31993L0095



Official Journal L 276 , 09/11/1993 P. 0011 - 0012


Id-Direttiva tal-Kunsill 93/95/KEE

tad-29 ta' Ottubru 1993

li temenda d-Direttiva 89/686/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (PPE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi miżuri biex jiġi stabbilit suq intern fl-apparat personali protettiv (PPE) għandhom jiġu adottati skond id-Direttiva 89/686/KEE [4];

Billi l-Artikolu 5(3) ta' dik id-Direttiva jgħid illi l-PPE li għalih standards armonizzati mhumiex disponibbli jista' jitkompla fuq bażi transitorja, sal-31 ta' Diċembru 1992, li għandha tkun suġġetta għall-arranġamenti nazzjonali ġià fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tad-Direttiva;

Billi joħroġ mit-tagħrif riċevut mill-Istati Membri u n-negozju li l-perijodu transitorju huwa qasir wisq biex jippermetti li d-Direttiva tkun applikata sew;

Billi l-istandards armonizzatti għandhom jagħtu kontibuzzjoni sinjifikanti lejn l-iffaċilitar tat-tqegħid fis-suq u l-moviment liberu ta' apparat personali protettiv;

Billi, madankollu, xi wħud mill-istandards armonizzati mhux ser ikunu disponibbli fid-data ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 89/686; billi, għalhekk, l-istabbiliment u l-uniformità ta' suq wieħed f'dawn il-prodotti ma jistgħux jiġu żgurati;

Billi l-introduzzjoni ta' sistema ġdida ta' kontroll u ċertifikazzjoni u l-istabbiliment tad-dispożizzjonijiet u l-mekkaniżmi meħtieġa għall-iffunzjonar xieraq tad-Direttiva mhumiex suffiċjentement avvanzati;

Billi n-nuqqas ta' standards armonizzati jista' jwassal għal sitwazzjoni li fiha grad adegwat ta' protezzjoni u kontroll ta' konformità fir-rigward ta' elmi għal dawk li jużaw vetturi bil-mutur b'żewġ roti ma kienx aktar żgurat; billi l-protezzjoni ta' persuni fil-każ ta' aċċident jista' għalhekk jiġi pperikolat; billi, biex jiġi evitat tnaqqis fis-sigurtà u l-kontroll, tali elmi għandhom jiġu esklużi mill-iskop tad-Direttiva 89/686/KEE sakemm jiġu introdotti ħtiġijiet speċifiċi għal dawk l-elmi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 89/686/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 5(3) għandu jitħassar.

2. l-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 8(4) (a) għandu jitħassar.

3. L-Artikolu 16 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 16

1. Qabel il-31 ta' Diċembru 1991, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom javżaw minnufih b'dan lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw il-miżuri in kwistjoni b'effett mill-1 ta' Lulju 1992.

2. U aktar, l-Istati Membri għandhom jippermettu, sal-perijodu tat-30 ta' Ġunju 1995, it-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-servizz ta' PPE li jikkonforma mar-regolamenti nazzjonali fis-seħħ fit-territorju tagħhom fit-30 ta' Ġunju 1992.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp regolat b'din id-Direttiva."

4. Il-partita 5 li ġejja għandha tiżdied ma' l-Anness I:

"5. Elmi u viżieri maħsuba għal dawk li jużaw vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew tlieta".

Artikolu 2

1. Fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw magħha. Għandhom javżaw minnufih b'dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir ir-referena għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp regolat b'din id-Direttiva.'

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta' Ottubru 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Urbain

[1] ĠU C 36, 10.2.1993, p. 18.

[2] ĠU C 194, 19.7.1993, p. 154. u d-Deċiżjoni tas-27 ta' Ottubru 1993 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 129, 10.5.1993, p. 1.

[4] ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.

--------------------------------------------------