31994D0795



Official Journal L 327 , 19/12/1994 P. 0001 - 0003


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-30 Novembru 1994

dwar azzjoni konġunta adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 (2) (b) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea dwar faċilitajiet ta' l-ivvjaġġar għal tfal ta' l-iskola minn pajjiżi terzi residenti fi Stat Membru

(94/795/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, partikolarment l-Artikolu K.3 (2) (b) ta' l-istess,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

Billi skond l-Artikolu K.1 punt 3 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, l-politika rigward ċittadini ta' pajjiżi terzi hija meqjusa bħala kwistjoni ta' interess komuni għall-Istati Membri;

Billi din il-politika tinkludi, b'mod partikolari, li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet ta' dħul u l-moviment ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju ta' Stati Membri skond l-Artikolu K.1 punt 3 (a);

Billi l-għoti ta' faċilitajiet għall-ivvjaġġar għal-tfal ta' l-iskola li huma residenti legali fl-Unjoni Ewropea hija espressjoni ta' politika segwita mill-Istati Membri bil-għan li jkun hemm integrazzjoni aħjar ta' persuni ċittadini ta' pajjiżi terzi,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Stat Membru m'għandux jitlob viża mingħand tfal ta' l-iskola li m'humiex ċittadini ta' Stat Membru iżda li huma residenti legalment fi Stat Membru ieħor u li jfittxu li jidħlu fit-territorju tiegħu għal żjara qasira jew fi triqithom lejn post ieħor jekk:

(a) fil-qafas ta' ħarġa ta' l-iskola, t-tfal ta' l-iskola jkunu qed jivvjaġġaw bħala membri ta' grupp ta' tfal ta' l-iskola minn skola ta' edukazzjoni ġenerali;

(b) il-grupp ikun akkompanjat minn għalliem mill-iskola in-kwistjoni li jkun jista' jippreżenta lista tat-tfal ta' l-iskola li hu jew hi jkunu qed jakkompanjaw, maħruġa mill-iskola in kwistjoni fil-forma komuni li tinsab fl-Anness:

- li tidentifika t-tfal ta' l-iskola li qed jiġu akkumpanjati;

- li tiddokumenta l-iskop u ċ-ċirkostanzi tat-tul taż-żjara jew it-traġitt;

(ċ) it-tfal ta' l-iskola jippreżentaw dokument validu ta' l-ivvjaġġar sabiex jaqsmu l-fruntiera in- kwistjoni, ħlief f'każijiet koperti bl-Artikolu 2.

1. Stat Membru jista' jirrifjuta d-dħul lil tifel ta' l-iskola jekk hu jew hi ma jissodisfax il-kondizzjonijiet l-oħra relevanti dwar l-immigrazzjoni nazzjonali.

Artikolu 2

Il-lista ta' tfal ta' l-iskola li għandha tinġarr waqt il-qsim tal-fruntiera in kwistjoni kif mitlub mill-Artikolu 1(1)(b) għandha tiġi rikonoxxuta bħala dokument validu ta' l-ivvjaġġar fl-Istati Membri kollha fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(1)(ċ) fejn:

- ritratt kurrenti jiġi inkluż fil-lista għat-tfal kollha ta' l-iskola msemmija fil-lista li ma jkunux jistgħu jidentifikaw ruhhom b'Karta ta' Identità li jkun fiha ritratt,

- l-awtorità responsabbli ta' l-Istat Membru in-kwistjoni tikkonferma l-istatus ta' residenza tat-tfal ta' l-iskola kif ukoll id-dritt tagħhom li jerġgħu jidħlu lura u tiżgura li d-dokument huwa awtentikat kif għandu jkun,

- l-Istat Membru li fih joqogħdu t-tfal ta' l-iskola jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li jkun jixtieq li dan l-Artikolu japplika fir-rigward tal-listi tiegħu stess.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jaqblu li jieħdu lura mingħajr formalitajiet tfal ta' l-iskola li jkunu residenti cittadini ta' pajjiż terz li kienu ammessi fi Stat Membru ieħor fuq il-bażi ta' din l-azzjoni konġunta.

Artikolu 4

Jekk, f'każijiet eċċezzjonali, għal raġunijiet urġenti ta' sigurtà nazzjonali, Stat Membru jkun jeħtieġlu jinvoka l-possibilitajiet previsti bl-Artikolu K.2 (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandu jkun jista' jiċċaqlaq mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni b'mod li jikkunsidra l-interessi ta' l-Istati Membri l-oħra. L-Istat Membru in-kwistjoni għandu jinforma b'dan lill-Istati Membri l-oħra b'mod xieraq. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu applikati sal-punt li, u sa fejn, dan ikun assolutament neċessarju sabiex jinkiseb l-objettiv.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet nazzjonali tagħhom jiġu adattati sal-punt neċessarju u d-dispożizzjonijiet ta' din l-azzjoni konġunta jiġu inklużi fihom mill-aktar fis possibbli, mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1995.

2. L-Istati Membri għandhom jinformaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill rigward it-tibdil fil-liġi nazzjonali li jkun sar għal dan l-iskop.

Artikolu 6

Kooperazzjoni oħra f'dan il-qasam bejn Stati Membri individwali m'għandhiex tiġi milquta b'din l-azzjoni.

Artikolu 7

1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. L-Artikoli 1 sa 4 għandhom jiġu applikati fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara n-notifika meħtieġa skond l-Artikolu 5(2) rigward it-tibdil magħmul mill-aħħar Stat Membru li jlesti din il-formalità.

Magħmula fi Brussel, it-30 Novembru 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Kanther

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Lista ta' vjaġġaturi għal vjaġġi ta' l-iskola fl-Unjoni Ewropea

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------