31992R3769



Official Journal L 383 , 29/12/1992 P. 0017 - 0029
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0014
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0014


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) nru 3769/92

tal-21 ta’ Diċembru 1992

li jimplimenta u jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 li jistabilixxi miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiskoraġġixxu d-diverżjoni ta’ ċerti sustanzi lejn il-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 tat-13 ta’ Diċembru 1990 li jistabilixxi miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiskoraġġixxu d-diverżjoni ta’ ċerti sustanzi lejn il-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi [1], skond kif emendat mir-Regolament (KEE) Nru 900/92 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi hu neċessarju li jiġu stabbiliti regoli ta’ implimentazzjoni għar-Regolament (KEE) Nru 3677/90, hawn aktar il quddiem magħruf bħala "r-Regolament bażiku";

Billi l-kwantitajiet għatba tas-sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 3 ta’ l-Anness tar-Regolament bażiku u l-identifikazzjoni ta’ taħlitiet li jikkontjenu dawk is-sustanzi għandhom jiġu definiti għall-iskop ta’ l-Artikolu 2a (2) tar-Regolament bażiku;

Billi hu neċessarju li jiġu identifikati l-pajjiżi u s-sustanzi skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari, abbażi ta’ approċċ konċertat mal-pajjiż ikkonċernat;

Billi, f’ċerti każijiet, fejn ma hemm ebda ftehim formali mal-pajjiż ta’ destinazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 5a (2) tar-Regolament bażiku, il-ħtiġiet ta’ esportazzjoni għal sustanzi skedati fil-Kategorija 3 għandhom jiġu identifikati, b’mod partikolari, abbażi ta’ approċċ konċertat mal-pajjiż ikkonċernat;

Billi l-identifikazzjoni ta’ destinazzjonijiet sensittivi għandha ssir abbażi li pajjiż huwa kkonċernat, jew mill-fabbrikazzjoni illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi jew b’fatturi oħra rilevanti bħall-prossimità ġeografika għal pajjiż li fih dawn id-drogi jew sustanzi huma prodotti;

Billi l-Kummissjoni tieħu fuqha li tistabilixxi dawk il-kuntatti ma’ numru ta’ pajjiżi; il-listi fl-Annessi 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament għandhom għalhekk jiġu gradwalment supplimentati sa limiti li dawk il-kuntatti jwasslu għal riżultati konkreti;

Billi hu neċessarju li jiġi ddiżinjat mudell ta’ l-awtorizzazzjoni individwali ta’ esportazzjoni kif ukoll regoli dettalljati li jikkonċernaw l-użu tiegħu u aktar minn hekk li jiġu stabbiliti dawk ir-regoli għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema miftuħa individwali ta’ awtorizzazzjoni prevista fir-rigward ta’ ċerti esportazzjonijiet ta’ sustanzi tal-Kategoriji 2 u 3;

Billi l-Komunità għandha timplimenta d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni dwar Drogi Narkotiċi (CND) tan-Nazzjonijiet Uniti f’April 1992 sabiex jiġu nklużi s-sustanzi safrole, piperonal u isosafrole fit-Tabella I ta’ l-Anness mal-Konvenzjoni tan-NU 1988 kontra traffiku illegali fi drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, billi l-imsemmija sustanzi jiġu trasferiti minn Kategorija 2 għall-Kategorija 1 fl-Anness għar-Regolament bażiku u għal raġunijiet ta’ ċarezza l-Anness mar-Regolament bażiku għandu għalhekk jiġi sostitwit; id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq bażijiet li l-karatteristiċi tal-imsemmija sustanzi huma simili ħafna għal dawk diġa kontenuti fit-Tabella 1 kif ukoll dawk fil-Kategorija 1 tar-Rapport Finali tat-Task Force ta’ Azzjoni Kimika (CATF), u l-membri tal-CATF rappreżentati fic-CND qablu kompletament mad-deċiżjoni bħala miżura eċċezzjonalli li tirreferi għal kummerċ internazzjonali li ma jipprovdi l-ebda preċedenti għal diverġenzi oħra possibbli fir-rigward tal-klassifika taħt ir-rapport tal-CATF;

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Prekursuri tad-Droga,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżenzjonijiet mill-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni għal sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 3

1. Operaturi li jaħdmu fl-esportazzjoni ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 3 ta’ l-Anness tar-Regolament bażiku għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2a (2) tar-Regolament bażiku jekk is-somma ta’ kwantitajiet ikkonċernati bl-esportazzjonijiet tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti (l-1 ta’ Jannar - 31 ta’ Diċembru) ma teċċedix l-ammonti speċifikati fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, malli dawn l-ammonti jinqabżu fis-sena kalendarja kurrenti, għandu jkun hemm konformità immedjata mal-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni.

2. Fil-każ ta’ taħlitiet fis-sens ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament bażiku, li jikkontjenu sustanzi elenkati fil-Kategorija 3, operaturi għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk l-ammont tas-sustanza skedata kontenuta hemmhekk ma jeċċedix, matul is-sena kalendarja preċedenti, l-ammonti msemmija fl-imsemmi paragrafu 1. Madankollu, mallli dawk l-ammonti jinqabżu fis-sena kalendarja preżenti, għandu jkun hemm konfomirtà immedjata mal-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni.

3. Bl-iskop li jiġi kreat ir-reġistru, dawk l-operaturi li l-esportazzjonijiet tagħhom ta’ sustanzi tal-Kategorija 3 matul l-1992 qabżu l-ammonti speċifikati fl-Anness 1, u li jkun beħsiebhom li jkomplu jesportaw dawk is-sustanzi, huma meħtieġa jirreġistraw ma’ l-awtoritajiet kompetenti u jinnotifikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (2) tar-Regolament bażiku sal-31 ta’ Jannar 1993.

Artikolu 2

Ħtiġiet speċifiċi ta’ esportazzjoni għal sustanzi fil-Kategorija 2

Skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku, esportazzjonijiet ta’ sustanzi skedati fil-Kategorija 2 u elenkati fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament huma suġġetti mutatis mutandis għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku kull meta jkunu destinati għal operatur stabbilit f’pajjiż li huwa elenkat f’dak l-Anness.

Artikolu 3

Ħtiġiet speċifiċi ta’ esportazzjoni għal sustanzi fil-Kategorija 3

Mingħajr preġudizzju għal ħtiġiet aktar speċifiċi li għandhom jiġu determinati abbażi ta’ ftehim mal-pajjiżi kkonċernati, esportazzjonijiet ta’ sustanzi skedati fil-Kategorija 3 huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku kull meta jkunu destinati għal operatur stabbilit f’pajjiż li huwa elenkat fl-Anness 3 ma’ dan ir-Regolament għas-sustanza kkonċernata skond l-Artikolu 5a (2) tar-Regolament bażiku u awtorizzazzjoni individwali miftuħa ma tistax tingħata skond il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu.

Artikolu 4

Mudell ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni

1. L-awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku għandha ssir fuq il-formola, li kampjun tagħha jinsab fl-Anness 4 ma’ dan ir-Regolament. Din għandha tintuża in konformità mar-regoli stabbiliti hemm. Din il-formola għandha tiġi stampata f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Komunità. Awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni għandhom isiru f’waħda minn dawn il-lingwi u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika ta’ l-Istat ta’ esportazzjoni; jekk dawn ikunu miktubin bl-idejn, dawn għandhom isiru bil-linka u b’ittri kapitali.

2. Il-formoli ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni għandhom ikunu f’format A4. Din għandu jkollha sfond arabeskat stampat li jirrendi kwalunkwe falsifika b’mezzi mekkaniċi jew kimiċi viżibbli għall-għajn.

3. L-Istati Membri jistgħu jirriservaw il-dritt li jistampaw il-formoli ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni huma stess jew jisgħu jiġu stampati minn stampaturi approvati minnhom. Fil-każ ta’ l-aħħar, kull formola ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni għandha tinkludi referenza għal dik l-approvazzjoni. B’żieda ma’ dan, il-formola ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni għandu jkollha l-isem u indirizz ta’ l-istampatur jew marka li permezz tagħha l-istampatur jista’ jiġi identifikat. Din għandu jkollha wkoll numru tas-serje, kemm jekk stampat u kemm jekk le, li permezz tiegħu tista’ tiġi identifikata.

4. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi stabbilita fi tlett kopji enumerati 1 sa 3: In-Nru 1 għandu jinżamm mill-awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjoni, in-Nru 2 għandu jkun mal-merkanzija u jiġi ppreżentat lill-uffiċċju doganali fejn hija ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali ta’ esportazzjoni u sussegwentement lill-uffiċċju doganali fil-punt tal-ħruġ tas-sustanzi skedati mit-territorju Komunitarju doganali, u n-Nru 3 għandu jinżamm mill-operatur li lilu tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni. Kopji oħra jistgħu jiġu pprovduti kif meħtieġ.

Artikolu 5

Awtorizzazzjonijiet individwali miftuħa

1. Kull applikant għal awtorizzazzjoni individwali miftuħa skond l-Artikoli 5(3) u 5a (3) tar-Regolament bażiku għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:

(a) dettallji tal-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tiegħu fil-qasam kopert b’dan ir-Regolament u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem, il-kwalifiki rilevanti u l-esperjenza professjonali tad-direttur jew tal-persuna responsabbli għall-assigurazzjoni li l-esportazzjonijiet ta’ sustanzi skedati jitwettqu in konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(b) dettalji f’forma sommarja ta’ operazzjonijiet ta’ esportazzjoni fis-sustanzi skedati kkonċernati li hu jkun għamel fit-tnax-il xahar qabel l-applikazzjoni, li jispeċifikaw fil-każ ta’ kull sustanza, in-numru totali ta’ operazzjonijiet u l-ammonti esportati lil kull pajjiż li għalih hija meħtieġa awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni;

(ċ) dettalji tal-prekawzjonijiet li hu jkun ħa sabiex jipprevjeni d-diverżjoni ta’ sustanzi skedati għall-fabbrikazzjoni illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, u b’mod partikolari, l-arranġamenti għal konformità ma’ l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

2. Mingħajr preġudizzju għal miżuri ta’ nfurzar tekniku, l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq għandha tiġi sospiża jew revokata skond l-Artikoli 5(3) u 5a (3) tar-Regolament bażiku, jew rifjutata, b’mod partikolari, jekk:

(a) ikun hemm raġunijiet raġjonevoli li wieħed jissuspetta li l-informazzjoni mogħtija in konformità ma’ l-obbligi taħt l-imsemmi paragrafu 1 hija inkorretta;

(b) ikun hemm bażijiet raġjonevoli li wieħed jissuspetta li l-prekawzjonijiet meħuda mhumiex suffiċjenti biex jipprevjenu d-diversjoni ta’ sustanzi skedati għall-fabbrikazzjoni illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi jew biex wieħed jemmen li l-operatur jew il-persuna responsabbli fil-każ ta’ persuna ġuridika, ma jipprovdux salvagwardja suffiċjenti kontra r-riskju ta’ diverżjoni.

3. Minkejja l-eżistenza ta’ l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, operazzjonijiet individwali ta’ esportazzjoni li jsiru taħt koperta ta’ din l-awtorizzazzjoni jistgħu jiġu pprojbiti mill-awtoritajiet kompetenti skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament bażiku.

4. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, it-titolari ta’ l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq għandu jikkonforma ma’ l-obbligi li ġejjin:

(a) jagħmel iskrizzjoni tan-numru ta’ din l-awtorizzazzjoni f’kull dikjarazzjoni doganali rilevanti ta’ esportazzjoni;

(b) iqiegħed l-iskrizzjoni fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku sa mhux aktar tard minn meta l-kunsinna tħalli l-post tal-fornitur għall-esportazzjoni tagħha;

(ċ) kull meta l-ħruġ preċedenti ta’ awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni mill-pajjiż ta’ destinazzjoni hija ħtieġa għall-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, l-iskrizzjoni għandu jkollha n-numru (jekk hemm) u l-post u d-data tal-ħruġ tal-permess ta’ importazzjoni mill-pajjiż ta’ destinazzjoni; kopja ta’ dan il-permess għandha tinżamm in konformità ma’ l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku;

(d) jassigura li l-kunsinna jkollha magħha f’kull ħin matul it-trasport kopja ta’ l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 li hija sottomessa lill-uffiċċju doganali fil-punt tal-ħruġ mit-territorju doganali Komunitarju u tinżamm minn dan ta’ l-aħħar għal perjodu ta’ mhux anqas minn tlett snin mill-aħħar tas-sena kalendarja li fiha tkun saret l-esportazzjoni;

(e) jagħti, sa l-aħħar ta’ kull kwart, informazzjoni sommarja dwar l-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni imwettqa taħt l-awtorizzazzjoni. Il-kontenut tal-ġabra fil-qosor li għandu jiġi determinat fid-dettal mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru in kwistjoni għandu jikkontjeni, bħala minimu, informazzjoni dwar in-numru ta’ operazzjonijiet, is-sustanzi, il-kwantitajiet, u l-pajjiżi destinatarji involuti. Fil-każ li din l-informazzjoni ma tingħatax, l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi sospiża jew revokata;

(f) jinforma lill-awtorità tal-ħruġ b’kull bidla li sseħħ fir-rigward ta’ l-informazzjoni mogħtija skond il-paragrafu 1, jew dik minnha kif jista jiġi speċifikat minn dik l-awtorità għal dan l-iskop.

5. Il-formola ta’ l-awtorizzazzjoni individwali miftuħa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet li huma mogħtija fl-Anness 5.

Artikolu 6

Sustanzi skedati

L-Anness mar-Regolament bażiku hu sostitwit b’dan li ġej:

"

L-ANNESS

Sustanza | Denominazzjoni NM (jekk differenti) | Kodici NM |

KATEGORIJA 1

Ephedrine | | 29394010 |

Ergometrine | | 29396010 |

Ergotamine | | 29396030 |

Lysergic acid | | 29396050 |

1-phenyl-2-propanone | Phenylacetone | 29143010 |

Pseudoephedrine | | 29394030 |

Acetylanthranilic acid | 2-Acetamidobenzoic acid | 29242950 |

3,4 Methylenedioxyphenylpropan-2-one | | 29329077 |

Isosafrole (cis + trans) | | 29329073 |

Piperonal | | 29329075 |

Safrole | | 29329071 |

Il-minerali tas-sustanzi elenkati f'din il-Kategorija kull meta l-eżistenza ta' dawn il-minerali hija possibbli. |

KATEGORIJA 2

Acetic anhydride | | 29152400 |

Anthranilic acid | | 29224950 |

Phenylacetic acid | | 29163300 |

Piperidine | | 29333930 |

Il-minerali tas-sustanzi elenkati f'din il-Kategorija kull meta l-eżistenza ta' dawn il-minerali hija possibbli. |

KATEGORIJA 3

Acetone | | 29141100 |

Ethyl ether | Diethyl ether | 29091100 |

Methylethyl ketone (MEK) | Butanone | 29141200 |

Toluene | | 29023010/90 |

Permanganat tal-potassju | | 28416010 |

Acidu sulfuriku | | 28070010 |

Acidu idrokloriku | Kloru ta' l-idroġenu | 28061000 |

Il-minerali tas-sustanzi elenkati f'din il-Kategorija minbarra l-aċidu sulfuriku u l-aċidu idrokloriku kull meta l-eżistenza ta' dawn il-minerali hija possibbli. |

"

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl 1 ta' Jannar 1993

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1992.

Għall-Kummissjoni

Christiane Scrivener

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 357, ta’ l-20.12.1990, p. 1.

[2] ĠU L 96, ta’ l-10.4.1992, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Sustanza | Kwantità |

Acetone | 50 kg |

Ethyl ether | 20 kg |

Methylethyl Ketone | 50 kg |

Toluene | 50 kg |

Permanganat tal-Potassju | 5 kg |

Aċidu sulfuriku | 100 kg |

Aċidu idrokloriku | 100 kg |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Sustanza | Destinazzjoni |

Acetic anhydride | Il-Kolombja |

Il-Gwatemala |

L-Iran |

Il-Lebanon |

Il-Myanmar (Burma) |

Singapor |

It-Turkija |

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

Sustanza | Destinazzjoni |

Methylethyl ketone (MEK) Toluene Permanganat tal-potassju Aċidu sulfuriku | L-Arġentina |

Il-Bolivja |

Il-Brażil |

Il-Kolombja |

L-Ekwador |

Il-Gwatemala |

Il-Peru |

Acetone Ethyl ether Aċidu idrokloriku | L-Arġentina |

Il-Bolivja |

Il-Brażil |

Il-Kolombja |

L-Ekwador |

Il-Gwatemala |

Il-Lebanon |

L-Iran |

Il-Myanmar (Burma) |

Il-Peru |

Singapor |

It-Turkija |

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

AWTORIZZAZZJONI INDIVIDWALI GĦAL ESPORTAZZJONI TA’ SUSTANZI ELENKATI FL-ANNESS TAR-REGOLAMENT (KEE) Nru 3677/90

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

NOTI

1. Kaxxi 1, 3, 4 u 6 sa 18 inklużiv għandhom jimtlew mill-applikant fil-ħin tat-talba; madankollu, din l-informazzjni kif meħtieġa fil-kaxxi 9 sa 12 u 17 tista’ tingħata fi stadju iktar tard, jekk l-informazzjoni ma tkunx magħrufa fil-ħin tat-talba. F’dan il-każ, l-informazzjoni għall-kaxxa 17 għandha tiġi supplimentata sa mhux aktar tard minn meta ssir id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni u l-informazzjoni supplimentari għal kaxxi 9 sa 12 għandha tingħata lid-dwana jew lil awtorità oħra fil-punt tal-ħruġ mit-territorju Komunitarju sa mhux aktar tard mit-tluq fiżiku tal-merkanzija.

2. Kaxxi 1, 4, 6 u 8: Niżżel ismijiet u indirizzi sħaħ kif ukoll ismijiet kummerċjali.

3. Kaxxa 6: Niżżel l-isem u l-indirizz sħiħ ta’ kull operatur ieħor involut fl-operazzjoni ta’ esportazzjoni bħal trasportatur, broker, aġent doganali.

4. Kaxxa 8: Niżżel l-isem u indirizz sħiħ tal-persuna jew kumpannija li lilhom huma kkunsinnati l-oġġetti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni (mhux neċessarjament l-utent aħħari).

5. Kaxxi 9 u 10: Agħti l-isem tal-port, l-ajruport jew tal-punt tal-fruntiera skond kif approprjat.

6. Kaxxa 11: Speċifika l-mezzi kollha ta’ trasport li għandhom jintużaw (eż. trakk, vapur, ajruplan, tren, eċċ).

7. Kaxxa 12: Agħti dettalji kompleti kemm jista’ jkun tar-rotta li tkun ser tittieħed.

8. Kaxxi 13 u 14: Niżżel kemm, isem tas-sustanza kif ukoll il-kodiċi NM, kif stabbiliti fl-Anness mar-Regolament bażiku.

9. Kaxxi 13a, b: Identifika pakketti u sustanzi bi preċiżjoni (eż. 2 bottijiet ta’ 5 litri kull wieħed). Fil-każ ta’ taħlitiet, indika l-isem kummerċjali u d-data kwantitattiva in kwistjoni.

10. Kaxxa 18:

- Indika b’ittri kbar l-isem ta’ l-applikant jew, meta approprjat, tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu li jiffirma din l-applikazzjoni.

- Il-firma ta’ l-applikant jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu, skond il-modalitajiet previsti mill-Istat Membru kkonċernat, għandha tindika li l-persuna kkonċernata qed tiddikjara li d-dettalji kollha mogħtija fl-applikazzjoni huma korretti u dikjarati b’mod komplet. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli ta’ dispożizzjonijiet ta’ penali, din id-dikjarazzjoni għandha tkun ekwivalenti għat-tħaddim ta’ responsabbiltà, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri, fir-rigward ta’:

- l-eżattezza ta’ l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni,

- l-awtentiċità ta’ kull dokument mehmuż, u

- l-osservanza ta’ l-obbligi kollha inerenti fl-esportazzjoni ta’ sustanzi skedati elenkati fl-Anness mar-Regolament (KEE) Nru 3677/90 kif emendat mir-Regolament (KEE) Nru 900/92.

- Kull meta l-awtorizzazzjoni tinħareġ permezz ta’ proċedura komputerizzata, dik l-awtorizzazzjoni ma jistax ikollha il-firma ta’ l-applikant f’din il-kaxxa, jekk l-applikazzjoni per se jkollha dik il-firma.

--------------------------------------------------

L-ANNESS V

L-awtorizzazzjoni individwali miftuħa għal esportazzjoni ta' sustanzi elenkati fil-Kategoriji 2 u 3 ta' l-Anness mar-Regolament (KEE) Nru 3677/90

1. Il-formula ta' l-awtorizzazzjoni individwali miftuħa hi l-istess bħal dik imsemmija fl-Anness IV.

2. Din għandu jkollha, tul il-paġna kollha, l-kliem:

Licencia genérica individual

Åben individuel eksporttilladelse

Offene Einzelgenehmigung

Ανοικτή κατά περίπτωση άδεια εξαγωγήξ

Open individual export authorization

Autorisation générale individuelle

Autorizzazione singola aperta all'esportazione

Individuele open vergunning

Autorização geral individual.

3. Għandhom jimtlew biss il-kaxxi 1, 2, 5, 13 u 19. Il-Kaxxa 13 għandha timtela bil-lista ta' sustanzi skedati u pajjiżi ta' destinazzjoni awtorizzati.

--------------------------------------------------