31994D0700



Official Journal L 284 , 01/11/1994 P. 0061 - 0062
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 62 P. 0150
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 62 P. 0150


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

ta’ l-24 ta’ Ottubru 1994

dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodott semikondutturi lil persuni mill-Kanada

(94/700/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 87/54/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1986 dwar il-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi [1], u b’mod partikolari l-artikolu 3(7) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi l-jedd għall-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi fil-Komunità japplika għal persuni li jikkwalifikaw għall-protezzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(1) sa (5) tad-Direttiva 87/54/KEE;

Billi dan il-jedd jista’ jkun estiż permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill lil persuni li ma jibbenefikawx mill-protezzjoni bis-saħħa ta’ l-imsemmija disposizzjonijiet;

Blli l-estensjoni tal-protezzjoni in kwistjoni għandha, safejn ikun possibbli, tkun deċiża mill-Komunità kollha;

Billi protezzjoni kienet ingħatat preċedentement bil-kondizzjonijiet ta’ reċiproċità lil persuni minn ċerti pajjiżi u territorji barra mill-Komunità, f’ċerti każijiet fuq bażi permanenti fid-Deċiżjoni 90/510/KEE [2], u f’oħrajn fuq bażi temporanja fid-Deċiżjoni 93/16/KEE [3];

Billi l-Kanada għandha regolamenti li jagħtu protezzjoni xierqa lil disinjaturi ta’ topografi u ddikjarat li qed tippjana li testendi l-applikazzjonijiet tagħhom, mill-1 ta’ Novembru 1994, lil ċittadini tal-Komunità u lil persuni naturali u legali li għandhom hemm stabbiliment reali u effettiv għall-fini li jiddisinjaw topografi jew li jiffabrikaw ċirkwiti integrati

Billi l-Ftehim dwar aspetti relatati mal-kummerċ ta’ jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali, li jifforma parti mir-riżultat tal-Laqgħa ta’ l-Urugwaj ta’ negozjati kummerċjali multilaterali li jinsabu fil-Att Finali ta’ Marrakesh tal-15 ta’ April 1994, jeħtieġ Membri li jagħtu protezzjoni lil topografi ta’ ċirkwiti integrati b’konformità mad-disposizzjonijiet tiegħu u ma’ dawk tat-Trattat dwar Proprjetà Intellettwali ta’ Ċirkwiti Integrati li għalih dan jirreferi;

Billi l-Ftehim, flimkien ma’ dak li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ser jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995 jew kemm jista’ jkun malajr wara dik id-data; billi l-pajjiżi żviluppati li huma Membri tal-Ftehim li jistabbilixxu l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ser ikollhom sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Ftehim li fiha jimplimentaw il-Ftehim dwar aspetti relatati mal-kummerċ ta’ jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali;

Billi, in vista ta’ l-impriżi mogħtija mill-awtoritajiet Kanadiżi, il-jedd għall-protezzjoni bis-saħħa tad-Direttiva 87/54/KEE għandu jkun estiż, mill-1 ta’ Novembru 1994 sa l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar aspetti relatati mal-kummeċ ta’ jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali, lil persuni naturali, kumpanniji u persuni legali oħra mill-Kanada,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jestendu l-protezzjoni legali mogħtija bis-saħħa tad-Direttiva 87/54/KEE kif ġej

(a) persuni naturali li huma ta’ nazzjonalità tal-Kanada jew li jkollhom ir-residenza fejn joqogħdu fit-territorju tal-Kanada għandhom ikunu trattati daqs li kieku kienu persuni ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru;

(b) kumpanniji u persuni legali oħra tal-Kanada li jkollhom stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali f’dak il-pajjiż għandhom ikunu ttrattati daqs li kieku kellhom stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali fit-territorju ta’ Stat Membru.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Novembru 1994.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ottubru 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Borchert

[1] ĠU L 24, tas-27.1.1987, pġ. 36.

[2] ĠU L 285, tas-17.10.1990, pġ. 29. Deċiżjoni kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 93/17/KEE (ĠU L 11, tad-19.1.1993, pġ. 22).

[3] ĠU L 11, tad-19.1.1993, pġ. 20. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 93/520/KEE (ĠU L 246, tat-2.10.1993, pġ. 31) li tagħti protezzjoni temporanja lil persuni mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika (sal- 31.12.1993) u minn ċerti territorji (sal-31. 12. 1994), u Deċiżjoni Nru 94/373/KE (ĠU L 170, tal-5.7.1994, pġ. 34), li testendi sal-1 ta’ Lulju 1995.

--------------------------------------------------