31993L0045



Official Journal L 159 , 01/07/1993 P. 0133 - 0133
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0079
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0079


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/45/KEE

tas-17 ta' Ġunju 1993

li tirrigwarda l-produzzjoni tan-nettari mingħajr iż-żieda taz-zokkor jew ta' l-għasel

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 75/726/KEE tas-17 ta' Novembru 1975 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward il-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/394/KEE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(7)(b) tagħha, li jipprovdi illi fil-każ ta' ċertu frott li l-meraq tiegħu jkollu kontenut għoli ta' zokkor naturali, jista' jiġi prodott in-nettaru minnu mingħajr iż-żieda taz-zokkor,

Billi l-frott elenkat fil-punti II u III ta' l-Anness mad-Direttiva 75/726/KEE, u l-berquq, jista' jkollhom kontenut għoli taz-zokkor naturali u għalhekk jidħlu fil-kategorija inkwistjoni;

Billi, għalhekk, meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet, huwa xieraq illi tiġi awtorizzata l-produzzjoni tan-nettari mingħajr iż-żieda taz-zokkor jew ta' l-għasel;

Billi, bil-ħsieb tal-firxa u ta' l-effetti ta' l-azzjoni prevista, il-miżuri Komunitarji stabbiliti f'din id-Direttiva mhumiex biss meħtieġa iżda wkoll indispensabbli għall-kisba ta' l-għanijiet stabbiliti; billi dawn l-għanijiet ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri waħedhom; billi, barra minn hekk, dawn l-għanijiet fil-livell Komunitarju huma diġà stabbiliti fid-Direttiva 75/726/KEE;

Billi l-lista stabbilita b'din id-Direttiva hija skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti ta' l-Ikel,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Il-frott iddikjarat fil-punti II u III ta' l-Anness mad-Direttiva 75/726/KEE, u l-berquq, jistgħu jintużaw, waħedhom jew imħalltin flimkien, għall-fabbrikazzjoni tan-nettari mingħajr iż-żieda taz-zokkor jew ta' l-għasel fejn il-kontenut għoli taz-zokkor naturali tagħhom hekk jeħtieġ.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi, regolatorji u amministrattivi sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1993.

Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Ġunju 1993.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 311, ta' l-1.12.1975, p. 40.

[2] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 14.

--------------------------------------------------