31992R3912



Official Journal L 395 , 31/12/1992 P. 0006 - 0007
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 8 P. 0166
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 8 P. 0166


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3912/92

tas-17 ta' Diċembru 1992

dwar kontrolli mwettqa fil-Komunità fil-qasam tat-trasport bl-art u bl-ibħra interni dwar mezzi ta' trasport reġistrati jew imqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni f'pajjiż terz

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Komunità bdiet tadotta l-miżuri li jwasslu għat-twaqqif progressiv tas-suq intern sal-31 ta' Diċembru 1992, li ser jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment ħieles ta' oġġetti, persuni, servizzi u kapital hu żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

Billi t-tlestija tas-suq intern ser ifisser li kontrolli u formalitajiet fil-fruntieri interni dwar mezzi ta' trasport u d-dokumentazzjoni relevanti se jkollhom jitneħħew;

Billi, skond liġijiet tal-Komunità u liġijiet nazzjonali eżistenti fil-qasam tat-trasport bit-toroq u l-ibħra interni, Stati Membri jagħmlu ċekkjar, verifiki u spezzjonijiet dwar karatteristiċi tekniċi, awtorizzazzjonijiet u dokumentazzjoni oħra li magħhom iridu jikkonformaw vetturi u inġenji ta' l-ibħra interni; billi b'mod ġenerali ser jibqa' jkun hemm il-ħtieġa għal tali ċekkjar, verifiki u spezzjonijiet biex ikun evitat tħarbit ta' organizzazzjoni tas-suq tat-trasport u biex tkun żgurata sigurtà fit-toroq u l-ibħra interni;

Billi, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4060/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-eliminazzjoni ta' kontrolli magħmula fuq il-fruntieri ta' Stati Membri fil-qasam tat-trasport bit-toroq u l-ibħra interni [4], tali ċekkjar m'għandux jibqa' jsir fil-fruntieri bejn Stati Membri fejn dawn jirreferu għal mezzi ta' trasport reġistrati jew li jiċċirkolaw fi Stat Membru;

Billi l-istess prinċipju għandu jkun introdott għar-rigward ta' l-applikazzjoni tal-kontrolli provduti fl-imsemmi Regolament u ta' kontrolli magħmula għal finijiet ta' arranġamenti ma' pajjiżi terzi għal mezzi ta' trasport reġistrati jew li jiċċirkolaw f'pajjiż terz;

Billi l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn il-mezzi ta' trasport jidħlu minn pajjiż terz iridu jibqgħu ikomplu jagħmlu l-kontrolli kollha meħtieġa għar-rigward ta' ċċekkjar li l-imsemmija mezzi ta' trasport ikollhom l-awtorizzazzjoni li jagħmlu operazzjonijiet ta' trasport fuq jew tul it-territorju tiegħu;

Billi Stati Membri jridu jiżguraw li ċekkjar, verifiki u spezzjonijiet jistgħu jibqgħu jsiru matul it-territorji rispettivi tagħhom bħala parti mill-proċeduri normali ta' kontroll;

Billi koperazzjoni biex jiġu osservati l-obbligi ta' dan ir-Regolament għandha ssegwi r-regoli provduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta' Mejju 1981 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji tad-dwana jew agrikoli [5],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal kontrolli permezz ta' ftehim internazzjonali u dawk imsemmija fir-Regolament (KEE) Nru 4060/89 magħmula ġewwa l-Komunità minn Stati Membri dwar operazzjonijiet ta' trasport bl-art u bl-ibħra interni magħmula permezz ta' trasport reġistrat jew li jiċċirkola f'pajjiż terz.

2. Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-jeddijiet jew l-obbligi ta' Stat Membru, meta l-mezz ta' trasport imsemmi fil-paragrafu 1 jidħol minn pajjiż terz, biex jagħmel il-kontrolli kollha meħtieġa, sabiex jistabbilixxi li tali mezz ta' trasport huwa awtorizzat li jittrasporta fi jew tul it-territorju ta' l-Istat Membru konċernat.

L-Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

- "kontroll" tfisser kull ċekkjar, spezzjoni, verifika jew formalità magħmula fuq il-fruntieri ta' Stati Membri minn awtoritajiet nazzjonali li jwaqqfu jew ifixklu l-moviment ħieles tal-vetturi jew vapuri in kwistjoni,

- "ftehim internazzjonali" għandha tfisser kull ftehim bejn wieħed jew aktar Stati Membri jew il-Komunità u wieħed jew aktar pajjiżi terzi.

L-Artikolu 3

Il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 1 m'għandhomx jibqgħu isiru bħala kontrolli fuq il-fruntiera tul il-fruntieri interni tal-Komunità, iżda bħala parti mill-kontrolli li l-Istati Membri normalment jagħmlu matul it-territorju tagħhom.

L-Artikolu 4

Għall-finijiet ta' implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1468/81 għandhom japplikaw mutatis mutandis. B'żieda ma' dan, Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jistabbilixxu koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom.

L-Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl- l ta' Jannar1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta' Diċembru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Needham

[1] ĠU C 103, tat-23.4.1992, p. 11.

[2] ĠU C 305, tat-23.11.1992.

[3] ĠU C 287, ta' l-4.11.1992, p. 14.

[4] ĠU L 390, tat-30.12.1989, p. 18. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3356/91 (ĠU L 318, ta' l-20.11.1991, p. 1).

[5] ĠU L 144, tat-2.6.1981, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 945/87 (ĠU L 90, tat-2.4.1987, p. 3).

--------------------------------------------------