Official Journal L 178 , 12/07/1994 P. 0075 - 0075
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 1994 li tapprova bdil ta' ittri bejn il-Komunità u r-Repubblika tar-Rumanija li temenda l-Ftehim Interim fuq il-kummerċ u affarijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, min- naħa l-waħda, u r-Repubblika tar-Rumanija, min-naħa l-oħra, u l-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tar-Rumanija, min-naħa l-oħra, it-tnejn kif emendati mill-Protokoll Addizzjonali ffirmat fil-21 ta' Diċembru 1993 (94/392/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu, flimkien ma'l-Artikolu 228(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-Ftehim ta'l-Ewropa ffirmat fi Brussel fl-1 ta' Frar 1993 [1], kif emendat mill-Protokoll Addizzjonali ffirmat fil-21 ta' Diċembru 1993 [2], Wara li kkunsidra l-Ftehim Interim [3] iffirmat fi Brussel fl-1 ta' Frar 1993 (1), kif emendat mill-Protokoll Addizzjonali ffirmat fil-21 ta' Diċembru 1993, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi l-Ftehim Interim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 1993; Billi l-applikazzjoni ta'l-Annessi XI a u XII a u tal-Protokoll 3 saret tard għal raġunijiet li għalihom ir-Rumanija ma tistax tinżamm responsabbli; Billi l-Ftehim Interim jipprovdi għal konċessjonijiet kwantitattivi; Billi għalhekk huwa xieraq li jitmexxew 'il quddiem għas-snin sussegwenti ċerti kwoti jew massimi, li ngħataw għall-1993 iżda li ma setgħux jintużaw mir-Rumanija; Billi mill-1 ta' Mejju 1993, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Interim, ir-Rumanija ma bbenefikatx aktar mill-iskema Komunitarja ta' preferenzi tat-tariffa ġeneralizzati; Billi huwa għalhekk approprjat li jitmexxew 'il quddiem il-konċessjonijiet imsemmija fl-Annessi XI a u XII a u l-Protokoll 3 tal-Ftehim Interim u l-Ftehim ta'l-Ewropa; Billi f'dan is-sens il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità Ftehim fil-forma ta' bdil ta' ittri li jemenda l-Ftehim Interim u li jemenda l-Ftehim ta'l-Ewropa, it-tnejn li huma kif emendati bil-Protokoll Addizzjonali; Billi l-Ftehim fil-forma ta' bdil ta' ittri għandu jiġi approvat, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Dan il-Ftehim fil-forma ta' bdil ta' ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija li jemenda l-Ftehim Interim fuq il-kummerċ u affarijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, min-naħa l-waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, qiegħed b'hekk jiġi approvat f'isem il-Komunità Ewropea. It-test tal-Ftehim fil-forma ta' bdil ta' ittri qed jiġi anness ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill qiegħed b'hekk jiġi awtorizzat biex jinnomina l-persuna bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim biex jorbot lill-Komunità. Il-President tal-Kunsill għandu jinnotifika għan-nom tal-Komunità Ewropea li l-proċeduri meħtieġa saru. Magħmul fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Ġunju 1994. Għall-Kunsill Il-President C. Simitis [1] Il-Ftehim ta'l-Ewropa għadu ma ġiex ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali. [2] ĠU L 25, tad-29.1.1994, p. 22. [3] ĠU L 81, tat-2.4.1993, p. 2. --------------------------------------------------