31993D0509



Official Journal L 238 , 23/09/1993 P. 0044 - 0044
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 52 P. 0157
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 52 P. 0157


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-21 ta’ Settembru 1993

li temenda d-Deċiżjoni Nru 93/195/KEE fir-rigward tad-dħul mill-ġdid taż-żwiemel reġistrati minn kumplessi tal-korsi tat-tlielaq fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika

(93/509/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 rigward il-kundizzjonijiet tas-saħħa li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ equidae [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/36/KEE [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 19 (ii) tagħha,

Billi l-Kummissjoni, bid-Direttiva 93/195/KEE [3]., stabbilit il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja għad-dħul mill-ġdid taż-żwiemel reġistrati għat-tlielaq, kompetizzjoni w avvenimenti kulturali wara l-esportazzjoni temporanja;

Billi l-preżenza tal-arterite virali ekwina ġiet konfermata fil-Korsa Internazzjonali tat-Tlielaq ta’ Arlington, Illinois, Churchill Downs, Kentucky, Ak-sar-ben, Nebraska w Prairie Meadows, Iowa fl-Istati Uniti tal-Amerika;

Billi d-dehra tal-arterite virali ekwina x’aktarx li tikkostitwixxi perikolu meta jidħlu mill-ġdid, wara l-esportazzjoni temporanja, iż-żwiemel reġistrati fil-Komunità li jkunu ħadu sehem f’kompetizzjonijiet fil-kumplessi tal-korsa tat-tlielaq f’dak il-każ;

Billi, għalhekk, għandhom jittieħdu passi biex ma jħallux, skond id-Deċiżjoni msemmija aktar ‘il fuq, id-dħul mill-ġdid, wara l-esportazzjoni temporanja, taż-żwiemel reġistrati għat-tlielaq, kompetizzjoni w avvenimenti kulturali mill-kumplessi tal-korsa f’dak il-każ; billi, fid-dawl tat-tagħrif epiżotjoloġiku dwar din il-marda, il-projbizzjoni għandha tkun limitata għal perijodu ta’ sitt xhur;

Billi l-miżuri li hemm provediment dwarhom f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti Veterinarju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 93/195/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

1) f’L-Anness I, il-Grupp Ċ, ‘l-Istati Uniti tal-Amerika’ jinbidel bi ‘l-Istati Uniti tal-Amerika (bl-eċċezzjoni, sat-28 ta’ Frar 1994, tal-kumplessi tal-korsa li ġejjin: Korsa Internazzjonali ta’ Arlington, Illinois, Churchill Downs, Kentucky, Ak-sar-ben, Nebraska, u Prairie Meadows, Iowa)’;

2) f’L-Anness II, il-Grupp Ċ, ‘l-Istati Uniti tal-Amerika’ jinbidel bi ‘l-Istati Uniti tal-Amerika (bl-eċċezzjoni, sat-28 ta’ Frar 1994, tal-kumplessi tal-korsa li ġejjin: Korsa Internazzjonali ta’ Arlington, Illinois, Churchill Downs, Kentucky, Ak-sar-ben, Nebraska, u Prairie Meadows, Iowa)’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Settembru 1993.

Għall-Kummissjoni

René Steichen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 42.

[2] ĠU L 157, ta’ l-10.6.1992, p. 28.

[3] ĠU L 86, tas-6.4.1993, p. 1.

--------------------------------------------------