31993R2918



Official Journal L 264 , 23/10/1993 P. 0037 - 0037
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 53 P. 0104
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 53 P. 0104


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2918/93

tat-22 ta’ Ottubru 1993

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3076/78 dwar l-importazzjoni ta’ ħops mill-pajjiżi li m’humiex membri

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1696/71 tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-organizzazzjoni kommuni fis-suq tal- ħops [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3124/92 [2], u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi, fil-każ ta’ ħops importati li ma jissodisfawx il-ħtiġiet minimi tat-tpoġġija fis-suq msemmija fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 890/78 tat-28 ta’ April 1978 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għaċ-ċertifikati tal-ħops [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2265/91 [4], il-frażi ‘mpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni’ fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3076/78 [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 717/93 [6], tista’ toħloq diffikultajiet għall-amministrazzjonijiet nazzjonali minħabba li l-kontrolli tal-kwalità jseħħu fil-punt tad-destinazzjoni u mhux fil-punt tad-dħul, fi kliem ieħor ħafna wara li l-formalitajiet għall-ħruġ mid-dwana jiġu mwettqa; billi sakemm iseħħu l-kontrolli l-ħops importati jkunu probabbli diġa tħalltu mal-ħops li jiġu mill-Kommunità, u għalhekk ikun impossibli li tinstab l-oriġini tagħhom u li treġġa lura l-proċedura ta’ ħruġ mid-dwana; billi t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3076/78 dwar l-importazzjoni tal-ħops mill-pajjiżi li m’ humiex membri għandha għaldaqstant ikun emendat;

Billi l-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’ dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħops,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7a tar-Regolament (KEE) Nru 3076/78 huwa mibdul b’dan li ġej:

"Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jsibu li l-kampjuni eżaminati ma jissodisfawx il-ħtiġiet minimi tat-tpoġġija fis-suq imsemmija hawn fuq, il-konsennji korrispondenti ma jistgħux jiġu mpoġġija fuq is-suq tal-Komunità."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-sebgħa jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta’ Ottubru 1993.

Għall-Kummissjoni

René Steichen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 175, ta’ l-4.8.1971, p. 1.

[2] ĠU L 313, tat-30.10.1992, p. 1.

[3] ĠU L 117, tad-29.4.1978, p. 43.

[4] ĠU L 208, tat-30.7.1991, p. 22.

[5] ĠU L 367, tat-28.12.1978, p. 17.

[6] ĠU L 74, tas-27.3.1993, p. 45.

--------------------------------------------------