazzjoni għal esportazzjoni bi dritt għal sotituzzjoni bla dazju ta' merkanzija

12. Standard

Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom prodotti li għandhom jiġu esportati bi dritt għal sotituzzjoni bla dazju ta' merkanzija għandhom ikunu prodotti fl-uffiċċju doganali kompetenti u dikjarazzjoni tal-merkanzija (għal barra) għandha tiġi ddepożitata.

Nota

Il-leġislazzjoni nazzjonali tista' tipprovdi li d-dikjarazzjoni ta' merkanzija relevanti għall-esportazzjoni tal-prodott għandu jkun fiha d-dettalji meħtieġa sabiex d-dwana tkun tista' tiddetermina l-kwantitajiet tal-merkanzija varja li għalihom għandha tintalab eżenzjoni minn dazji u taxxi ta' importazzjoni.

13. Prassi Rakkomandata

Fejn l-awtoritajiet kompetenti ma setgħux jagħtu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta' sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija, min jagħmel id-dikjarazzjoni għandu jkun awtorizzat jesporta l-prodotti kkonċernati mingħajr dewmien sakemm il-kondizzjonijiet preskritti jkunu sodisfatti u mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali.

14. Prassi Rakkomandata

Il-formoli nazzjonali użati għall-esportazzjoni ta' prodotti bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija għandhom ikunu armonizzati mad-dikjarazzjoni ta' merkanzija (għal barra).

(ċ) Eżami tal-prodotti esportati bi dritt għal sotituzzjoni bla dazju ta' merkanzija

15. Prassi Rakkomandata

Fuq talba ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni, u għal raġunijiet li huma jqisu validi, l-awtoritajiet doganali għandhom, kemm jista' jkun possibbli, jippermettu prodotti għall-esportazzjoni bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija li jiġu eżaminati f'post privat, bl-ispejjeż involuti f'tali eżami jitħallsu minn min jagħmel id-dikjarazzjoni.

(d) Destinazzjonijiet awtorizzati ta' prodotti esportati bi dritt għal sotituzzjoni bla dazju ta' merkanzija

16. Prassi Rakkomandata

Għandhom isiru dispożizzjonijiet li jippermettu prodotti għal esportazzjoni bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija li jitqiegħdu f'portijiet liberi u żoni liberi.

17. Prassi Rakkomandata

Għandhom isiru dispożizzjonijiet sabiex jippermettu illi prodotti għal esportazzjoni bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija jitqiegħdu f'maħżen tad-dwana bil-ħsieb li jiġu sussegwentement esportati.

(e) Ċertifikat ta' esportazzjoni bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija

18. Standard

Fejn prodotti jiġu esportati bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija, l-awtoritajiet doganali għandhom joħorġu lil min jagħmel id-dikjarazzjoni dokument li jistabbilixxi d-dritt tiegħu li jimporta, mingħajr ħlas ta' dazji u taxxi ta' importazzjoni, merkanzija ekwivalenti għal dik li kienet f'ċirkolazzjoni libera u li kienet qiegħda fil-prodotti in kwestjoni.

Nota

Id-dokument maħruġ lil min jagħmel id-dikjarazzjoni jkun jikkonsisti f'kopja, iċċertifikata kif xieraq mid-dwana, tad-dikjarazzjoni għal esportazzjoni bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija, jew jista' jsir fuq il-formola xierqa.

IMPORTAZZJONI TA' MERKANZIJA

19. Standard

Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom merkanzija li tkun ammessa bla dazji u taxxi ta' importazzjoni taħt il-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija għandha tkun prodotta lill-uffiċċju tad-dwana kompetenti u dikjarazzjoni ta' merkanzija għandha tkun iddepożitata.

Nota

Il-leġislazzjoni nazzjonali tista' tipprovdi li d-dikjarazzjoni ta' merkanzija għandu jkun fiha d-dettalji meħtieġa sabiex tkun awtorizzata eżenzjoni minn dazji u taxxi ta' importazzjoni u li d-dokument(i) ta' dritt maħruġ mill-awtoritajiet doganali għandu jiġi ppreżentat bħala appoġġ għal dik id-dikjarazzjoni.

20. Standard

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu bil-konsiderazzjoni dovuta għaċ-ċirkostanzi kummerċjali l-limitu ta' żmien għall-importazzjoni ta' merkanzija li tista' tkun ammessa bla dazji u taxxi ta' importazzjoni.

21. Standard

Għandha ssir dispożizzjoni li tippermetti merkanzija li tista' tkun ammessa bla dazji u taxxi ta' importazzjoni tkun importata minn uffiċċju ta' dwana differenti minn dak li minnu l-prodotti kienu esportati.

22. Standard

Għandha ssir dispożizzjoni li tippermetti merkanzija li tista' tkun ammessa bla dazji u taxxi ta' importazzjoni li tiġi mportata f'kunsinna waħda jew aktar.

23. Standard

Għandha ssir dispożizzjoni li tippermetti li merkanzija koperta b'aktar minn dokument wieħed li jistabbilixxu d-dritt għal importazzjoni taħt il-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija tiġi mportata f'kunsinna waħda.

24. Standard

Għandha ssir dispożizzjoni li tippermetti merkanzija li tista' tkun ammessa bla dazji u taxxi ta' importazzjoni li tiġi mportata minn pajjiż differenti minn dak li għalih il-prodotti kienu esportati.

25. Prassi Rakkomandata

Għandha ssir dispożizzjoni li tippermetti merkanzija li tista' tkun ammessa bla dazji u taxxi ta' impurtazzjoni tkun importata minn persuna differenti mill-esportatur tal-prodotti, bla ħsara għal konformià mal-kondizzjonijiet preskritti mill-awtoritajiet doganali.

26. Prassi Rakkomandata

Fuq talba ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni, u għal raġunijiet meqjusa validi, l-awtoritajiet doganali għandhom, kemm jista' jkun possibbli, jippermettu merkanzija li tista' tkun ammessa bla dazji u taxxi ta' importazzjoni tkun eżaminata f'post privat, bl-ispejjeż involuti f'tali eżami jitħallsu minn min jagħmel id-dikjarazzjoni.

27. Standard

Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika t-trattament doganali applikabbli meta prodotti li kienu esportati bi dritt għal sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija jkunu importati mill-ġdid.

INFORMAZZJONI DWAR IL-PROĊEDURA TAS-SOSTITUZZJONI BLA DAZJU TA' MERKANZIJA

28. Standard

L-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha relevanti dwar il-proċedura tas-sostituzzjoni bla dazju ta' merkanzija tkun disponibbli mill-aktar fis.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

L-ANNESS F.4

Dwar il-formalitajiet doganali fir-rigward ta' traffiku postali

INTRODUZZJONI

IL-posta dejjem kienet wieħed mill-metodi l-aktar użati sabiex jintbagħtu mhux biss tislijiet u informazzjoni imma wkoll rigali u merkanzija oħra minn persuna għal oħra.

Id-dwana hija neċessarjament involuta fit-traffiku internazzjoni postali ġaladarba, bħalma fil-każ ta' merkanzija importata u esportata b'mezzi oħra, għandha tiżgura li d-dazji u taxxi xierqa jinġabru, tinforza projbizzjonijiet u restrizzjonijiet ta' importazzjonijiet u esportazzjonijiet, u b'mod ġenerali tiżgura l-konformità mal-liġijiet u regolamenti li hija responsabbli illi tinforza.

Minħabba n-natura speċjali tat-traffiku postali, madankollu, il-formalitajiet doganali fir-rigward ta' oġġetti li jinġarru bil-posta huma xi ftit differenti minn dawk li jgħoddu għal merkanzija li tinġarr b'mezzi oħra. Filwaqt li oġġetti postali individwali huma ristretti fid-daqs, in-numri tagħhom huma enormi u, biex jiġi evitat li jinħoloq dewmien mhux aċċettabbli, arranġamenti amministrattivi speċjali huma meħtieġa sabiex ilaħħqu magħhom. Dan huwa possibbli għaliex kważi f'kull pajjiż s-servizzi postali huma forniti minn amministrazzjonijiet u awtoritajiet pubbliċi, u ż-żewġ korpi pubbliċi involuti fit-traffiku postali, il-posta u d-dwana, jikkooperaw flimkien b'mod mill-aktar qrib.

Barra minn din il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet doganali u postali fuq livell nazzjonali, hemm kollaborazzjoni mill-qrib fuq il-livell internazzjonali bejn l-Unjoni Postali Universali (l-organizzazzjoni internazzjonali li r-regoli u r-regolamenti tagħha jirregolaw it-traffiku postali) u l-Kunsill. Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali, per eżempju, stabbilixxew Kumitat ta' Kuntatt li fih esperti tad-dwana u postali jiltaqgħu sabiex jiddiskutu u jsibu soluzzjonijiet aċċettabbli fuq skala internazzjonali għal problemi li ma jistgħux jiġu solvuti fuq skala nazzjonali jew bilaterali.

DEFINIZZJONIJIET

Għall-iskopijiet ta' dan l-Anness:

(a) it-terminu "oġġetti postali" jfisser posta ta' ittri u pakketti postali;

(b) it-terminu "oġġetti ta' posta ta' ittri" jfisser ittri, kartolini, karti stampati, letteratura għall-għomja u pakketti żgħar deskritti bħala oġġetti ta' posta ta' ittri fl-Atti ta' l-Unjoni Postali Universali bħalissa fis-seħħ.

Nota

Skond l-Atti ta' l-Unjoni Postali Universali huwa meħtieġ illi ċerti oġġetti ta' posta ta' ittri jkunu akkompanjati minn formoli ta' dikjarazzjoni doganali C 1 u/jew C 2/CP 3 kif xieraq;

(ċ) it-terminu "pakketti postali" jfisser oġġetti msejħa pakketti postali skond it-tifsira ta' l-Atti ta' l-Unjoni Postali Universali bħalissa fis-seħħ.

Nota

Skond l-Atti ta' l-Unjoni Postali Universali, huwa meħtieġ illi pakketti postali jkunu akkompanjati minn formola ta' dikjarazzjoni doganali C 2/CP 3;

(d) it-terminu "l-Unjoni Postali Universali" jfisser l-organizzazzjoni inter-governattiva mwaqqfa fl-1874 bit-Trattat ta' Berna bħala l-Unjoni Postali Ġenerali li, fl-1878, issemmiet mill-ġdid l-Unjoni Postali Universali (UPU) u li mill-1948 saret aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti (bil-kwartieri ġenerali f'Berna);

(e) it-terminu "dazji u taxxi ta' importazzjoni" jfisser dazji doganali u d-dazji l-oħra kollha, taxxi, piżijiet jew ħlasijiet oħra li jinġabru fuq jew in konnessjoni ma' l-importazzjoni ta' merkanzija imma ma jinkludux piżijiet u ħlasijiet li huma limitati għal ammont ta' l-ispejjeż approssimattivi tas-servizzi mogħtija;

(f) it-terminu "dazji u taxxi ta' esportazzjoni" jfisser dazji doganali u d-dazji l-oħra kollha, taxxi, piżijiet jew ħlasijiet oħra li jinġabru fuq jew in konnessjoni ma' l-esportazzjoni ta' merkanzija imma ma jinkludux piżijiet jew ħlasijiet li huma limitati għal ammont ta' l-ispejjeż approssimattivi tas-servizzi mogħtija,

(g) it-terminu "dikjarazzjoni ta' merkanzija" jfisser dikjarazzjoni magħmula fuq il-formola preskritta mid-dwana li biha l-persuni interessati juru l-proċedura doganali li għandha tkun applikata għall-merkanzija u jfornu d-dettalji li d-dwana tirrikjedi li għandhom ikunu ddikjarat għall-applikazzjoni ta' dik il-proċedura;

(h) it-terminu "żdoganar" ifisser it-temma tal-formalitajiet doganali meħteġa biex il-merkanzija tingħata l-permess li tiġi esportata, li tidħol għal użu domestiku jew li titqiegħed taħt proċedura doganali oħra;

(ij) it-terminu "żdoganar għal użu domestiku" jfisser il-proċedura doganali li tipprovdi li merkanzija importata tista' tibqa' permanentament fit-territorju doganali. Din il-proċedura timplika li jitħallsu d-dazji u taxxi ta' importazzjoni a karigu kollha u li jitlestew il-formalitajiet doganali meħtieġa kollha;

(k) it-terminu "eżami ta' oġġetti postali" jfisser l-ispezzjoni fiżika ta' merkanzija f'oġġetti postali mid-dwana sabiex tiġi żgurata n-natura, oriġini, kondizzjoni, kwantità u valur tagħhom;

(l) it-terminu "merkanzija f" ċirkolazzjoni libera' jfisser merkanzija li wieħed jista' jiddisponi minnha mingħajr restrizzjonijiet doganali;

(m) it-terminu "kontroll doganali" jfisser il-miżuri applikati sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet u regoli li d-dwana hija responsabbli illi tinforza;

(n) it-terminu "rilaxx" ifisser l-azzjoni li biha d-dwana tippermetti li merkanzija li tkun għaddejja minn proċess ta' żdoganar titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati;

(o) it-terminu "persuna" jfisser kemm persuni naturali u kemm ġuridiċi, sakemm il-kuntest ma jirrekjedix mod ieħor.

MPRINĊIPJI

1. Standard

Il-formalitajiet doganali fir-rigward ta' oġġetti postali għandhom jiġu rregolati bid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness.

2. Standard

Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti u l-formalitajiet li għandhom jitwettqu għall-iskopijiet tad-dwana fir-rigward ta' oġġetti postali.

3. Standard

L-iżdoganar ta' oġġetti postali għandu jsir mill-aktar fis possibbli u l-kontroll doganali għandu jkun ristrett għall-minimu meħtieġ biex tkun żgurata l-konformità mal-liġijiet u r-regoli li d-dwana hija responsabbli illi rinforza.

RELAZZJONIJIET BEJN ID-DWANA U L-AWTORITAJIET POSTALI

4. Standard

Il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika r-responsabbilitajiet u l-obbligazzjonijiet rispettivi ta' l-awtoritajiet doganali u postali in konnessjoni mat-trattament doganali ta' oġġetti postali.

Nota

(1) L-awtoritajiet postali għandhom ċerti obbligazzjonijiet u responsabbilitajiet li joħorġu direttament mill-Atti ta' l-Unjoni Postali Universali. Responsabbilitajiet u obbligazzjonijiet oħra ta' l-awtoritajiet postali u dawk tad-dwana jistgħu jkunu deċiżi bi qbil miż-żewġ naħat bejn iż-żewġ awtoritajiet.

(2) L-awtoritajiet postali huma normalment responsabbli għall-ġarr, ħażna u produzzjoni lill-awtoritajiet doganali ta' oġġetti doganali u, wara talba mill-awtoritajiet doganali, jistgħu jiftħuhom għal skopijet ta' kontrolli doganali. Madankollu, f'xi pajjiżi l-ġarr, ħażna u produzzjoni attwali lill-awtoritajiet doganali ta' pakketti postali jsiru, bi qbil, mhux mill-awtoritajiet postali nfushom imma minn awtoritajiet ferrovjarji u intrapriżi approvati oħra. Arranġamenti prattiċi bħal dawn ifissru li f'dawn il-pajjiżi uħud minn dawn l-obbligazzjonijiet jistgħu jsiru r-responsabbiltà ta' l-intrapriża approvata.

(3) Filwaqt li ma jaċċettawx responsabbiltà għall-korrettezza ta' dikjarazzjonijiet doganali (e.g. formoli C 2/CP 3), awtoritajiet postali fil-pajjiż ta' tluq fil-prinċipju jiċċekkjaw illi dikjarazzjonijiet doganali dwar oġġetti postali huma, fejn xieraq, preżenti, u sa fejn hu possibbli jieħdu passi sabiex jiżguraw li huma mimlija b'mod korrett u sħiħ. Meta jkun hemm dikjarazzjoni li tkun tidher li ma tkunx mimlija sew, l-awtoritajiet postali ġeneralment jiġbdu l-attenzjoni ta' min jibgħatha għar-regolamenti doganali relevanti u jistgħu jirrifjutaw l-oġġett postali in kwestjoni.

Meta kunsinna tikkonsisti f'numru ta' oġġetti, b'mod partikolari fil-każ ta' kusinni kummerċjali, l-awtoritajiet postali normalment jinformaw lil min jibgħathom bil-ħtieġa li jehimżu dokumenti separati (bħal ċertifikati ta' oriġini) ma' kull oġġett.

5. Standard

L-awtoritajiet doganali, b'kull qbil meħtieġ ma' l-awtoritajiet postali, għandhom jaħtru l-uffiċċju tad-dwana jew postijiet oħra li fihom oġġetti postali jistgħu jkunu żdoganati.

Noti

(1) Jistgħu jitwaqqfu uffiċċji konġunti dwana/posta, jew jiġu stazzjonati fuq bażi permanenti jew għal ftit sigħat kuljum f'uffiċċji tal-posta uffiċjali doganali, f'dawn iċ-ċirkostanzi imsemmija l-aħħar, l-awtoritajiet postali jistgħu jipprovdu lid-dwana akkomodazzjoni għal uffiċċju.

(2) Uffiċċji doganali jistgħu jitwaqqfu f'uffiċċji tal-posta ta' skambju, li huma uffiċċji postali responsabbli għal skambju ta' kunsinni postali ma' l-awtoritajiet postali esteri proprji.

ESPORTAZZJONI TA' OĠĠETTI POSTALI

(a) Status doganali ta' merkanzija

6. Standard

Għandu jingħata permess li ssir l-esportazzjoni ta' merkanzija f'oġġetti postali bla ma jingħata każ jekk humiex f'ċirkolazzjoni libera jew taħt proċedura doganali bħal ħażna doganali jew ammissjoni temporanja, sakemm, meta huma taħt proċedura doganali, ikun hemm konformità mal-formalitajiet kollha preskritti għal dik il-proċedura.

Nota

L-esportazzjoni bil-posta ta' ċerta merkanzija inklużi narkotiċi, esplossivi, sustanzi inflammabbli u oħrajn perikulużi, hija strettament irregolata u f'każijiet hija pprojbita bl-Atti tal-Unjoni Postali Universali.

(b) Produzzjoni lid-dwana

7. Standard

L-awtoritajiet doganali għandhom jindikaw l-oġġetti postali li għandhom jitwasslulhom għall-esportazzjoni għall-iskopijiet tal-kontrolli doganali.

Nota

Taħt is-sistema ta' żdoganar permezz ta' dokumenti użat f'ċerti pajjiżi, id-dokumenti biss u mhux l-oġġetti nfushom għandhom ikunu sottomessi lid-dwana qabel kollox; id-dwana mbagħad tindika lill-awtoritajiet postali liema oġġetti għandhom jingħatawlha għall-kontroll doganali.

8. Prassi Rakkomandata

Bħala regola ġenerali, id-dwana m'għandhiex tirrikjedi oġġetti postali sabiex jingħatawlha għall-esportazzjoni għall-iskop ta' kontroll doganali sakemm ma fihomx merkanzija li l-esportazzjoni tagħha għandha tkun iċċertifikata, merkanzija li hija suġġetta għal projbizzjonijiet ta' esportazzjoni jew dazji u taxxi ta' esportazzjoni, jew merkanzija li għandha valur li jeċċedi l-ammont speċifikat fil-leġislazzjoni nazzjonali, jew hija magħżula għall-kontroll doganali fuq bażi ta' għażla jew bl-addoċċ.

Noti

(1) Hemm każijiet varji li fihom l-esportazzjoni tal-merkanzija tista' tiġi ċċertifikata, bħal meta merkanzija tkun esportata temporanjament jew qiegħda tkun esportata taħt kondizzjonijiet ta' rifużjoni jew wara ammissjoni temporanja.

(2) Merkanzija li qed tiġi esportata bil-posta tista' tkun żdoganata jew qabel jew wara l-impostar. F'pajjiżi fejn il-proċedura normalment użata hija żdoganar qabel l-impostar, id-dwana tista' timmarka kunsinni b'timbri jew tikketti speċjali, tista' jew tista' tawtorizza l-esportazzjoni fuq dokument mehmuż bħan-nota ta' dispaċċ (CP 2). F'pajjiżi fejn huma normalment żdoganati wara l-impostar, l-iżdoganar jista' jsir fl-uffiċċju postali ta' skambju jew f'uffiċċju postali ieħor ipprovdut b'servizzi doganali, fejn ikun meħtieġ li l-merkanzija tiġi ttrasferita għal uffiċċju postali tali għall-iskopijiet ta' kontroll.

(3) Merkanzija li hija suġġetta għal dazji u taxxi ta' esportazzjoni hija soltu żdoganata mid-dwana qabel l-impostar, bid-dazji u taxxi ta' esportazzjoni jkunu mħallsa qabel ma l-merkanzija tkun għaddiet lill-awtoritajiet postali għal esportazzjoni. F'xi pajjiżi, madankollu, l-awtoritajiet postali jistgħu jiġbru d-dazji u taxxi ta' esportazzjoni, bil-kontijiet ikunu mħallsa u l-pagament ikun sar fl-importazzjoni.

(ċ) Dokumenti

9. Prassi Rakkomandata

Dikjarazzjoni ta' merkanzija m'għandhiex tkun meħtieġa fir-rigward ta' l-esportazzjoni ta' oġġetti postali sakemm l-oġġett ma jkunx fih merkanzija li l-esportazzjoni tagħha għandha tkun iċċertifikata, merkanzija li hija suġġetta għal projbizzjonijiet ta' esportazzjoni jew suġġetta għal dazji u taxxi ta' esportazzjoni, jew merkanzija li fiha valur li jeċċedi ammont speċifikat fil-leġislazzjoni nazzjonali.

(d) Eżami ta' oġġetti postali

10. Standard

L-awtoritajiet doganali m'għandhomx bħala ħaġa ta' bilfors jeżaminaw l-oġġetti postali kollha għall-esportazzjoni imma għandhom jillimitaw ruħhom għat-twettiq ta' eżamijiet fuq bażi ta' għażla jew bl-addoċċ.

11. Prassi Rakkomandata

Fejn l-awtoritajiet doganali jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jeżaminaw oġġetti postali għall-esportazzjoni, għandhom jillimtaw il-firxa ta' l-eżami għal dik meqjusa meħtieġa sabiex tiżgura konformità mal-liġijiet u regoli li d-dwana hija responsabbli tinforza.

OĠĠETTI POSTALI FI TRANSITU (F'PASSAĠĠ)

12. Standard

Oġġetti postali m'għandhomx ikunu suġġetti għal formalitajiet doganali filwaqt li jkunu jinġarru fit-traffiku internazzjonali.

IMPORTAZZJONI TA' OĠĠETTI POSTALI

(a) Merkanzija li tista' tkun ammessa

13. Standard

L-importazzjoni ta' merkanzija ta' oġġetti postali għandha tkun permessa irrispettivament jekk hi maħsuba għal żdoganar għall-użu domestiku jew għal proċedura doganali oħra.

(b) Għoti lill-awtoritajiet doganali

14. Standard

L-awtoritajiet doganali għandhom jiddikjaraw l-oġġetti postali importati li huma jirrekjedu li jkunu ppreżentati għall-iskopijijet ta' kontroll doganali.

Nota

Taħt is-sistema ta' żdoganar bid-dokumenti użata f'xi pajjiżi għal pakketti postali, biss id-dokumenti u mhux l-oġġetti nfushom jkunu sottomessi lid-dwana qabel kollox; id-dwana mbagħad tindika lill-awtoritajiet postali liema oġġetti għandhom ikunu ppreżentati lilha għall-kontroll doganali.

15. Prassi Rakkomandata

L-awtoritajiet doganali m'għandhomx, bħala regola ġenerali, jirrekjedu li jkunu ppreżentati l-kategoriji ta' ittri bil-posta li ġejjin:

(i) kartolini, u ittri li jkun fihom messaġġi personali biss;

(ii) letteratura għall-għomja;

(iii) karti stampati mhux suġġetti għal dazji u taxxi ta' importazzjoni.

16. Standard

Meta oġġetti postali importati jkunu ppreżentati lid-dwana, din ta' l-aħħar għandha tirrikjedi biss dawk id-dokumenti li huma meħtieġa għal żdoganar.

Noti

(1) Id-dokumenti involuti jistgħu jvarjaw minn wieħed għall-ieħor skond in-natura ta' l-oġġett u l-kontenut, valur, eċċ. tiegħu. Huma għandhom normalment jinkludu l-formola tad-dikjarazzjoni doganali C 1 jew C 2/CP 3, kif xieraq, in-nota ta' dispaċċ CP 2 fil-każ ta' pakketti postali u kull ċertifikat ta' oriġini, fatturi, u oħrajn meħtieġa.

(2) Metodi varji jistgħu jintużaw sabiex tintbagħat il-formola tad-dikjarazzoni doganali C 2/CP 3. Il-formola tista' tinhemeż man-nota ta' dispaċċ, tkun imwaħħla ma' l-oġġett jew tintrabat miegħu jew tingħalaq fl-oġġett jekk il-pajjiż ta' destinazzjoni jirrekjedi hekk. Il-formola tista' wkoll tintbagħat separatament mill-oġġett taħt ċerti arranġamenti miftehma.

17. Standard

Fejn il-formola tad-dikjarazzjoni doganali C 2/CP 3 hija pprovduta fir-rigward ta' oġġetti postali importati, l-awtoritajiet doganali għandhom jirrekjedu mhux iktar minn kopja waħda.

(ċ) Żdoganar mal-formoli tad-dikjarazzjoni doganali C 1 u C 2/CP 3 jew ma' dikjarazzjoni ta' merkanzija

18. Prassi Rakkomandata

Meta l-informazzjoni kollha rekwiżita mill-awtoritajiet doganali tkun disponibbli mill-formola tad-dikjarazzjoni doganali C 1 jew C 2/CP 3 relevanti u dokumenti ta' sostenn, oġġetti postali għandhom ikunu żdoganati ma' dawk id-dokumenti u m'għandha tintalab l-ebda dikjarazzjoni separata ta' merkanzija ħlief fil-każ ta' kunsinni kummerċjali li għandhom valur li jeċċedi l-ammont speċifikat fil-leġislazzjoni nazzjonali u fil-każ ta' merkanzija maħsuba li tkun żdoganata taħt proċedura doganali differenti minn użu domestiku.

19. Standard

Meta merkanzija li qiegħda f'oġġetti postali għandha tkun żdoganata taħt proċedura doganali differenti minn użu domestiku, dikjarazzjoni ta' merkanzija għandha tkun iddepożitata fuq il-formola u fin-numru ta' kopji preskritti għal proċedura doganali in kwestjoni u l-formlitajiet meħtieġa għal dik il-proċedura għandhom ikunu sodisfatti.

Note

Id-dikjarazzjoni ta' merkanzija tista' tkun dokument nazzjonali jew tista' tkun dokument internazzjonali bħal carnet ATA.

20. Standard

Meta dikjarazzjoni ta' merkanzija tkun meħtieġa fir-rigward ta' oġġetti postali li għandhom ikunu żdoganati għal użu domestiku, il-formola li għandha tintuża għad-dikjarazzjoni ta' merkanzija għandha tikkonforma mal-mudell uffiċjali preskritt mill-awtoritajiet kompetenti u l-formalitajiet l-oħra meħtieġa għal dik il-proċedura għandhom ikunu sodisfatti.

Noti

(1) Il-formola tad-dikjarazzjoni ta' merkanzija għal użu domestiku tista' tkun l-istess bħal dik preskritta għall-importazzjonijiet b'mezzi oħra jew tista' tkun formola ddisinjata b'mod speċjali għal importazzjonijiet bil-posta.

(2) Id-dikjarazzjoni ta' merkanzija tista' timtela mill-awtoritajiet postali, mid-destinatarju jew minn aġent awtorizzat.

(d) Eżami ta' oġġetti postali

21. Standard

L-awtoritajiet doganali m'għandhomx bħala ħaġa ta' bilfors jeżaminaw l-oġġetti postali kollha importati imma għandhom jillimitaw ruħhom għat-twettiq ta' eżamijiet fuq bażi ta' għażla jew bl-addoċċ.

22. Prassi Rakkomandata

Fejn l-awtoritajiet doganali jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jeżaminaw oġġetti postali għandhom jillimtaw il-firxa ta' l-eżami tagħhom għal dik meqjusa meħtieġa sabiex tiżgura konformità mal-liġijiet u r-regoli li d-dwana hija responsabbli illi tinforza.

(e) Stima u ġbir ta' dazji u taxxi ta' importazzjoni

23. Prassi Rakkomandata

Sistema ta'stima b'rata waħda għandha tkun applikata fuq merkanzija importata għal użu domestiku f'oġġetti postali, sakemm l-importazzjoni hija ta' natura non-kummerċjali u l-valur totali tal-merkanzija ma jeċċedix ċifra li m'għandiex tkun inqas minn US $ 100. Is-sistema ta' rata waħda:

- għandha tippreskrivi rati li jkopru t-tipi kollha ta' dazji u taxxi ta' importazzjoni,

- m'għandiex iċċaħħad lill-merkanzija mill-benefiċċju ta' kull faċilita ta' ammissjoni bla dazju li hi tkun b'mod ieħor intitolata għaliha,

- għandha tipprovdi li merkanzija tista', jekk id-destinatarju jkun preżenti waqt l-iżdoganar u hekk jitlob, tkun iċċarġjata bir-rati ta' dazji u taxxi ta' importazzjoni proprji ta' l-oġġetti tagħha, f'liema każ, madankollu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrekjedu l-oġġetti suġġetti għad-dazju u taxxabbli għandhom ikunu hekk iċċarġjati, u m'għandhomx jeskludu l-possibiltà għall-awtoritajiet doganali li jiddeterminaw rati speċjali għal oġġetti b'dazju għoli u wkoll li jeskludu xi oġġetti mill-benefiċċju tas-sistema b'rata waħda.

Nota

Importazzjoni hija soltu meqjusa ta' natura non-kummerċjali meta hija okkażjonali u tikkonsisti biss f'merkanzija għal użu personali jew għal konsum mid-destinatarju jew il-familja tiegħu u fejn m'hemm ebda ħjiel, min-natura u l-kwantità tagħha, li hija importata għall-skopijiet kummerċjali.

24. Prassi Rakkomandata

Ammissjoni bla dazji u taxxi ta' importazzjoni għandha tingħata fir-rigward ta' kunsinni li fihom biss rigali personali (esklużi alkoħol, xorb alkoħoliku jew oġġetti ta' tabakk) li l-valur totali tagħhom, iddeterminat fuq il-bażi tal-prezzijiet bl-imnut fil-pajjiż mnejn ikun mibgħut, ma jeċċedix it-30 SDRs. Fejn kunsinni varji jintbagħtu fl-istess ħin mill-istess mittent għall-istess destinatarju, il-valur aggregat għandu jittieħed bħala l-valur totali tal-kunsinni kollha. Il-formalitajiet sabiex tinkiseb ammissjoni bla dazji u taxxi ta' importazzjoni għandha tkun kemm jista' jkun faċli. Għandu jkun possibbli li jiġu ammessi rigali bħal dawn bla projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ekonomiċi ta' importazzjoni.

Noti

(1) Rigal huwa normalment meqjus bħala personali jekk jkun:

(a) mibgħut lil persuna privata minn jew f'isem persuna privata oħra residenti barra,

(b) huwa okkażjonali; u

(ċ) jikkonsisti biss minn oġġetti għal użu personali mid-destinatur jew il-familja tiegħu, u n-natura u l-kwantità ta' oġġetti importati huma tali li l-kunsinna hija evidentement mhix ta' natura kummerċjali.

(2) Sabiex jiġi mgħaġġel il-proċess ta' żdoganar ta' kunsinni ta' rigali fl-importazzjoni, il-mittent ġeneralment juri fuq il-formola tad-dikjarazzjoni doganali C 1 jew C 2/CP 3 li l-kunsinna hija rigal, u jiddikjara l-kontenut u l-valur tagħha.

25. Prassi Rakkomandata

Meta oġġetti postali importati jkunu rrilaxxati mill-awtoritajiet doganali lill-awtoritajiet postali jew intrapriża awtorizzata biex twassalhom lid-destinatur qabel il-ħlas ta' kull dazji u taxxi ta' importazzjoni a karigu, l-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu l-aktar arranġamenti sempliċi għall-ġbir ta' dazji u taxxi bħal dawn.

Noti

(1) L-awtoritajiet postali normalment jiġbru d-dazji u taxxi ta' importazzjoni mid-destinatarju fil-ħin tal-kunsinna u jeffettwaw ħlas perjodiku lid-dwana, per eżempju fl-aħħar ta' kull tliet xhur. Madankollu, l-awtoritajiet postali jistgħu jħallsu d-dazji u taxxi ta' importazzjoni lid-dwana f'isem id-destinatarju meta oġġett ikun irrilaxxat lilhom sabiex jiġi kkunsinjat.

(2) Taħt ċerti dispożizzjonijiet mhux obbligatorji ta' l-Atti ta' l-Unjoni Postali Universali l-mittent ta' oġġett postali jista', f'xi każijiet, jieħu r-responsabbiltà li jħallas il-ħlasijiet kollha inklużi dazji u taxxi ta' importazzjoni, li għalihom l-oġġett huwa suġġett mal-kunsinna.

ĦLAS LURA JEW EŻENZJONI TA' DAZJI U TAXXI TA' IMPORTAZZJONI

26. Standard

Fejn l-oġġetti postali ma jkunux ikkunsenjati jew jiġu rrifjutati mid-destinatarju, ħlas lura jew eżenzjoni ta' dazji u taxxi ta' importazzjoni għandhom jingħataw wara talba fir-rigward ta' merkanzija li jinsabu fihom sakemm l-oġġetti huma:

(a) esportati lura, jew

(b) meqruda jew abbandunati mingħajr spejjeż għad-Dwana, kif l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeċiedu.

INFORMAZZJONI DWAR FORMALITAJIET DOGANALI FIR-RIGWARD TA' TRAFFIKU POSTALI

27. Standard

L-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha relevanti dwar il-formalitajiet doganali f'pajjiżhom fir-rigward ta' traffiku postali tkun disponibbli malajr lil kull persuna interessata.

Nota

Din l-informazzjoni għandha tiġi mwassla permezz tal-mezzi ta'informazzjoni normalment użati mid-dwana u wkoll permezz tas-servizzi ta' informazzjoni ta' l-awtoritajiet postali.

--------------------------------------------------