Official Journal L 170 , 13/07/1993 P. 0005 - 0009
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 50 P. 0254
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 50 P. 0254
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1858/93 tad-9 Lulju 1993 li jipprovdi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 rigward l-iskema ta' l-għajnuna sabiex tikkumpensa t-telf mid-dħul mill-marketing fis-settur tal-banana IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 tat-13 ta' Frar 1993 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-banana [1], u b'mod partikolari l-Artikoli 12 (4) u (8), 14 u 30 tiegħu; Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3813/92 tat-28 ta' Diċembru 1992 dwar l-unità tal-kontijiet u r-rati tal-kambju li għandhom jiġu applikati għall-għanijiet tal-politika komuni agrikola [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6 (2) tiegħu, Billi, sabiex jiġi żgurat illi tinżamm il-produzzjoni Komunitarja u biex il-produtturi ma jitqiegħdux f'sitwazzjoni illi tkun anqas favorevoli minn dik preżenti, ir-Regolament (KEE) Nru 404/93 jipprovdi għall-għajnuna ta' kumpens sabiex tkopri t-telf mid-dħul li x'aktarx jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-iskema l-ġdida; Billi sabiex tkun eliġibbli għall-għajnuna ta' kumpens, il-banana għandha tikkonforma ma' l-istandards tal-kwalità tal-Komunità; billi, madankollu, sakemm jidħlu fis-seħħ dawn l-istandards, għandha ssir disposizzjoni sabiex il-banana tiġi ggradata, ippakkjata u mneħħija mit-tinda tal-pakkjar biex tkun tista' tiġi mqiegħda fis-suq; Billi, biex jiġi stabbilit id-'dħul ta' referenza b'rata uniformi', għandhom jitqiesu s-snin l-aktar reċenti li dwarhom hija disponibbli informazzjoni sħiħa; billi dan id-dħul ta' referenza b'rata uniformi għandu jiġi kkalkolat għall-istadju tal-ħruġ mit-tinda tal-pakkjar u għandu jikkorrispondi mal-medju tal-prezzijiet tal-kunsinja fl-ewwel port tal-ħatt fil-bqija ta' l-istadju Komunitarju għall-banana prodotta fir-reġjuni l-aktar rappreżentattivi fil-Komunità, imnaqqsa bl-ispejjeż medji tat-trasport u tal-kunsinja bil-frank abbord (f.o.b.); Billi d-'dħul medju tal-produzzjoni' għandu jiġi kkalkolat għal kull sena għall-istess stadju tal-ħruġ mit-tinda tal-pakkjar fuq il-bażi tat-tagħrif li għandu jiġi pprovdut mill-Istati Membri; Billi għandu jiġi stabbilit il-mekkaniżmu għat-tnaqqis, skond ir-reġjun u l-produttur, tal-kwantitajiet tal-banana mqiegħda fis-suq li għaliha tingħata l-għajnuna, sabiex jiġi pprovdut għas-sitwazzjoni fejn il-volumi indikati fl-applikazzjonijiet jaqbżu l-kwantitajiet stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93; billi dan il-mekkaniżmu għandu jagħmel possibbli xi kumpens bejn ir-reġjuni varji tal-produzzjoni ġewwa l-kwantità ġenerali stabbilita fir-Regolament (EEC) Nru 404/93 u jaħdem fi proporzjon tal-kwantitajiet imqiegħda fis-suq, fil-każ kemm tar-reġjuni tal-produzzjoni u kemm tal-produtturi individwali; Billi għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għas-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet u tal-ħlas ta' l-għajnuna ta' kumpens; billi, minħabba l-fatt illi ma tistax tiġi stabbilita l-għajnuna ta' kumpens għal sena partikolari u ma tistax tiġi mħallsa qabel il-bidu tas-sena ta' wara, huwa meħtieġ illi jingħataw avvanzi sabiex tinżamm disposizzjoni normali rigward il-prodott tal-Komunità u jinkiseb l-għan tal-miżuri; billi, madankollu, dawn l-avvanzi għandhom jitħallsu bla ħsara għall-garanzija li tkopri l-possibbiltà li l-għajnuna eventwalment imħallsa tkun anqas mit-total ta' l-avvanzi; Billi r-Regolament (KEE) Nru 404/93 jipprovdi illi l-għajnuna ta' kumpens għandha tingħata lill-produtturi li huma membri ta' organizzazzjoni ta' produtturi li għandha l-għarfien skond it-tifsira ta' l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament; billi, sakemm jinħolqu dawn l-organizzazzjonijiet u jingħatalhom l-għarfien, huwa meħtieġ li ssir disposizzjoni sabiex l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jintbagħtu mill-produtturi individwali; Billi l-għan ekonomiku ta' l-għajnuna jintlaħaq meta l-banana tiġi mqiegħda fis-suq; billi, madankollu, sabiex titqies is-sistema ta' l-organizzazzjoni tas-suq, ir-rata agrikola tal-kambju li tapplika fil-bidu ta' kull perjodu taż-żmien ta' tliet xhur tas-suq għandha tintuża sabiex l-għajnuna u l-avvanzi jiġu kkonvertiti fil-munita korrenti nazzjonali; Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat Maniġerjali tal-Banana, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-għajnuna ta' kumpens ipprovduta fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 għandha tingħata għat-tqegħid fis-suq tal-banana friska li tidħol fil-kodifika tan-NK ex0803, għajr il-pjantaġġini, li tikkonforma ma' l-istandards ta' kwalità stabbiliti skond it-Titolu I ta' dan ir-Regolament. Sakemm jidħlu fis-seħħ l-istandards ta' kwalità tal-Komunità, l-għajnuna għandha titħallas għall-prodotti maħsuba li jiġu kkunsinjati friski lill-konsumatur, iggradati u ppakkjati, u mneħħija mit-tinda tal-ħażna bil-ħsieb li jiġu mqiegħda fis-suq. Artikolu 2 1. Id-'dħul ta' referenza b'rata uniformi' li għalih jirreferi l-Artikolu 12 (4) tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' l-informazzjoni rreġistrata matul is-sena 1991. Għandu jiġi kkalkolat għall-istadju tal-ħruġ mit-tinda tal-pakkjar. 2. Id-dħul ta' referenza b'rata uniformi għandu jkun ta' ECU 49,1/100 kg, użin nett, tal-banana ħadra mal-ħruġ mit-tinda tal-pakkjar. Artikolu 3 1. Id-'dħul medju fuq il-produzzjoni' għall-banana tal-Komunità li għalih jirreferi l-Artikolu 12 (5) fir-Regolament (KEE) Nru 404/93 għandu jiġi kkalkolat fl-istadju tal-ħruġ mit-tinda tal-pakkjar. 2. Id-dħul medju fuq il-produzzjoni għandu jiġi stabbilit kull sena fuq il-bażi tal-medju tal-prezzijiet tal-kunsija fl-ewwel port tal-ħatt fil-bqija ta' l-istadju tal-Komunità, tal-banana mir-reġjuni produtturi l-aktar rappreżentattivi tal-Komunità, imnaqqas bl-ispejjeż medji tat-trasport u tal-kunsinja bil-frank abbord (f.o.b.) Artikolu 4 1. Jistgħu jiġu sottomessi applikazzjonijiet għall-avvanzi skond it-tabella taż-żmien stabbilita fl-Artikolu 7 (2). 2. L-ammont ta' kull avvanz għandu jiġi stabbilit billi l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq fil-perjodu taż-żmien fil-kwistjoni jiġu mmoltiplikati b'medja ta' 70 % ta' l-ammont ta' l-għajnuna mħallsa rigward is-sena ta' qabel. 3. Il-ħlas ta' l-avvanz għandu jkun bla ħsara għad-depożitu ta' garanzija flimkien ma' l-applikazzjoni. L-ammont ta' din il-garanzija għandu jiġi ffissat għal 50 % ta' l-avvanz. 4. Il-garanzija għandha titlef id-dritt tagħha fil-proporzjon tal-parti ta' l-għajnuna normalment imħallsa meta: - l-ammont definittiv ta' l-għajnuna jkun anqas mill-ammont ta' l-avvanzi, u/jew - il-kwantitajiet tal-banana mqiegħda fis-suq li għalihom ikunu saru applikazzjoni għall-avvanzi jaqbżu l-kwantità totali tal-produzzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 12 (2) tar-Regolament (KEE) Nru 404/93. 5. Il-garanzija għandha tiġi rrilaxxjata hekk kif l-għajnuna definittiva titħallas mill-awtoritajiet kompetenti. Artikolu 5 L-applikazzjonijiet għall-għajnuna ta' kumpens u għall-avvanzi għandhom jiġu sottomessi mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li għandhom l-għarfien skond it-tifsira ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEC) Nru 404/93. Għandhom ikopru l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq minn kull produttur permezz ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi. Madankollu, fil-każ tal-kwantitajiet imqiegħda fis-suq sa l-aħħar tas-sena 1994, l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi direttament mill-produtturi individwali. Artikolu 6 1. Għat-tieni nofs tas-sena 1993, l-ammont ta' l-avvanz għandu jkun ta' massimu ta' ECU 13,4/100 kg. 2. L-ammont tal-garanzija li għandu jiġi ddepożitat meta jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet għall-avvanzi għat-tieni nofs tas-sena 1993 għandu jkun ta' ECU 6,7/100 kg. 3. Il-kwantità massima tal-banana tal-Komunità mqiegħda fis-suq li hija eliġibbli għall-għajnuna ta' kumpens għat-tieni nofs tas-sena 1993 għandha tkun 427000 tunnellata metrika, użin nett, u għandha titqassam skond ir-reġjun produttur tal-Komunità kif ġej: - 210000 tunnellata metrika għall-Gżejjer Kanarji, - 75000 tunnellata metrika għall-Guadeloupe, - 109500 tunnellata metrika għall-Martinique, - 25000 tunnellata metrika għall-Madeira, l-Azores u l-Algarve, - 7500 tunnellata metrika għal Kreta u l-Lakonja. Artikolu 7 1. L-applikazzjoni għall-għajnuna ta' kumpens għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti nnominati minn kull Stat Membru li fih issir il-ħsada tal-prodotti. 2. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi: (a) fil-każ ta' l-avvanzi, fl-ewwel għaxart ijiem ta' Marzu, Mejju, Lulju, Settembru u Novembru fil-każ tal-banana attwalment imqiegħda fis-suq matul il-perjodu taż-żmien ta' xahrejn li jiġi qabel ix-xahar ta' l-applikazzjoni. Għat-tieni nofs tas-sena 1993 l-applikazzjoni għall-avvanz speċjali jistgħu jiġu sottomessi qabel il-15 ta' Lulju 1993. Dawn l-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati bid-depożitu ta' garanzija li jkun jikkorrispondi għal 50 % ta' l-ammont ta' l-avvanz speċjali. Dan l-ammont għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-kwantitajiet li dwarhom tinġieb xiehda li kienu attwalment imqiegħda fis-suq qabel ix-xahar ta' Lulju 1992. Il-ħlas għandu jsir qabel l-aħħar ta' Lulju 1993. Għandu jsir aġġustament meta jitħallas l-avvanz għall-banana mqiegħda fis-suq matul Lulju u Awissu 1993; (b) fil-każ ta' ħlas tal-bilanċ ta' l-għajnuna, fl-ewwel għaxart ijiem ta' Jannar tas-sena li tiġi wara dik li għaliha ssir l-applikazzjoni għall-għajnuna. Il-bilanċ għandu jkun fih: - l-għajnuna għall-banana mqiegħda fis-suq matul ix-xhur ta' Novembru u Diċembru, u - fejn japplika, l-aġġustament għall-ammonti mħallsa għall-banana mqiegħda fis-suq matul il-perjodi taż-żmien li għalihom jirreferi l-(a), fuq il-bażi ta' l-ammont definittiv ta' l-għajnuna. 3. L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu ta' l-anqas it-tagħrif li ġej: - il-kunjomijiet, l-ewwel ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi individwali, - l-isem u l-indirizz ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi li tissottometti l-applikazzjoni, - il-kwantitajiet tal-banana prodotti u mqiegħda fis-suq matul il-perjodu taż-żmien fil-kwistjoni. L-applikazzjonijiet għall-bilanċ għandhom ikopru l-kwantitajiet totali mqiegħda fis-suq matul is-sena fil-kwistjoni. 4. L-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati bi: - iċ-ċertifikati tal-konformità, - il-fatturi ta' xiri, - id-dokumenti li għandhom x'jaqsmu mat-trasport, għall-banana mqiegħda fis-suq barra mir-reġjun tal-produzzjoni, jew - kull dokument utili ieħor ta' appoġġ li jipprovdi prova tat-tqegħid fis-suq. 5. L-applikazzjonijiet għall-ħlas tal-bilanċ jistgħu ma jkunux akkumpanjati bid-dokumenti ta' appoġġ sottomessi għall-applikazzjonijiet għall-avvanzi. Artikolu 8 L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih, fit-tmien ta' kull perjodu taż-żmien għas-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet li għalih jirreferi l-Artikolu 7, bil-kwantitajiet attwalment imqiegħda fis-suq li dwarhom ikunu ġew sottomessi l-applikazzjonijiet għall-ħlas. Rigward it-tieni nofs tas-sena l-1993 meta jsiru l-applikazzjonijiet għall-avvanz għall-perjodu taż-żmien Lulju-Awissu għandhom jikkomunikaw il-kwantitajiet tal-banana mqiegħda fis-suq fl-1992 użati għall-kalkolu ta' l-avvanz speċjali mħallas f'Lulju. Artikolu 9 1. Fejn jinqabżu l-kwantitajiet sabbiliti għal kull reġjun fl-Artikolu 12 (2) tar-Regolament (KEE) Nru 404/93, l-għajnuna għandha tingħata lill-kwantitajiet kollha li dwarhom issir applikazzjoni, sa kwantità totali ta' 854000 tunnellata metrika, użin nett, u fil-każ tat-tieni nofs tas-sena 1993, sa massimu ta' 427000 tunnellata metrika. 2. Jekk il-kwantità totali attwalment imqiegħda fis-suq taqbeż it-854000 tunnellata metrika u l-427000 tunnellata metrika għat-tieni nofs tas-sena 1993, il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq li jagħtu intitolament għall-għajnuna għandhom jitnaqqsu għal kull reġjun produttur interessat bil-proporzjon tal-produzzjoni żejda tal-kwantità ffissata għal dan ir-reġjun. Il-Kummissjoni għandha tiffissa l-perċentwali tat-tnaqqis li tapplika għal kull reġjun u għandha tgħarraf lill-Istati Membri bihom. Fejn jiġi applikat it-tieni subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw il-perċentwali uniformi tat-tnaqqis għall-kwantitajiet ippreżentati f'kull applikazzjoni għall-għajnuna. Artikolu 10 L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, wara li jivverifikaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u d-dokumenti ta' appoġġ, għandhom iħallsu l-ammont ta' l-avvanz jew l-għajnuna definittiva, skond il-każ, fi żmien ix-xahrejn li jiġu wara dak li fih tkun ġiet depożitata l-applikazzjoni. Artikolu 11 Ir-rata li tapplika għall-kambju ta' l-ammonti ta' l-avvanzi u ta' l-għajnuna fil-munita korrenti nazzjonali għandha tkun ir-rata agrikola tal-kambju fis-seħħ fl-ewwel jum ta' kull wieħed mill-perjodi taż-żmien tal-tqegħid fis-suq definita fl-Artikolu 7 (2). Ir-rata li tapplika għall-banana mqiegħda fis-suq matul il-perjodu taż-żmien mill-1 ta' Novembru sal-31 ta' Diċembru għandha tkun ir-rata agrikola tal-kambju fis-seħħ fl-1 ta' Novembru. Ir-rata agrikola tal-kambju fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1993 għandha tintuża għall-kambju ta' l-ammont ta' l-avvanz speċjali fil-munita korrenti nazzjonali. Artikolu 12 1. Fejn l-għajnuna titħallas mhux kif mistħoqq dwar il-banana li ma tkunx ġiet imqiegħda fis-suq skond l-Artikolu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirkupraw l-ammonti mħallsa, flimkien ma' l-imgħax ikkalkolat mid-data tal-ħlas ta' l-għajnuna sa l-irkupru effettiv tagħha. Ir-rata ta' l-imgħax li għandha tiġi applikata għandha tkun dik fis-seħħ għal ħidmiet simili ta' rkupru fil-liġijiet nazzjonali. Din ir-rata ma għandhiex tkun anqas mir-rata ta' referenza li għaliha jirreferi l-Anness kif applikata fl-Istat Membru interessat fil-jum tal-ħlas, biż-żieda ta' punt ta' perċentwal. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jiġbrux imgħax jekk ikun jammonta għal 20 ECU jew anqas. 2. L-għajnuna rkuprata u, fejn japplika, l-imgħax għandhom jitħallsu lill-aġenziji jew lill-awtoritajiet tal-ħlas u mnaqqsa minnhom min-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanziji. Artikolu 13 L-Istati Membri produtturi għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni kull xahar b'dan li ġej: - il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq matul ix-xahar ta' qabel imqassma b'dawk maħruġa fis-swieq reġjonali u dawk mibgħuta lill-bqija tal-Komunità, flimkien mal-previżjonijiet għax-xahar korrenti, - ix-xejra tal-produzzjoni għas-sena tas-suq, u - ix-xejriet fil-kwantitajiet disponibbli fl-imħażen tal-maturazzjoni. Ix-xejriet fil-prezz tal-banana tal-Komunità fl-istadji varji tal-katina tal-produzzjoni sa l-istadji tal-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut, u tal-banana li toriġina f'pajjiżi terzi mill-istadju prezz/assigurazzjoni/trasport (c.i.f.) sa l-istadju tal-bejgħ bl-imnut, għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni kull ġimgħa mill-Istati Membri msemmija hawn fuq. Artikolu 14 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jibda japplika mill-1 ta' Lulju 1993. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fid-9 ta' Lulju 1993. Għall-Kummissjoni René Steichen Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 47, tal-25. 2. 1993, pġ. 1. [2] ĠU L 387, tal-31. 12. 1992, pġ. 1. -------------------------------------------------- ANNESS 1. Il-Belġju: Tliet xhur bir-rata offruta fuq is-self mill-interbank ta' Brussel. 2. Id-Danimarka: L-imgħax fuq il-ħruġ ta' bonds tat-Teżor ta' 12-il xahar. 3. Il-Ġermanja: Tliet xhur bir-rata offruta fuq is-self mill-interbank ta' Frankfurt. 4. Il-Greċja: L-imgħax fuq il-ħruġ ta' bonds tat-Teżor ta' tliet xhur. 5. Franza: Tliet xhur bir-rata offruta fuq is-self mill-interbank ta' Pariġi. 6. Spanja: Tliet xhur bir-rata offruta fuq is-self mill-interbank ta' Madrid. 7. L-Irlanda: Tliet xhur bir-rata offruta fuq is-self mill-interbank ta' Dublin. 8. L-Italja: L-imgħax fuq il-ħruġ ta' bonds tat-Teżor ta' tliet xhur. 9. Il-Lussemburgu: Tliet xhur bir-rata ta' l-interbank. 10. L-Olanda: Tliet xhur bir-rata offruta fuq is-self mill-interbank ta' Amsterdam. 11. Il-Portugall: Tliet xhur bir-rata offruta fuq is-self mill-interbank ta' Lisbona. 12. Ir-Renju Unit: Tliet xhur bir-rata offruta fuq is-self mill-interbank ta' Londra. --------------------------------------------------