31992R3815



Official Journal L 387 , 31/12/1992 P. 0009 - 0009
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 47 P. 0044
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 47 P. 0044


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3815/92

tat-28 ta' Diċembru 1992

dwar l-applikazzjoni tal-prezz ta' intervent komuni għaż-żejt taż-żebbuġa fi Spanja

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunit Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall, u b'mod partikolari l-Artikolu 89(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi s-seħħ tas-suq uniku fl-1 ta' Jannar 1993 jagħmilha ħaġa mixtieqa li jitneħħew il-barrieri kollha għall-kummerċ, mhux biss bejn l-Istati Membri tal-Komunità kif ikkostitwita fil-31 ta' Diċembru 1985 imma wkoll, sakemm possibbli, bejn dawk l-Istati Membri u l-Istati Membri l-ġodda;

Billi, taħt l-Att ta' Adeżjoni, l-allinjament dwar il-prezz komuni tal-prezzijiet taż-żejt taż-żebbuġa ta' l-Istati Membri l-ġodda għandu jinkiseb gradatament f'perjodu sal-bidu tas-sena tas-suq ta' l-1995/96; billi, sa dik id-data, ammonti kompensatorji ta' adeżjoni għalhekk għandhom ikunu applikabbli għall-kummerċ bejn dawk il-pajjiżi u l-Istati Membri l-oħra;

Billi, madankollu, filwaqt li tinżamm l-għajnuna għall-produzzjoni u l-għajnuna għall-konsum fil-livell preskritt fl-Att ta' Adeżjoni, allinjament bikri jista' jkun previst, fl-1 ta' Jannar 1993, tal-prezzijiet Spanjoli dwar il-prezz komuni, in vista ta' l-ibbilanċjar mill-ġdid li jipprovdi għalih ir-Regolamenttal-Kunsill (KEE) Nru 2047/92 tat-30 ta' Ġunju 1992 li jistabbilixxi l-prezzijiet, għajnuniet u perċentwalijiet ta' l-għajnuna li għandhom jinżammu fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa għas-sena tas-suq 1992/93 [2],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prezz ta' intervent komuni għaż-żejt taż-żebbuġa għandu jkun applikabbli fi Spanja mill-1 ta' Jannar 1993.

Artikolu 2

Miżuri ta' transizzjoni neċessarji sabiex jiżguraw il-bidla bla xkiel mill-arranġamenti speċifikati fl-Artikolu 92 ta' l-Att ta' Adeżjoni għal dan ir-Regolament, b'mod partikolari biex jimpedixxu l-iżvijar ta' flussi normali tal-kummerċ bejn Spanja u l-Istati Membri l-oħra, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 38 tar-Regolament (KEE) Nru 136/66/KEE [3].

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel,

fit-28 ta' Diċembru 1992.

Għall-Kunsill

J. Gummer

Il-President

[1] Opinjoni mogħtija fit-18 ta’ Diċembru 1992 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 3.

[3] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2046/92 (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 1).

--------------------------------------------------