31993R3205



Official Journal L 289 , 24/11/1993 P. 0004 - 0005
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 53 P. 0187
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 53 P. 0187


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3205/93

tas-16 ta’ Novembru 1993

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 357/79 fuq stħarriġ statistiku ta’ nħawi tad-dwieli

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunitá Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Parlament Ewropew [2],

Billi l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 357/79 [3] jipprovdi għal data annwali fuq inħawi tad-dwieli miġbura fi stħarriġ intermedji li għandu jiġi mgħoddi lill-Kummissjoni;

Billi l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2392/86 ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 li jwaqqaf reġistru tad-dwieli tal-Komunità [4], jipprovdi li r-reġistru li għandu jitwaqqaf f’perjodu ta’ sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament; billi r-reġistru jkun qiegħed jibda jitħaddem jew ta’ l-anqas ikun qed jieħu xejra li biha jkun jista’ jintuża għall-finijiet ta’ statistika f’xi Stati Membri u reġjuni tal-Komunitá, speċjalment dwar il-karatteristiċi ta’ nħawi tad-dwieli;

Billi l-Istati Membri li diġà waqqfu r-reġistru ta’ l-oqsma tad-dwieli f’livell nazzjonali jew f’xi reġjuni u jiżguraw l-aġġornament regolari tiegħu skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2392/86, jistgħu jibdew jużawh għal finijiet ta’ statistika;

Billi r-riżultati ta’ statistika mir-reġistru ta’ l-oqsma tad-dwieli aġġornat kull sena jistgħu jintużaw ukoll bħala għajn ta’ data annwali, ladarba l-affidabbiltà ta’ l-istatistika tiegħu tkun ġiet ivverifikata;

Billi huwa essenzjali li tiġi assigurata kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

Billi t-Trattat jistabbilixxi li l-politika agrikola hija politika tal-Komunitá; billi huwa meħtieġ li jitwaqqfu regoli ġenerali u komprensivi validi mal-Komunità kollha għal statistika ġenerali li fuqha tkun ibbażata l-politika agrikola komuni; billi x-xogħol li jirriżulta għandu jinżamm għall-inqas possibbli billi jiġi evitat li l-istess informazzjoni tinġabar diversi drabi mill-Istati Membri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regolament (EEC) Nru 357/79 qiegħed hawn jiġi emendat kif ġej:

1. il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 5:

"4a. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri kkonċernati dwar jekk il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu tad-data mir-reġistru ta’ l-oqsma tad-dwieli għal finijiet ta’ statistika jkunux ġew milħuqa."

2. l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

"Artikolu 6a

L-Istati Membri li jkunu daħħlu r-reġistru tad-dwieli f’livell nazzjonali jew f’xi reġjuni u li jaġġornawh kull sena, kif ipprovdut fir-Regolament (KEE) Nru 2392/86, jistgħu jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni annwali stabbilita fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament, billi jużaw id-data fir-reġistru tad-dwieli bħala l-għajn tagħhom."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta’ Novembru 1993.

Għall-Kunsill

A. Bourgeois

Il-President

[1] ĠU Ċ 219, tat- 13.8.1993, p. 19.

[2] Opinjoni mogħtija fid-29 ta’ Ottubru 1993 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 54, tal-5.3.1979, p. 124. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 3570/90 (ĠU L 353, tas-17.12.1990, p. 8).

[4] ĠU L 208, tal-31.7.1986, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 3577/90 (ĠU L 353, tas-17.12.1990, p. 23).

--------------------------------------------------