Official Journal L 307 , 13/12/1993 P. 0001 - 0017
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/103/KE tat-23 ta' Novembru 1993 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (it-tlettax-il Direttiva individwali li taqa' taħt it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391KEE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummisjoni [1], imfassla wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tas-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol, B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [4], il-Kunsill innota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissottometti lilu l-ħtiġijiet minimi li jirrigwardaw l-organizzazzjoni dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol; Billi l-miżuri ta' sigurtà u tas-saħħa fuq ix-xogħol għandhom jiġu introdotti bħala parti mill-miżuri varji tal-Kommunità għas-settur tas-sajd; Billi l-konformità mal-ħtiġijiet minimi sabiex jiżguraw livell aħjar ta' sigurtà u ta' saħħa abbord il-bastimenti tas-sajd hija essenzjali għalbiex jiżguraw is-sigurtà u saħħa tal-ħaddiema interessati; Billi, minħabba x-xogħol u l-kondizzjonijiet tal-ħajja speċifiċi u b'mod partikolari diffiċli abbord il-bastimenti tas-sajd, l-eżistenza ta' l-inċidenti fatali fost il-ħaddiema li jaħdmu fis-sajd fuq il-baħar hija għolja ħafna; Billi, fil-15 ta' April 1988, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tirrikonoxxi l-importanza ta' l-aspetti preventivi tas-sigurtà fuq ix-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd; Billi, għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema intressati, għandha tingħata l-prominenza li jkunu lokati l-bastimenti tas-sajd f'kull emerġenza, b'mod partikolari permezz ta' l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda; Billi din id-Direttiva hija Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol [5]; billi, għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija japplikaw fl-intier tagħhom għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva; Billi d-Direttivi individwali diġà adottati fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol japplikaw, għajr jekk speċifikat xort'oħra, għas-sajd fuq il-baħar; billi, għalhekk, jista' f'ċerti każijiet ikun meħtieġ illi jiġu speċifikati l-karatteristiċi partikolari ta' din l-attività sabiex jiġi żgurat illi d-Direttivi individwali jiġu applikati fl-aħjar mod; Billi d-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta' Marżu 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għal kura medika mtejba abbord il-bastimenti [6] tapplika fl-intier tagħha għall-industrija tas-sajd fuq il-baħar; Billi din id-Direttiva tikkonstitwixxi progress konkret lejn il-kisba tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Is-suġġett 1. Din id-Direttiva, li hija t-tlettax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa li japplikaw għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd, kif iddefiniti fl-Artikolu 2. 2. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE japplikaw fl-intier tagħhom għall-qasam referit fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva. L-Artikolu 2 Id-Definizzjonijiet Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet assenjati lilhom kif hawn taħt: (a) bastiment tas-sajd: kull bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru jew irreġistrat taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa ta' Stat Membru użat għal-skopijiet kummerċjali jew għall-qbid jew il-qbid u l-ipproċessar tal-ħut jew ta' riżorsi oħra ħajjin mill-baħar; (b) bastiment tas-sajd ġdid: bastiment tas-sajd b'tul bejn il-perpendikolarijiet ta' 15-il metru jew aktar u li għalih, fid-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) jew warajha: (i) jiġi ddepożitat il-kuntratt għall-bini jew bidla maġġuri; jew (ii) il-kuntratt tal-bini jew ta' bidla maġġuri jkun ġie ddepożitat qabel id-data speċifikata fis-subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) u li jiġi kkonsenjat tliet snin jew aktar wara din id-data; jew (iii) fin-nuqqas ta' kuntratt tal-bini: - jitqiegħed il-prim tal-bastiment, jew - tibda l-kostruzzjoni li tista' tiġi identifikata ma' bastiment speċifiku, jew - ikun beda t-tagħqid flimkien, li jikkonsisti f'mill-inqas 50 tunnellata jew 1 % tal-massa stmata tal-materjali strutturali kollha, liema jkun l-inqas; (ċ) bastiment tas-sajd eżistenti: kull bastiment tas-sajd b'tul bejn il-perpendikolarijiet ta' 18-il metru jew iktar u li mhux bastiment tas-sajd ġdid; (d) bastiment: kull bastiment tas-sajd ġdid jew eżistenti; (e) ħaddiem: kull persuna li twettaq xogħol abbord bastiment, inklużi dawk li jkunu qegħdin jitħarrġu u l-apprendisti imma esklużi l-persunal tax-xatt li jkunu jwettqu xogħol abbord bastiment mal-moll u l-piloti tal-port; (f) sid: is-sid irreġistrat tal-bastiment, għajr jekk dan il-bastiment ikun mikri kawża ta' falliment jew ikun immexxi, fl-intier tiegħu jew f'parti minnu, minn persuna naturali jew legali oħra għajr is-sid irreġistrat skond it-termini ta' ftehim maniġerjali; f'dan il-każ, is-sid għandu jiġi mifhum bħala l-kerrej tal-falliment jew il-persuna naturali jew legali li tamministra l-bastimenti, kif approprjat; (g) il-kaptan (tal-bastiment): il-ħaddiem li, skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, jikkmanda l-bastiment jew li huwa responsabbli minnu. L-Artikolu 3 Dispożizzjonijiet ġenerali 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi: (a) is-sidien jiżguraw illi l-bastimenti tagħhom jintużaw mingħajr ma jqiegħdu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fil-perikolu, b'mod partikolari fil-kondizzjonijiet meteoroloġiċi previsti, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltá tal-kaptan; (b) jitqies kull riskju ffaċċjat mill-bqija tal-ħaddiema meta jiġi applikat l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 89/39/KEE; (ċ) tiġi deskritta kull okkorenza fuq il-baħar li taffettwa jew tista' taffettwa s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema abbord f'rapport iddettaljat li għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti u li għandu jiġi rreġistrat b'attenzjoni u fid-dettal fir-reġistru tal-bastiment, fejn ir-regolamenti jew il-leġislazzjoni nazzjonali fis-seħħ jeħtieġu illi dan ir-reġistru jinżamm fuq it-tip tal-bastiment fil-kwistjoni jew, fin-nuqqas ta' dan ir-reġistru, f'dokument meħtieg għal dan il-għan. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward il-konformità ma' din id-Direttiva, il-bastimenti jkunu bla ħsara għal kontrolli regolari mill-awtoritajiet speċifikament mogħtija l-poter li jwettqu dawn il-kontrolli. Ċerti kontrolli li jirrigwardaw il-konformità ma' din id-Direttiva jistgħu jitwettqu fuq il-baħar. L-Artikolu 4 Il-bastimenti tas-sajd il-ġodda Il-bastimenti l-ġodda tas-sajd għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa stabbiliti fl-Anness I sa mhux iktar tard mid-data rreferita fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1). L-Artikolu 5 Il-bastiment tas-sajd eżistenti Il-bastimenti eżistenti tas-sajd għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa stabbiliti fl-Anness II fi żmien seba' snin mid-data rreferita fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1). L-Artikolu 6 It-tiswijiet, il-bdil u l-bidliet estensivi Meta l-bastimenti jkollhom jgħaddu minn tiswijiet, bdil u bidliet estensivi fid-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) jew warajha, dawn it-tiswijiet, bdil u bidliet estensivi għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet relevanti minimi stabbiliti fl-Anness I. L-Artikolu 7 It-tagħmir u l-manutenzjoni 1. Għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-kaptan, is-sidien: (a) jiżguraw illi l-bastimenti u l-apparat li jitwaħħal u t-tagħmir tagħhom, b'mod partikolari dawk referiti fl-Annessi I u II, ikunu miżmuma tajjeb teknikament, u kull difett misjub li x'aktarx jaffettwa s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jiġi rretifikat mill-aktar fis possibbli; (b) jieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw illi l-bastimenti u l-apparat li jitwaħħal u t-tagħmir jiġu mnaddfa regolarment sabiex jinżamm l-istandard approprjat ta' l-iġjene; (ċ) iżommu abbord il-bastiment kwantità adegwata ta' tagħmir xieraq ta' emerġenża u tas-sopravivenza f'ordni tajba tax-xogħol; (d) tal-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa li jirrigwardaw it-tagħmir tas-sigurtà u s-sopravivenza mogħtija fl-Anness III; (e) mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta' Novembru 1989 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u s-sigurtà għall-użu mill-ħaddiema tat-tagħmir personali protettiv fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [7], jikkunsidraw l-ispeċifikazzjonijiet tat-tagħmir personali prottetiv mogħtija fl-Anness IV ma' din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, is-sid jissupplixxi lill-kaptan il-mezzi meħtieġa għalbiex jgħinuh iwettaq l-obbligi imposti fuqu b'din id-Direttiva. L-Artikolu 8 It-tagħrif lill-ħaddiema 1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu mgħarrfa bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu rigward is-sigurtà u s-saħħa abbord il-bastimenti. 2. It-tagħrif għandu ikun mifhum mill-ħaddiema interessati. L-Artikolu 9 It-Taħriġ tal-ħaddiema 1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/391/KEE, il-ħaddiema għandhom jingħataw it-taħriġ xieraq, b'mod partikolari fl-għamla ta' istruzzjonijiet preċiżi u li jinftiehmu, dwar is-sigurtà u s-saħħa abbord il-bastimenti u b'mod partikolari dwar il-prevenzjoni ta' l-inċidenti. 2. It-taħriġ referit fil-paragrafu 1 għandu jkopri b'mod partikolari t-tifi tan-nar, l-użu tat-tagħmir tas-salvataġġ u tas-sopravivenza u, għall-ħaddiema interessati, l-użu ta' l-apparat tas-sajd u tal-ġbid 'il ġewwa u l-użu tat-tipi varji tas-sinjali inklużi s-sinjali bl-idejn. Dan it-taħriġ għandu jkun bla ħsara għall-aġġornament meħtieġ meta dan ikun meħtieġ mill-kambjament ta' l-attivitajiet abbord. L-Artikolu 10 It-taħriġ iddettaljat tal-persuni li x'aktarx jikkmandaw bastiment Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/29/KEE, kull persuna li x'aktarx tikkmanda bastiment għandha tingħata taħriġ iddettaljat dwar: (a) il-prevenzjoni tal-mard u l-inċidenti tax-xogħol abbord u l-passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta' inċident; (b) l-istabbiltà u l-manutenzjoni tal-bastiment fil-kondizzjonijiet kollha previsti fit-tagħbija u matul il-ħidmiet tas-sajd; (ċ) in-navigazzjoni u l-komunikazzjoni bir-radju, inklużi l-proċeduri. L-Artikolu 11 Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema Il-konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom dwar il-materji koperti b'din id-Direttiva għandhom isiru skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE. L-Artikolu 12 L-addattament ta' l-Annessi L-addattamenti purament tekniċi ta' l-Annessi għandhom iqisu: - l-adozzjoni tad-direttivi fil-qasam ta' l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tekniċi li jirrigwardaw ċerti aspetti tas-sigurtà u tas-saħħa abbord il-bastimenti, u/jew - il-progress tekniku, il-bidliet fir-regolamenti jew l-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali u s-sejbiet ġodda fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa abbord il-bastimenti, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE. L-Artikolu 13 Dispożizzjonijiet finali 1. L-Istati Membri għandħom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-23 ta' Novembru 1995. Huma għandhom jgħarrfu b'dan lill-Kummissjoni minnufih. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva. 3. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull erba' snin dwar l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, fejn jindikaw l-opinjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema. Il-Kummisjoni għandha tgħarraf b'dawn lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat Konsultattiv tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq ix-Xogħol. 4. Il-Kummisjoni għandha tissottometti perjodikament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, filwaqt li tqis il-paragrafi 1, 2 u 3. L-Artikolu 14 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fis-23 ta' Novembru 1993. Għall-Kunsill Il-President M. Smet [1] ĠU C 337, tal-31.12.1991, p. 21;ĠU C 311, tas-27.11.1992, p. 21. [2] ĠU C 241, tal-21.9.1992, p.106; u d-Deċiżjoni tas-27 ta' Ottubru 1993 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU C 169, tas-6.7.1992, p. 46. [4] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 1. [5] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1. [6] ĠU L 113, tat-30.4.1992, p. 19. [7] ĠU L 393, tat-30.12.1989, p. 18. -------------------------------------------------- L-ANNESS I IL-ĦTIĠIJIET MINIMI TAS-SIGURTÀ U S-SAĦĦA GĦALL-BASTIMENTI L-ĠODDA TAS-SAJD (L-Artikoli 4, 5, u 7(1)(a)) Nota preliminari L-obbligi stabbiliti f'dan l-Anness japplikaw kull meta meħtieġa mill-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-attività, iċ-ċirkostanzi jew ir-riskju abbord bastiment ġdid tas-sajd. 1. Il-kapaċità ta' kemm jiflaħ għall-baħar u l-istabbiltà 1.1. Il-bastiment għandu jkun miżmum f'kondizzjoni li jiflaħ għall-baħar u mgħammar sewwa kif approprjat għall-għan u l-użu tiegħu. 1.2. It-tagħrif dwar l-istabbiltà tal-bastiment għandu jkun disponibbli abbord u għandu jkun aċċessibbli għall-ħaddiema fuq l-għassa. 1.3. Il-bastimenti kollha għandhom jkunu stabbli biżżejjed meta intatti fil-kondizzjonijiet tas-servizz li huma maħsuba għalihom. Il-kaptan għandu jieħu l-miżuri prekawzjonarji meħtieġa sabiex iżomm l-istabbiltà adegwata tal-bastiment. L-istruzzjonijiet forniti li jirrigwardaw l-istabbiltà tal-bastiment għandhom jiġu osservati strettament. 2. L-istallazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi 2.1. L-istallazzjonijiet elettriċi għandhom jkunu ddisinjati u mibnija hekk illi ma jippreżentaw l-ebda perikolu u sabiex jiżguraw: - il-protezzjoni għall-ekwipaġġ u għall-bastiment mir-riskji elettriċi, - il-funzjonament xieraq tat-tagħmir kollu meħtieġ sabiex il-bastiment jinżamm f'kondizzjonijiet tal-ħidma u tal-ħajja normali mingħajr ma jsir rikors għall-provvista tad-dawl ta' l-emerġenza, - il-ħidma tat-tagħmir elettriku essenżjali għas-sigurtà għal kull emerġenza. 2.2. Għandu jiġi pprovdut sors ta' provvista ta' l-elettriku ta' l-emerġenza. Għajr fuq il-bastimenti miftuħa, dan is-sors għandu jiġi mqiegħed 'il barra mill-kamra tal-magni u jrid, fil-każijiet kollha, ikun hekk arranġat illi jiżgura f'każ ta' ħruq jew ta' nuqqas ieħor ta' l-istallazzjoni prinċipali ta' l-elettriku, il-funzjonament simultanju għall-inqas ta' tliet siegħat rigward: - is-sistema tal-komunikażzjoni interna, l-istrumenti tal-kxif tan-nar u s-sinjali ta' l-emerġenza, - id-dwal tan-navigazzjoni u d-dwal ta' l-emergenza, - l-istallazzjoni tar-radju, - il-pompa elettrika ta' l-emerġenza tat-tifi tan-nar meta preżenti. Jekk is-sors tal-provvista ta' l-elettriku ta' l-emerġenza hija batterija ta' l-akkumulazzjoni u s-sors tal-provvista prinċipali ta' l-elettriku jfalli, il-batterija ta l-akkumulazzjoni għandha tiġi awtomatikament imqabbda mal-bord tas-swiċċijiet ta' l-elettriku ta' l-emerġenza u mal-provvista ta' l-enerġija għall-perjodu taż-żmien bla waqfien ta' tliet sigħat mas-sistemi referiti fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi tat-tieni subparagrafu. Il-bord prinċipali tas-swiċċijieti ta' l-elettriku u l-bord tas-swiċċijiet ta' l-emerġenza jridu, safejn u sakemm possibbli, jiġu installati hekk illi ma jistgħux jiġu esposti simultanjament għall-ilma jew għan-nar. 2.3. Il-bords tas-swiċċijiet għandhom ikunu mmarkati biċ-ċar; il-kaxxi tal-fjusijiet u l-holders tal-fjusijiet għandhom jiġu ċċekkjati f' intervali regolari taż-żmien għalbiex jiżguraw illi tiġi użata l-gradazzjoni korretta tal-fjus. 2.4. Il-kompartimenti li jżommu l-batteriji tal-ħażna elettrika għandhom jkunu vventilati adegwatament. 2.5. Il-mezzi elettroniċi tan-navigazzjoni għandhom jiġu ttestjati frekwentament u miżmuna tajjeb. 2.6. It-tagħmir kollu uzat għall-irfigħ għandu jiġi ttestjat u eżaminat f'intervalli regolari taż-żmien. 2.7. Il-partijiet kollha ta' l-apparat tal-ġbid, l-apparat ta' l-irfigħ u t-tagħmir li għandu x'jaqsam magħhom għandu jiġi miżmum f'tiswija u ordni tax-xogħol tajba. 2.8. Meta jiġu installati l-impjanti tar-refriġerazzjoni u s-sistemi ta' l-arja kkompressata, dawn għandhom jinżammu tajjeb u jiġu eżaminati f'intervalli regolari taż-żmien. 2.9. L-apparat tat-tisjir u domestiku li juża gassijiet tqal għandu jiġi użat biss fi spazji b'ventilazzjoni tajba u għandu jingħata l-attenzjoni sabiex tiġi evitata kull akkumulazzjoni perikoluża tal-gass. Iċ-ċilindri li jkun fihom gassijiet li jieħdu n-nar jew gassijiet oħra perikolużi għandhom jiġu mmarkati biċ-ċar skond il-kontenut tagħhom u stivati fuq gverti għall-arja. Il-valvoli, regolaturi tal-pressjoni u l-pajpijiet kollha li joħorġu miċ-ċilindri għandhom jiġu protetti kontra l-ħsara. 3. L-istallazzjoni tar-radju L-istallazzjoni tar-radju għandha tippermetti l-kuntatt kull ħin ma' mill-inqas stazzjon wieħed fuq il-kosta jew fuq l-art, filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet normali tal-propagazzjoni tar-raġġi tar-radju. 4. Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza 4.1. Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala passaġġi u postijiet tal-ħruġ waqt emerġenza għandhom ikunu mingħajr tfixkil u aċċessibbli bil-ħeffa f'kull ħin u jwasslu direttament 'il barra għal fuq il-gverti għall-arja jew għal żona mingħajr perikolu u minn hawn għad-dgħajjes tas-salvataġġ sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jħallu l-istazzjonijiet tax-xogħol tagħhom jew ż-żoni li jgħixu fihom kemm jista' jkun malajr u fis-sigurtà. 4.2. In-numru, id-distribuzzjoni u d-daqs tar-rotot u tal-postjiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala passaġġi u postijiet tal-ħruġ waqt emerġenza għandhom jiddependu skond l-użu, it-tagħmir u d-daqs tal-post tax-xogħol u ż-żoni li jgħixu fihom u skond in-numru massimu potenzjali tal-persuni preżenti. Il-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenża u li jkunu magħluqa għandhom jiġu mħaddma mill-ewwel u disponibbli waqt emerġenza minn kull ħaddiem jew minn grupp tas-salvataġġ. 4.3. Il-bibien ta' l-emerġenza u l-postijiet l-oħra tal-ħruġ ta' emerġenza għandhom ikunu jilqgħu adegwatament għat-temp u ma jidħolx l-ilma fihom rigward il-lokazzjoni u l-funzjoni partikolari tagħhom. Il-bibien ta' l-emerġenza u l-postijiet l-oħra tal-ħruġ ta' emerġenza għandhom jkunu jirreżistu n-nar daqs il-paratiji. 4.4. Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ ta' emerġenza għandhom jiġu indikati bis-sinjali skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 92/58/KEE [1]. Dawn is-sinjali għandhom jiġu mqiegħda fil-punti approprjati u jiġu maħduma għalbiex iservu għat-tul taż-żmien. 4.5. Ir-rotot u l-faċilitajiet tal-ħelsien u l-postijiet tal-ħruġ ta' emerġenza li jeħtieġu d-dawl għandhom jiġu pprovduti b'dawl ta' l-emerġenza ta' intensità adegwata fil-każ li jinqata' d-dawl. 5. Il-kxif tan-nar u t-tifi tan-nar 5.1. Jiddependi mid-daqs u l-użu tal-bastiment, it-tagħmir li jkun fih, il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tas-sustanzi preżenti u n-numru massimu potenzjali tal-persuni preżenti, il-kwartieri li jgħixu fihom n-nies ul-postijiet tax-xogħol fil-magħluq, inklużi l-kamra tal-magni u l-istivi tal-ħut meta meħtieġ, għandhom jkunu mgħammra bit-tagħmir approprjat tat-tifi tan-nar u, jekk meħtieġ, b'apparat tal-kxif tan-nar u sistemi ta' l-allarm. 5.2. It-tagħmir tat-tifi tan-nar għandu dejjem jinżamm fil-lok xieraq tiegħu, miżmum f'kondizzjoni tajba tax-xogħol u jkun disponibbli għall-użu immedjat. Il-ħaddiema għandhom jkunu jafu sewwa fejn ikun qiegħed it-tagħmir tat-tifi tan-nar, il-mod kif jaħdem u kif għandu jintuża. Il-preżenza ta' mezzi tat-tifi tan-nar u ta' tagħmir ieħor tat-tifi tan-nar li jistgħu jinġarru għandhom dejjem jiġu ċċekkjati qabel ma l-bastiment isalpa. 5.3. It-tagħmir tat-tifi tan-nar li jitħaddem bl-idejn għandu jkun aċċessibbli faċilment u jintuża b'mod sempliċi u għandu jkun indikat bis-sinjali skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 92/58/KEE. Dawn is-sinjali għandhom jitqiegħdu f'punti approprjati u magħmula li jservu għat-tul taż-żmien. 5.4. Is-sistemi tal-kxif tan-nar u ta' l-allarm għandhom ikunu ttestjati regolarment u miżmuma f'kondizzjoni tajba. 5.5. Għandhom jitwettqu eżerċizzji dwar it-tifi tan-nar f'intervalli regolari taż-żmien. 6. Il-ventilazzjoni tal-postijiet tax-xogħol fil-magħluq Għandhom jittieħdu passi li juru illi teżisti arja friska biżżejjed fil-postijiet tax-xogħol fil-magħluq, billi jitqiesu l-metodi tax-xogħol użati u l-ħtiġijiet fiżiċi li l-ħaddiema jitqiegħdu fihom. Jekk tintuża sistema mekkanika tal-ventilazzjoni, din għandha tinżamm f'kondizzjoni tajba. 7. It-temperatura fiż-żoni tax-xogħol 7.1. It-temperatura fiż-żoni tax-xogħol għandha tkun adegwata għall-ġisem tal-bniedem matul il-ħinijiet tax-xogħol, billi jitqiesu l-metodi tax-xogħol użati, il-ħtigijiet fiżiċi li jitqiegħdu fihom il-ħaddiema u l-kondizzjonijiet tat-temp attwali jew potenzjali fiż-żona fejn jopera l-bastiment. 7.2. It-temperatura fil-kwartieri ta' l-għixien, fil-faċilitajiet sanitarji, fil-postijiet ta' l-ikel u fil-kmamar ta' l-ewwel għajnuna għandha tkun xierqa għall-użu partikolari ta' dawn it-tip ta' żoni. 8. Id-dawl naturali u artifiċjali fil-postijiet tax-xogħol 8.1. Il-postijiet tax-xogħol għandhom safejn u sakemm possibbli jirċievu dawl naturali biżżejjed u jkunu mgħammra b'dawl artifiċjali xieraq għall-ħidmiet tas-sajd li jkunu qegħdin isiru, mingħajr ma' jqiegħdu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fil-perikolu jew jipperikolaw bastimenti oħra. 8.2. L-installazzjonijiet sabiex idawlu ż-żoni tax-xogħol, it-turġien, is-slielem u l-passaġġi għandhom jiġu mqiegħda hekk illi t-tip tad-dawl ipprovdut ma joħloq l-ebda riskju ta' inċident lill-ħaddiema u l-ebda tfixkil għan-navigazzjoni tal-bastiment. 8.3. Il-postijiet tax-xogħol li fihom il-ħaddiema jkunu esposti b'mod speċjali għar-riskji fil-każ li jintefa d-dawl artifiċjali għandhom ikunu pprovduti b'dawl ta' l-emerġenza ta' intensità adegwata. 8.4. Id-dwal ta' l-emerġenza għandhom jinżammu f'kondizzjoni effiċjenti tax-xogħol u għandhom jiġu ttestjati f'intervalli regolari taż-żmien. 9. Il-gverti, il-paratiji u l-aċċess għall-gverti 9.1. L-ispazji aċċessibbli għall-ħaddiema għandhom ikunu tat-tip li ma jiżolqux jew mgħammra kontra ż-żliq jew ipprovduti b'mezzi li jipprevienu l-waqgħat u għandhom jinżammu mingħajr xkiel kemm jista' jkun. 9.2. Il-postijiet tax-xogħol li jkun fihom stazzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu mgħammra adegwatament b'apparati li jitfu l-ħoss u ta' l-iżolazzjoni, filwaqt li jinżammu fil-moħħ it-tip tax-xogħlijiet involuti u l-attività fiżika tal-ħaddiema. 9.3. L-uċuħ tal-gverti, tal-paratiji u ta' l-aċċess għall-gverti għandhom ikunu magħmula b'mod illi jkunu jistgħu jitnaddfu jew mgħammra mill-ġdid li jilħqu standard approprjat ta' l-iġjene. 10. Il-bibien 10.1. Għandhom jiġu pprovduti l-mezzi sabiex il-bibien jistgħu jiġu miftuħa u magħluqa min-naħa ta' ġewwa mingħajr tagħmir speċjali. Il-bibien għandhom ikunu jistgħu jaħdmu minn kull waħda miż-żewġ naħat tagħhom meta jkunu qegħdin jintużaw il-postjiet tax-xogħol. 10.2. Il-bibien, u b'mod partikolari l-bibien li jiżżerżqu, meta dawn għandhom jintużaw, għandhom jaħdmu kemm jista' jkun bla perikolu għall-ħaddiema, b'mod speċjali f'kondizzjonijiet ħżiena tat-temp u tal-baħar. 11. Ir-rotot tal-moviment — iż-żoni ta' perikolu 11.1. Il-passaġġi, il-bagolli, il-parti ta' barra tal-kmamar ta' fuq il-gverta u r-rotot kollha tal-moviment b'mod ġenerali għandhom ikunu mgħammra b'poġġamani tas-salvagward, poġġamani tal-qabda u ħbula tas-salvataġġ jew mezzi oħra li jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema matul l-attivitajiet ta' abbord. 11.2. Jekk ikun hemm ir-riskju illi l-ħaddiema jistgħu jaqgħu minn aperturi fuq il-gverta jew minn gverta għall-oħra, għandha tiġi pprovduta kull fejn possibbli l-protezzjoni adegwata. Fejn il-poġġamani tas-salvagward jipprovdu din il-protezzjoni, dawn għandhom jkunu għoljin mill-inqas metru. 11.3. L-aċċess għall-istallazzjonijiet 'il fuq mill-gverta bl-għan tax-xogħol jew għall-manutenzjoni għandhom ikunu hekk illi jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema. Għandhom jiġu pprovduti poġġamani tas-salvagward jew mezzi protettivi simili ta' l-għoli approprjat sabiex jipprevienu l-waqgħat. 11.4. Il-murati jew il-mezzi l-oħra pprovduti sabiex jipprevienu lill-persuni milli jaqgħu minn fuq il-bastiment għandhom ikunu miżmuma f'kondizzjoni effiċjenti. Il-murati għandhom jkunu mgħammra b'aperturi jew mezzi oħra simili sabiex jgħinu l-ilma jiskula malajr kemm jista' jkun. 11.5. Fuq il-bastiment tas-sajd tat-tkarkir li jkollu r-rampi fuq il-poppa, il-parti ta' fuq tar-rampa għandha tkun mgħammra b'rixtellu jew b'mezzi oħra ta' rbit ta' l-istess għoli tal-murati jew ta' mezzi oħra li jmissu magħhom, għalbiex jipproteġu lill-ħaddiema mir-riskju li jaqgħu għal ġor-rampa. Dan ir-rixtellu jew mezz ieħor għandhom ikunu jinfetħu u jingħalqu faċilment, preferibbilment b'apparat tal-kontroll remot, u għandhom jinfetħu biss sabiex tinxteħet ix-xibka jew għalbiex tinġibed. 12. It-tqassim u l-post ta' l-istazzjonijiet tax-xogħol 12.1. Iż-żoni tax-xogħol għandhom jinżammu mingħajr tfixkil u, safejn u sakemm possibli, għandhom ikunu protetti mill-baħar u jipprovdu protezzjoni adegwata għall-ħaddiema milli jaqgħu fuq il-bastiment jew minn fuqu. Iż-żoni tat-tqandil għandhom ikunu spazjużi biżżejjed, f'dak li jirrigwarda kemm l-għoli u kemm il-kobor tal-wiċċ. 12.2. Jekk il-magni jkunu kkontrollati mill-kamra tal-magna, għandhom ikunu kkontrollati minn żona separata, bil-ħoss iżolat u mwarrba mill-kamra tal-magna nnifisha u aċċessibli mingħajr id-dħul minn din ta' l-aħħar. Il-briġġ tan-navigazzjoni huwa kkunsidrat żona li tilħaq il-ħtiġijiet ta' l-ewwel subparagrafu. 12.3. Il-kontrolli tat-tagħmir tal-ġbid għandhom ikunu installati f'żona kbira biżżejjed sabiex jippermettu lill-operaturi li jaħdmu mingħajr tfixkil. It-tagħmir tal-ġbid għandu jkollu wkoll mezzi approprjati tas-sigurtà għall-emerġenzi, inklużi mezzi tal-waqfien ta' l-emerġenza. 12.4. L-operatur tat-tagħmir tal-ġbid għandu jkollu veduta adegwata tat-tagħmir tal-ġbid u tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Jekk it-tagħmir tal-ġbid ikun ikkontrollat mill-briġġ, l-operatur għandu jkollu wkoll veduta ċara tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, jew direttament jew permezz kull medju ieħor xieraq. 12.5. Għandha tintuża sistema ta' komunikazzjoni ta' min joqgħod fuqha bejn il-briġġ u l-gverta tax-xogħol. 12.6. Għandha dejjem tinżamm għassa b'attenzjoni kbira u l-ekwipaġġ għandu jiġi mwissi bil-perikolu imminenti ta' baħar qawwi li jkun ġej għal fuqu matul il-ħidmiet tas-sajd jew meta jkun qiegħed isir xogħol ieħor fuq il-gverta. 12.7. Għandu jiġi mminimizzat il-ħbit mal-ħbula u l-gerlini għarwiena u ma' partijiet li jiċċaqalqu tat-tagħmir bl-installazzjoni ta' mezzi protettivi. 12.8. Il-kontrolli għandhom jkunu installati sabiex iċaqalqu t-toqol, b'mod partikolari fuq il-bastimenti tat-tkarkir: - il-mezzi biex jimmobbilizzaw l-apparat li jżomm it-tartarun miftuħ, - il-mezzi sabiex jikkontrollaw il-moviment tat-tbandil tas-sakku. 13. Il-kwartieri ta' l-għixien 13.1. Il-lokazzjoni, l-istruttura, il-protezzjoni mill-ħoss, il-mezzi ta' l-iżolazzjoni u l-arranġament tal-kwartieri ta' l-għixien u tal-faċilitajiet tal-ħaddiema, fejn dawn jeżistu, u l-mezz ta' l-aċċess għalihom għandhom ikunu hekk illi jipprovdu protezzjoni adegwata kontra t-temp u l-baħar, il-vibrazzjoni, il-ħoss u l-irwejjaħ spjaċevoli minn partijiet oħra tal-bastiment li x'aktarx ifixklu lill-ħaddiema matul il-ħin tal-mistrieħ tagħhom. Fejn id-disinn, id-daqs u/jew l-għan tal-bastiment jippermettu, il-kwartieri fejn igħixu l-ħaddiema għandhom jitqiegħdu hekk illi jimminimizzaw l-effetti taċ-ċaqliq u ta' l-aċċelerazzjoni. Għandhom jittieħdu l-miżuri approprjati safejn u sakemm possibbli sabiex jipproteġu li dawk li ma jpejpux mill-iskonfort ikkawżat mid-duħħan tat-tabakk. 13.2. Il-kwartieri fejn jgħixu l-ħaddiema għandhom ikunu vventilati kif xieraq sabiex tiġi żgurata l-provvista kostanti ta' l-arja friska u tiġi pprevenuta l-kondensazzjoni. Għandhom jiġu pprovduti d-dwal approprjati fil-kwartieri ta' l-għixien, bi - dawl normali ġenerali adegwat, - dawl ġenerali bati sabiex jiġi evitat id-disturb tal-ħaddiema li jkunu qegħdin jistrieħu, u - dawl lokali f'kull kuċċetta. 13.3. Il-kċina tal-bastiment u l-kamra ta' l-ikel tal-ħaddiema, fejn dawn jeżistu, għandhom ikunu tad-daqs adegwat, mixgħula u vventilati tajjeb u ħfief sabiex jitnaddfu. Għandhom jiġu pprovduti refriġeraturi jew tagħmir ieħor tal-ħażna ta' l-ikel f'temperatura baxxa. 14. Il-faċilitajiet sanitarji 14.1. Fuq il-bastimenti li jkollhom il-kwartieri ta' l-għixien, għandhom jiġu pprovduti u installati faċilitajiet tad-doċoċ b'ilma ġieri sħun u kiesaħ, friskaturi tal-ħasil u kmamar tat-twaletta u ż-żoni rispettivi għandhom ikunu vventilati kif jixraq. 14.2. Kull ħaddiem għandu jkollu l-użu ta' post fejn iżomm ħwejġu. 15. L-ewwel għajnuna Fuq il-bastimenti kollha għandu jkun disponibbli t-tagħmir ta' l-ewwel għajnuna li jwettaq il-ħtiġijiet fl-Anness II mad-Direttiva 92/29/KEE. 16. Is-slielem u l-iskalapiżi għal-lqugħ abbord Għandhom ikunu disponibbli sellum, skalapiża jew tagħmir ieħor simili għal-lqugħ tal-persuni li jipprovdu mezz approprjat u fis-sigurtà, mingħajr perikolu għat-tlugħ abbord. 17. Il-ħsejjes Għandhom jittieħdu l-miżuri kollha tekniċi approprjati sabiex jitnaqqas il-livell tal-ħsejjes fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-kwartieri ta' l-għixien safejn u sakemm possibli, filwaqt li jitqies id-daqs tal-bastiment. [1] ĠU L 245, tas-26.8.1992, p. 23. -------------------------------------------------- L-ANNESS II IL-ĦTIĠIJIET MINIMI TAS-SIGURTÀ U TAS-SAĦĦA GĦALL-BASTIMENTI EŻISTENTI TAS-SAJD (L-Artikoli 5 u 7 (1) (a)) Nota preliminari L-obbligi stabbiliti f'dan l-Anness japplikaw, safejn u sakemm jippermettu l-karatteristiċi strutturali tal-bastiment eżistenti tas-sajd, kull meta meħtieġa mill-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, għall-attività, iċ-ċirkustanzi jew ir-riskju abbord bastiment eżistenti tas-sajd. 1. Il-kapaċità ta' kemm jiflaħ għall-baħar u l-istabbiltà 1.1. Il-bastiment għandu jinżamm f'kondizzjoni li jiflaħ għall-baħar u mgħammar tajjeb kif approprjat għall-għan u l-użu tiegħu. 1.2. Fejn jeżisti, għandu jkun disponibbli abbord it-tagħrif dwar l-istabbiltà tal-bastiment u għandu jkun aċċessibli għall-ħaddiema fuq l-għassa. 1.3. Il-bastimenti kollha għandhom ikunu stabbli biżżejjed meta intatti fil-kondizzjonijiet tas-servizz li għalihom huma maħsuba. Il-kaptan għandu jieħu l-miżuri meħtieġa prekawzjonarji, sabiex iżomm l-istabbiltà adegwata tal-bastiment. L-istruzzjonijiet ipprovduti li jirrigwardaw l-istabbiltà tal-bastiment għandhom ikunu osservati b'mod strett. 2. L-installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi 2.1. L-installazzjonijiet elettriċi għandhom ikunu ddisinjati u mibnija sabiex ma jippreżentaw l-ebda perikolu u sabiex jiżguraw: - il-protezzjoni lill-ekwipaġġ u lill-bastiment mir-riskji elettriċi, - il-funzjonament xieraq tat-tagħmir kollu meħtieġ sabiex il-bastiment jinżamm fil-kondizzjonijiet normali tax-xogħol u ta' l-għixien mingħajr rikors għall-provvista ta' l-enerġija ta' l-emerġenza, - it-tħaddim tat-tagħmir elettriku essenzjali għas-sigurtà f'kull emerġenza. 2.2. Għandu jiġi pprovdut sors ta' l-enerġija elettrika għall-emerġenza. Għajr għall-bastimenti miftuħa, is-sors ta' l-enerġija elettrika għall-emerġenza għandu jkun imqiegħed 'il barra mill-kamra tal-magna u f'kull każ għandu jkun irranġat li jiżgura, f'każ ta' ħruq jew nuqqas ieħor ta' l-installazzjoni elettrika prinċipali, il-funzjonament simultanju għal mill-inqas tliet sigħat rigward: - is-sistema interna tal-komunikazzjoni, l-apparat tal-kxif tan-nar u s-sinjali ta' l-emerġenza, - id-dwal tan-navigazzjoni u d-dwal ta' l-emerġenza, - l-installazzjoni tar-radju, - il-pompa elettrika tat-tifi tan-nar f'emerġenza meta preżenti. Jekk is-sors ta' l-enerġija elettrika ta' l-emerġenża jkun batterija ta' l-akkumulazzjoni u s-sors ta' l-enerġija elettrika prinċipali jfalli, il-batterija ta' l-akkumulazzjoni għandha tiġi mqabbda awtomatikament mal-bord tas-swiċċijiet ta' l-elettriku ta' l-emerġenza u tforni l-enerġija għall-perjodu taż-żmien bla waqfien ta' tliet sigħat għas-sistemi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi tat-tieni subparagrafu. Il-bord prinċipali tas-swiċċijiet ta' l-elettriku u l-bord tas-swiċċijiet ta' l-emerġenza jridu, safejn u sakemm possibli, ikunu installati hekk illi ma jistgħux ikunu esposti simultanjament għall-ilma u n-nar. 2.3. Il-bords tas-swiċċijiet għandhom ikunu mmarkati biċ-ċar; il-kaxxi tal-fjusijiet u l-holders tal-fjusijiet għandhom jiġu ċċekkjati f'intervalli regolari taż-żmien sabiex jiżguraw illi jkun qiegħed jiġi użat il-grad korrett tal-fjus. 2.4. Il-kompartamenti fejn ikunu jinsabu l-batteriji tal-ħażna elettrika għandhom ikunu vventilati adegwatament. 2.5. L-għajnuniet elettroniċi tan-navigazzjoni għandhom jiġu ttestjati spiss u miżmuma tajjeb. 2.6. It-tagħmir kollu użat għall-irfigħ għandu jiġi ttestjat u eżaminat f'intervalli regolari taż-żmien. 2.7. Il-partijiet kollha tat-tagħmir tal-ġbid, tat-tagħmir ta' l-irfigħ u tat-tagħmir li għandu x'jaqsam magħhom għandhom jinżammu f'tiswija tajba u f'ordni tajba tax-xogħol. 2.8. Meta jiġu installati impjanti tar-refriġerazzjoni u sistemi ta' l-arja kkompressata, dawn għandhom ikunu miżmuma fi stat tajjeb u eżaminati f'intervalli regolari taż-żmien. 2.9. L-apparat tat-tisjir domestiku li juża l-gassijiet tqal għandu jiġi użat biss fi spazji vventilati tajjeb u għandu jitqies illi tiġi evitata kull akkumulazzjoni perikoluża tal-gass. Iċ-ċilindri li jkun fihom gassijiet li jieħdu n-nar u gassijiet oħra perikolużi għandhom ikunu mmarkati biċ-ċar skond il-kontenut tagħhom u stivati fuq il-gverti għall-arja. Il-valvoli, ir-regolaturi tal-pressjoni u l-pajpijiet kollha li joħorġu miċ-ċilindri għandhom ikunu protetti mill-perikolu. 3. L-installazzjoni tar-radju L-installazzjoni tar-radju għandha tippermetti l-kuntatt il-ħin kollu ma' mill-inqas stazzjon wieħed fuq il-kosta jew fuq l-art, filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet normali għall-propogazzjoni tar-raġġi tar-radju. 4. Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza 4.1. Il-passaġġi u l-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala rotot u postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza għandhom ikunu mingħajr tfixkil u aċċessibli faċilment il-ħin kollu u jwasslu kemm jista' jkun direttament 'il barra għal fuq il-gverta għall-arja jew għal żona bla perikolu u minn hemm għad-dgħajsa tas-salvataġġ sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jevakwaw l-istazzjonijiet tax-xogħol tagħhom jew iż-żoni fejn jgħixu malajr u bla perikolu kemm jista' jkun possibbli. 4.2. In-numru, it-tqassim u d-daqs tal-passaġġi u tal-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala rotot u postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza għandhom jiddependu skond l-użu, it-tagħmir u d-daqs tal-postijiet tax-xogħol u taż-żoni ta' l-għixien u skond in-numru potenzjali massimu tan-nies preżenti. Il-postijiet tal-ħruġ li jistgħu jintużaw bħala postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza u li jkunu magħluqa għandhom ikunu jistgħu jitħaddmu immedjatament u bla xkiel f'emerġenza minn kull ħaddiem jew mit-timijiet tas-salvataġġ. 4.3. Ir-rotot u l-postijiet tal-ħruġ ta' l-emerġenza għandhom ikunu indikati bis-sinjali skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 92/58/KEE. Dawn is-sinjali għandhom ikunu mqiegħda fil-punti approprjati u magħmula li jservu għat-tul taż-żmien. 4.4. Ir-rotot tal-ħelsien u l-faċilitajiet tas-salvataġġ u l-postijiet tal-ħruġ ta' emerġenza li jeħtieġu d-dawl għandhom ikunu pprovduti bid-dwal ta' l-emerġenza ta' intensità adegwata fil-każ li jinqata' d-dawl. 5. Il-kxif tan-nar u t-tifi tan-nar 5.1. Jiddependi mid-daqs u l-użu tal-bastiment, it-tagħmir li jkollu, il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tas-sustanzi preżenti u n-numru massimu potenzjali tal-persuni preżenti, il-kwartieri ta' l-għixien u l-postijiet tax-xogħol fil-magħluq, inklużi l-kamra tal-magna u l-istiva tal-ħut jekk meħtieġ, għandhom ikunu mgħammra bit-tagħmir approprjat tat-tifi tan-nar u, jekk meħtieġ, b'apparat tal-kxif tan-nar u sistemi ta' l-allarm. 5.2. It-tagħmir tat-tifi tan-nar għandu jkun dejjem miżmum fil-post proprju tiegħu, mantenut f'kondizzjoni tajba tax-xogħol u disponibbli għall-użu immedjat. Il-ħaddiema għandhom ikunu jafu sewwa fejn ikun qiegħed it-tagħmir tat-tifi tan-nar, il-mod kif jaħdem u kif għandu jintuża. Il-preżenza ta' mezzi tat-tifi tan-nar u ta' tagħmir ieħor li jinġarr tat-tifi tan-nar għandha dejjem tiġi ċċekkjata qabel ma l-bastiment isalpa. 5.3. It-tagħmir tat-tifi tan-nar imħaddem bl-idejn għandu jkun aċċessibbli bla xkiel u sempliċi għall-użu skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 92/58/KEE. Dawn is-sinjali għandhom jitqiegħdu fil-punti approprjati u magħmula għalbiex iservu għat-tul taż-żmien. 5.4. L-apparat tal-kxif tan-nar u s-sistemi ta' l-allarm għandhom ikunu ttestjati regolarment u miżmuma f'kondizzjoni tajba. 5.5. Għadhom jitwettqu eżerċizzji rigward it-tifi tan-nar f'intervalli regolari taż-żmien. 6. Il-ventilazzjoni tal-postijiet tax-xogħol fil-magħluq Għandhom jittieħdu passi li jaraw illi teżisti arja friska biżżejjed fil-postijiet tax-xogħol fil-magħluq, wara li jitqiesu l-metodi tax-xogħol użati u l-ħtiġijiet fiżiċi mqiegħda fuq il-ħaddiema. Jekk tintuża sistema mekkanika tal-ventilazzjoni, din għandha tinżamm f'kondizzjoni tajba. 7. It-temperatura fiż-żoni tax-xogħol 7.1. It-temperatura fiż-żoni tax-xogħol għandha tkun adegwata għall-ġisem tal-bniedem matul il-ħinijiet tax-xogħol, filwaqt li jitqiesu l-metodi tax-xogħol użati, il-ħtiġijiet fiżiċi mqiegħda fuq il-ħaddiema u l-kondizzjonijiet attwali u potenzjali tat-temp fiż-żona li fiha jopera l-bastiment. 7.2. It-temperatura fil-kwartieri ta' l-għixien, fil-faċilitajiet sanitarji, fil-postijiet ta' l-ikel u fil-kmamar ta' l-ewwel għajnuna għandha, meta dawn iż-żoni jeżistu, tkun approprjata għall-għan partikolari ta' dawn iż-żoni. 8. Id-dawl naturali u artifiċjali tal-postijiet tax-xogħol 8.1. Il-postijiet tax-xogħol għandhom jirċievu safejn u sakemm possibbli dawl naturali biżżejjed u jkunu mgħammra bid-dwal artifiċjali xierqa għall-ħidmiet li jkunu qegħdin isiru, mingħajr ma' jqiegħdu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fil-perikolu jew jipperikolaw in-navigazzjoni ta' bastimenti oħra. 8.2. L-installazzjonijiet ta' dwal fiż-żoni tax-xogħol, fit-turġien, fis-slielem u fil-kurituri għandhom jitqiegħdu hekk illi t-tip ta' dawl previst ma' joħloq l-ebda riskju ta' inċidenti lill-ħaddiema u l-ebda xkiel lin-navigazzjoni tal-bastiment. 8.3. Il-postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema jkunu esposti b'mod speċjali għar-riskji għandhom jiġu pprovduti fil-każ ta' qtugħ tad-dawl artifiċjali b'dawl ta' l-emerġenza ta' intensità adegwata. 8.4. Id-dwal ta' l-emerġenza għandhom jinżammu f'kondizzjoni effiċjenti tax-xogħol u ttestjati f'intervalli regolari taż-żmien. 9. Il-gverti, il-paratiji u l-aċċess għall-gverti 9.1. L-ispazji aċċessibli għall-ħaddiema ma jridux ikunu jiżolqu jew għandhom jiġu mgħammra għall-kontra ż-żlieq jew ikunu pprovduti b'mezzi li jipprevienu l-waqgħat u ħielsa mill-ostakoli kemm jista' jkun possibbli. 9.2. Il-postijiet tax-xogħol li jkun fihom l-istazzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu, safejn u sakemm possibli, mingħajr ħoss u iżolati b'mod adegwat, filwaqt li jinżammu fil-moħħ it-tip tax-xogħol involut u l-attività fiżika tal-ħaddiema. 9.3. Il-wiċċ tal-gverti, tal-paratiji u ta' l-aċċess għall-gverti fiż-żoni tax-xogħol għandhom ikunu hekk illi jkunu jistgħu jitnaddfu jew imgħammra mill-ġdid għall-istandard approprjat ta' l-iġjene. 10. Il-bibien 10.1. Għandhom jiġu pprovduti l-mezzi sabiex il-bibien ikunu jistgħu jitħaddmu minn fuq ġewwa l-ħin kollu mingħajr tagħmir speċjali. Il-bibien għandhom ikunu jistgħu jitħaddmu minn kull waħda miż-żewġ naħat meta jkunu qegħdin jintużaw il-postijiet tax-xogħol. 10.2. Il-bibien u b'mod partikolari l-bibien li jiżżerżqu, meta dawn għandhom jiġu uzati, għandhom jiffunzjonaw kemm jista' jkun fis-sigurtà, b'mod speċjali fil-maltemp u f'kondizzjonijiet tal-baħar avversi. 11. Rotot tal-moviment — iż-żoni perikolużi 11.1. Il-kurituri, il-bagolli, il-partijiet ta' fuq barra ta' l-aċċess għall-gverti u r-rotot kollha tal-moviment ġenerali għandhom ikunu mgħammra b'poġġamani tas-sigurtà, poġġamani tal-qbid magħhom jew ħbula tas-salvataġġ jew mezzi oħra li jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema matul il-kors ta' l-attivitajiet abbord. 11.2. Jekk jeżisti r-riskju li l-ħaddiema jistgħu jaqgħu mill-aperturi fuq il-gverta, jew minn fuq gverta għall-oħra għandha tiġi pprovduta l-protezzjoni adegwata kull fejn u meta jkun possibli. 11.3. L-aċċess għall-installazzjonijiet 'il fuq mill-gverta għax-xogħol jew il-manutenzjoni għandu jkun hekk illi jiżgura s-sigurtà tal-ħaddiema. Għandhom jiġu pprovduti poġġamani tas-sigurtà jew mezzi simili tal-protezzjoni ta' l-għoli approprjat sabiex jipprevienu l-waqgħat. 11.4. Il-murati jew mezzi oħra pprovduti sabiex jipprevienu l-persuni milli jaqgħu fil-baħar għandhom jinżammu f'kondizzjoni effiċjenti. Il-murati għandhom ikunu mgħammra b'aperturi għall-ilma jew b'mezzi oħra simili għalbiex iħallu l-ilma jiskula malajr. 11.5. Fuq il-bastimenti tat-tkarkir bit-tartarun li jaħdmu mill-poppa bir-rampi, ir-rampa għandha tkun imgħammra b'xatba jew mezzi oħra li jorbtuha ta' l-istess għoli bħall-murati jew il-mezzi l-oħra li jmissu magħha, sabiex jipproteġu lill-ħaddiema mir-riskju li jaqgħu għal ġewwa r-rampa. Din ix-xatba jew mezz ieħor għandhom ikunu jistgħu jinfetħu u jingħalqu faċilment u għandhom jinfetħu biss għalbiex tinxteħet ix-xibka jew għalbiex tinġibed. 12. It-tqassim ta' l-istazzjonijiet tax-xogħol 12.1. Iż-żoni tax-xogħol għandhom jinżammu ħielsa u, safejn u sakemm possibli, protetti mill-baħar u jipprovdu protezzjoni adegwata lill-ħaddiema kontra l-waqgħat fuq il-bastiment jew il-waqgħat għall-baħar. Iż-żoni tat-tqandil għandhom ikunu spazjużi biżżejjed, fejn jidħol il-kobor kemm ta' l-għoli u kemm tal-wiċċ. 12.2. Jekk il-magni jkunu kkontrollati mill-kamra tal-magna, dawn għandhom ikunu kkontrollati minn post differenti, mingħajr ħoss u iżolat mill-kamra tal-magna nnifisha u aċċessibbli mingħajr passaġġ minn din ta' l-aħħar. Il-briġġ tan-navigazzjoni huwa kkunsidrat bħala żona li tilħaq il-ħtiġijiet ta' l-ewwel subparagrafu. 12.3. Il-kontrolli tat-tagħmir tal-ġbid għandu jkun installat f'żona kbira biżżejjed għalbiex tħalli lill-operaturi jaħdmu mingħajr tfixkil. It-tagħmir tal-ġbid għandu wkoll ikollu l-mezzi tas-sigurtà approprjati għall-emerġenzi, inklużi faċilitajiet tal-waqfien ta' l-emerġenza fil-każ ta' ħsara. 12.4. L-operatur tat-tagħmir tal-ġbid għandu jkollu veduta adegwata tat-tagħmir tal-ġbid u tal-ħaddiema fuq ix-xogħol tagħhom. Jekk it-tagħmir tal-ġbid ikun ikkontrollat minn fuq il-briġġ, l-operatur għandu jkollu wkoll veduta ċara tal-ħaddiema fuq ix-xogħol tagħhom, jew direttament jew permezz ta' kull mezz ieħor xieraq. 12.5. Għandha tintuża sistema ta' komunikazzjoni ta' min joqgħod fuqha bejn il-briġġ u l-gverta tax-xogħol. 12.6. Dejjem għandha tinżamm għassa b'attenzjoni kbira u l-ekwipaġġ għandu jiġi mwissi bil-perikolu imminenti ta' baħar qawwi li jkun ġej għal fuqu matul il-ħidmiet tas-sajd jew meta jkun qiegħed isir xogħol ieħor fuq il-gverta. 12.8. Il-kontrolli għandhom ikunu installati sabiex iċaqalqu t-toqol, b'mod partikolari fuq il-bastimenti tat-tkarkir bit-tartarun: - mezzi sabiex jimmobbilizzaw l-apparat li jżomm it-tartarun miftuħ, - mezzi biex jikkontrollaw il-moviment tat-tbandil tas-sakku. 13. Il-kwartieri ta' l-għixien 13.1. Il-kwartieri ta' l-għixien tal-ħaddiema, meta dawn jeżistu, għandhom ikunu hekk illi jimminimizzaw il-ħoss, il-vibrazzjoni, l-effetti taċ-ċaqliq u l-aċċelerazzjoni, u l-irwejjaħ spjaċevoli minn partijiet oħra tal-bastiment. Għandu jkun installat dawl approprjat fil-kwartieri ta' l-għixien. 13.2. Il-kċina tal-bastiment u l-kamra ta' l-ikel tal-ħaddiema, meta dawn jeżistu, għandhom ikunu ta' daqs adegwat, mixgħula u vventilati tajjeb u ħfief biex tnaddafhom. Għandhom jkunu pprovduti refriġeraturi jew tagħmir ieħor tal-ħażna ta' l-ikel f'temperatura baxxa. 14. Il-faċilitajiet sanitarji Fuq il-bastimenti bil-kwartieri ta' l-għixien, għandhom ikunu installati kmamar tat-twaletta, bil-friskaturi tal-ħasil u, fejn possibbli, doċċa u ż-żoni rispettivi għandhom ikunu vventilati kif jixraq. 15. L-ewwel għajnuna Fuq il-bastimenti kollha għandu jkun disponibbli t-tagħmir ta' l-ewwel għajnuna li jwettaq il-ħtiġijiet fl-Anness II tad-Direttiva 92/29/KEE. 16. Is-slielem u l-iskalapiżi għal-lqugħ tal-persuni Għandhom ikunu disponibbli sellum, skalapiża jew tagħmir ieħor simili li jipprovdu mezz xieraq, mingħajr perikolu għat-tlugħ abbord il-bastiment. -------------------------------------------------- L-ANNESS III IL-ĦTIĠIJIET MINIMI TAS-SIGURTÀ U S-SAĦĦA LI JIRRIGWARDAW IT-TAGĦMIR TAS-SALVATAĠĠ U TAS-SOPRAVIVENZA (L-Artikolu 7(1)(d)) Nota preliminari L-obbligi stabbiliti f'dan l-Anness japplikaw kull meta jkunu meħtieġa mill-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-attività, iċ-ċirkostanzi jew ir-riskju abbord bastiment. 1. Il-bastimenti għandhom iġorru tagħmir adegwat tas-salvataġġ u tas-sopravivenza, inklużi mezzi adegwati biex jirkupraw lill-ħaddiema mill-ilma, u salvataġġ bir-radju, b'mod partikolari raġġ-fanal ta' emerġenza bir-radju li jindika l-pożizzjoni b'mekkaniżmu tar-rilaxx idrostatiku, filwaqt li jitqies in-numru tal-persuni abbord u ż-żona fejn il-bastiment ikun qiegħed jopera. 2. L-oġġetti kollha tat-tagħmir tas-salvataġġ u tas-sopravivenza għandhom jinżammu fil-postijiet xierqa tagħhom, mantenuti f'ordni tajba tax-xogħol u jkunu disponibbli għall-użu immedjat. Għandhom jiġu ċċekkjati mill-ħaddiema qabel ma' l-bastiment isalpa u matul il-vjaġġ. 3. It-tagħmir tas-salvataġġ u tas-sopravivenza għandu jiġi spezzjonat f'intervalli regolari taż-żmien. 4. Il-ħaddiema kollha għandhom jirċievu t-taħriġ xieraq u l-istruzzjonijiet approprjati minn qabel ma tinħoloq emerġenza. 5. Jekk it-tul tal-bastiment jaqbeż il-45 metru jew jekk iġorr ħames ħaddiema jew aktar, għandu jiġi pprovdut reġistru taċ-ċorma b'istruzzjonijiet ċari għal kull ħaddiem li għandha tiġi segwita fil-każ ta' emerġenza. 6. Il-ġmiegħ taċ-ċorma għall-eżerċizzji tas-sopravivenza għandu jiġi mwettaq kull xahar fil-port u/jew fuq il-baħar. Dawn l-eżerċizzji għandhom jiżguraw illi l-ħaddiema jifhmuhom bir-reqqa u jiġu eżerċitati fid-dmirijiet li jkollhom iwettqu rigward it-tqandil u l-ħidma tat-tagħmir kollu tas-salvataġġ u tas-sopravivenza. Il-ħaddiema għandhom ikunu mħarrġa fl-istabbiliment u l-operazzjoni tat-tagħmir tar-radju li jinġarr, fejn miġrur. -------------------------------------------------- L-ANNESS IV IL-ĦTIĠIJIET MINIMI TAS-SIGURTÀ U TAS-SAĦĦA LI JIRRIGWARDAW IT-TAGĦMIR TAL-PROTEZZJONI PERSONALI (L-Artikolu 7(1)(e)) Nota preliminari L-obbligi stabbiliti f'dan l-Anness japplikaw kull meta jkunu meħtieġa mill-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-attività, iċ-ċirkostanzi jew ir-riskju abbord bastiment. 1. Meta r-riskji għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ma jistgħux jiġu pprevenuti jew limitati suffiċjentement bil-mezzi kollettivi jew tekniċi tal-protezzjoni, dawn għandhom jiġu pprovduti b'tagħmir protettiv personali. 2. It-tagħmir personali tal-protezzjoni fl-għamla ta' lbies jew milbus fuq l-ilbies għandu jkun f'kuluri li jispikkaw filwaqt li jikkuntrastaw ma' l-ambjent tal-baħar u jidhru b'mod ċar. --------------------------------------------------