31993R3696



Official Journal L 342 , 31/12/1993 P. 0001 - 0122
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0108
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0108


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3696/93

tad-29 ta' Ottubru 1993

dwar il-klassifika statistika tal-prodotti skond l-attività (CPA) fil-Komunità Ekonomika Ewropea

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, sabiex jiffunzjona, is-suq intern jeħtieġ standards statistiċi li japplikaw għall-ġbir, it-trasmissjoni u l-pubblikazzjoni ta' l-istatistiċi nazzjonali u Komunitarji sabiex l-impriżi, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-gvernijiet u l-operaturi l-oħra kollha fis-Suq Waħdieni jistgħu jiġu pprovduti b'informazzjoni statistika serja u paragunabbli;

Billi dan it-tagħrif huwa meħtieġa sabiex jgħin lill-intrapriżi jistmaw il-kompetittività tagħhom u huwa utili għall-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jipprevjenu t-tagħwiġ fil-kompetizzjoni;

Billi biss jekk l-Istati Membri jużaw klassifiċi tal-prodotti skond l-attività marbuta mal-klassifika Komunitarja jista' jkun possibbli illi jiġi pprovdut it-tagħrif integrat hekk li dan ikun ta' min joqgħod fuqu, bil-ħeffa, flessibbli u tal-grad tad-dettal meħtieġa għall-ġestjoni tas-suq intern;

Billi għandha ssir dispożizzjoni sabiex l-Istati Membri jkunu kapaċi jissodisfaw il-ħtiġiet nazzjonali, sabiex iżommu jew idaħħlu fil-klassifiċi nazzjonali tagħhom suddiviżjonijiet addizzjonali msejsa fuq il-klassifika tal-prodotti skond l-attività ġewwa l-Komunità Ekonomika Ewropea;

Billi l-kompatibbiltà internazzjonali dwar l-istatistiċi ekonomiċi teħtieġ illi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji jużaw il-klassifiċi tal-prodotti skond l-attività li jkunu marbuta direttament mal-Klassifiċi Ċentrali tal-Prodotti tan-Nazzjonijiet Uniti (CPC);

Billi l-klassifiċi tal-prodotti skond attività fil-Komunità għandhom ikunu marbuta mal-klassifika ta' l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità (NACE Rev. 1);

Billi l-istrutturazzjoni ta' klassifika tal-prodotti skond l-attività tal-produzzjoni involuta tevita l-proliferazzjoni ta' skemi ta' kodifikazzjoni mhux relatati u tiffaċilita l-identifikazzjoni mill-produtturi tas-swieq rilevanti;

Billi hemm ħtieġa illi jinħoloq qafas ta' referenza li fih tkun tkun tista' tiġi mqabbla l-informazzjoni statisitika dwar il-produzzjoni, il-konsum, il-kummerċ barrani u t-trasport;

Billi l-użu tal-klassifika tal-prodotti skond l-attività ġewwa l-Komunità jeħtieġ illi l-Kummissjoni tiġi assistita minn Kumitat tal-Ġestjoni, jiġifieri il-Kumitat tal-Programm tal-Istatisitika stabbilit bid-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom [4] dwar kull kwistjoni li jkollha x'taqsam ma' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari rigward l-interpretazzjoni ta' din il-klassifika, l-emendi minuri għalih u l-abbozz u l-aġġornament tan-noti ta' spjega;

Billi ġewwa l-qafas ta' dan ir-Regolament huwa mixtieq li jkun hemm kodiċijiet uniformi għall-Istati Membri kollha li jużaw l-istess deskrizzjoni tal-prodott u kodiċi alfanumeriku korrispondenti;

Billi huwa vitali illi l-kontenut tal-kategoriji varji tal-klassifika tal-prodotti skond l-attività ġewwa l-Komunità jiġi interpretat b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha;

Billi l-introduzzjoni ta' klassifika ġdida tal-prodotti skond l-attività teħtieġ perjodu transitorju taż-żmien,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Il-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi klassifika tal-prodotti skond l-attività ġewwa l-Komunità sabiex jiżgura l-komparabbiltà bejn il-klassifiċi nazzjonali u tal-Komunità u b'hekk l-istatistika nazzjonali u Komunitarja.

2. It-terminu ‘prodott' għandu jfisser l-oġġetti li jistgħu jinġarru, l-oġġetti li ma jistgħux jinġarru u s-servizzi.

3. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-użu ta' din il-klassifika rigward l-għanijiet ta' l-istatistika.

Artikolu 2

1. Huwa hawnhekk stabbilit bażi komuni għall-klassifika tal-prodotti skond l-attività ġewwa l-Komunità, minn issa ‘l quddiem imsejħa il-‘CPA', li tikkomprendi:

- l-ewwel livell li jikkonsisti fl-intestaturi identifikati b'kodiċi alfabetiku (it-taqsimiet),

- livell intermedjarju li jikkonsisti fl-intestaturi identifikati b'kodiċi alfabetiku b'żewż ċifri (is-subtaqsimiet),

- it-tieni livell li jikkonsisti fl-intestaturi identifikati b'kodiċi numeriku ta' żewġ ċifri (id-diviżjonijiet),

- it-tielet livell li jikkonsisti fl-intestaturi identifikati b'kodiċi numeriku ta' tliet ċifri (il-gruppi),

- ir-raba' livell li jikkonsisti fl-intestaturi identifikati b'kodiċi numeriku ta' erba' ċifri (il-klassijiet),

- il-ħames livell li jikkonsisti fl-intestaturi identifikati b'kodiċi numeriku ta' ħames ċifri (il-kategoriji),

- is-sitt livell li jikkonsisti fl-intestaturi identifikati b'kodiċi numeriku ta' sitt ċifri (is-subkategoriji),

2. Is-CPA huwa anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

1. Is-CPA għandu jiġi wżat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri bħala klassifika. Is-CPA jista' jintuza ghall-adattamenti aggregati jew iddettaljati, Komunitarji, nazzjonali, specifici jew funzjonali msejsa fuq is-subkategoriji tas-CPA.

2. Dawn il-klassifiki għandu jkollhom x'jaqsmu mas-CPA skond ir-regoli li ġejjin:

- il-klassifiċi li huma iżjed aggregati mils-CPA ghandhom jikkonsistu f'aggregazzjonijiet preċiżi tas-subkategoriji tas-CPA,

- il-klassifiċi li huma iżjed iddettaljati mils-CPA ghandhom jikkonsistu f'subdiviżjonijiet li jkunu kkontenuti għal kollox ġewwa s-subkategoriji tas-CPA,

- il-klassifiċi li huma mnissla b'dan il-mod jista' jkollhom kodifikazzjoni separata.

3. L-Istati Membri li jixtiequ jużaw klassifika nazzjonali mnissla mils-CPA għandhom jadottaw malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1993, il-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu klassifika nazzjonali tal-prodotti skond dan l-Artikolu

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat').

Artikolu 5

Il-Kumitat jista' jeżamina kull kwistjoni li tirrigwarda s-CPA imqajma mill-President tiegħu, sewwa fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu u sewwa fuq it-talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru, li jkollha x'taqsam ma' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod speċjali dwar:

(a) l-interpretazzjoni tas-CPA;

(b) l-inkorporazzjoni ta' emendi minuri għals-CPA:

- iddisinjati sabiex iqisu l-iżviluppi teknoloġiċi jew ekonomiċi, b'mod speċjali fil-qasam tas-servizzi,

- iddisinjati sabiex jallineaw u jiċċaraw it-test,

- li jirriżultaw mill-emendi magħmula lil klassifiċi oħra internazzjonali, b'mod partikolari l-CPC;

(ċ) it-tħejjija u l-koordinament tax-xogħol dwar ir-reviżjoni tas-CPA;

(d) l-abbozzar u l-aġġornament tan-noti ta' spjega dwar is-CPA

(e) l-eżami ta' problemi li jinqalgħu mill-implimentazzjoni tas-CPA fil-klassifika tal-prodotti ta' l-Istati Membri;

(f) jipprova jħejji, kif approprjat, pożizzjoni komuni li tirrigwarda x-xogħol ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali dwar il-klassifiċi tal-prodotti, b'mod speċjali l-CPC u n-noti ta' spjega tiegħu;

(g) l-armonizzazzjoni man-NACE Rev. 1, kif iddikjarat fl-Anness mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 3037/90 tad-9 ta' Ottubru 1990 dwar il-klassifika statistika ta' l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea [5];

(h) il-kordinament tax-xogħol ma' kumitati oħra li jittrattaw il-klassifiki, b'mod partikolari s-Sistema Armonizzata (HS) u n-nomenklatura magħquda (NM);

(i) l-estensjoni tal-perjodu transitorju taż-żmien fuq it-talba ta' Stat Membru;

(j) il-koordinament tax-xogħol ma' korpi oħra li jittrattaw klassifiċi aggregati iktar jew iddettaljati iktar, Komunitarji, nazzjonali, speċifiċi jew funzjonali.

Il-miżuri li jridu jittieħdu skond il-(a) sal-(j) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura definita fl-Artikolu 6.

Artikolu 6

1. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'limitu taż-żmien illi l-President tiegħu jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet illi l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġewwa l-Kumitat iridu jiġu ppeżati fil-manjiera ddikjarata f'dan l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li għandhom japplikaw minnufih. Madankollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dan il-każ il-Kummissjoni għandha tiddifferixxi li jiġu applikati l-miżuri li tkun iddeċidiet għal tliet xhur mid-data ta' din il-komunikazzjoni.

3. Filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, il-Kunsill jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 7

Il-klassifiċi tal-prodotti wżati għall-istatistika miġbura wara l-31 ta' Diċembru 1993 għandhom jiġu mfassla skond l-Artikolu 3.

Artikolu 8

1. Għandu jkun hemm perjodu transitorju taż-żmien li jibda mill-1 ta' Jannar 1994 u jtemm fil-31 ta' Diċembru 1995.

2. Il-perjodu transitorju taż-żmien jista' jista' jiġi mtawwal u Stat Membru jista' jiġi awtorizzat fuq il-bażi ta' raġunijiet issostanzjati teknikament jew għar-raġunijiet tat-tħaddim, sabiex juża klassifika mhux ipprovduta skond l-Artikolu 3 skond il-proċedura ta' l-Artikolu 5.

3. Sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu transitorju taż-żmien il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba mill-klassifika statistika tal-prodotti skond l-attività; ir-rapport għandu jkopri wkoll ir-reviżjoni tal-CPC imwettqa mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti (USNU).

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Ottubru 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Fernandez

[1] ĠU Ċ 12, 18.1.1993, p. 1.

[2] ĠU Ċ 150, 31.5.1993, p. 132; u d-Deċi¿joni tat-22 ta' Ottubru 1993 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU Ċ 19, 25.1.1993, p. 60.

[4] ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

[5] ĠU L 293, 24.10.1990, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

L-ANNESS TA' DAN IR-REGOLAMENT ĠIE SOSTITWIT BIR-REGOLAMENT (KE) Nru 204/2002

--------------------------------------------------