31994D0457



Official Journal L 188 , 22/07/1994 P. 0017 - 0017
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 32 P. 0101
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 32 P. 0101


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-27 ta' Ġunju 1994

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Awstralja

(94/457/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130m, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 228(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 228(3),

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Komunità u l-Awstralja qegħdin iwettqu programmi speċifiċi ta' riċerka f'oqsma li huma ta' interess komuni;

Billi, fuq il-bażi ta' esperjenza fl-imgħoddi fil-qafas ta' l-Ftehim bejn il-Gvern ta' l-Awstralja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija ffirmat fit-12 ta' Novembru 1986, iż-żewġ naħat espremew xewqa li jkun stabbilit qafas iktar formali għall-kollaborazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija;

Billi permezz tad-Deċiżjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 1992, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità u l-Awstralja;

Billi l-Komunità u l-Awstralja jippretendu li jiksbu benefiċċju reċiproku mill-kooperazzjoni;

Billi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, il-Ftehim u kwalunkwe attivitajiet li jidħlu għalihom taħt il-Ftehim m'għandhom b'ebda mod jaffettwaw il-poteri li għandhom l-Istati Membri biex jidħlu f'attività bilaterali ma' l-Awstralja fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-iżvilupp u li jikkonkludu, fejn xieraq, ftehim għal dawk il-finijiet;

Billi dan il-Ftehim kien iffirmat f'isem il-Komunità f'Kanberra fit-23 ta' Frar 1994;

Billi l-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja għandu jkun approvat

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja hu hawnhekk approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħmel in-notifiki msemmija fl-Artikolu 11 tal-Ftehim.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Ġunju 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Simitis

[1] ĠU C 181, tat-3.7.1993, p. 9.

[2] ĠU C 315, tat-22.11.1993.

[3] ĠU C 304, ta' l-10.11.1993, p. 3.

--------------------------------------------------