Official Journal L 327 , 13/11/1992 P. 0028 - 0029
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 45 P. 0180
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 45 P. 0180
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3288/92 tat-12 ta’ Novembru 1992 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2568/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi rilevanti ta’ l-analiżi. IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/EEC tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar it-twaqqif ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet [1] kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2046/92 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 35a tiegħu, Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 [3], kif l-emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 1996/92 [4], jiddefinixxi b’mod partikolari l-karatteristiċi organolettici taż-żejt verġni taż-żebbuġa u l-metodu biex issir l-istima ta’ dawk il-karatteristiċi; Billi, minħabba stħarriġ li qed isir, għandu jitwal il-perjodu li matulu l-Istati Membri Mejju jistgħu jużaw metodi nazzjonali ta’ analiżi ittestjati u xjentifikamemt siewja; Billi, sabiex ikun faċilitat li l-kummerċ jadatta għal-livelli ta’ kwalità dwar il-karatteristiċi sensorji tat-tipi differenti ta’ żejt verġni taż-żebbuġa għall-konsum, il-metodu msemmi għandu jiddaħħal bil-mod il-mod; billi għandu għalhekk ikun hemm tnaqqis degressiv għal perjodu xieraq ghall-klassifikazzjoni ta’ certi tipi taż-żejt taż-żebbuġa verġni; Billi, biex dan il-metodu jiġi applikat b’mod uniformi mal-Komunità kollha, il-kriterji użati mill-Istati Membri biex jiġu approvati panels ta’ dawk li jduqu responsabbli għall-kontrolli ufficjali fuq il kwalitajiet organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa għandhom jiġu definiti; billi għall-istess raġuni s-sistemi ta’ multi li għandhom jiġu applikati meta jinstabu irregolaritajiet għandhom jiġu armonizzati; Billi sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ għandhom isiru dispożizzjonijiet ta’ appell lil panel approvat ta’ dawk li jduqu meta jinqalgħu kwistjonijiet dwar il-karatteristiċi sensorji taż-żejt taż-żebbuġa verġni; Billi l-metodu ta’ stima organolettika għandu jiġi applikat fuq żejt ippreparat għas-suq mill-1 ta’ Novembru 92 sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ tfixkil fis-suq; Billi l-miżuri li għalihom hemm dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni ta’ l-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żjut u x-Xaħmijiet, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91 huwa emendat kif ġej: 1. Fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3, ‘il-31 ta’ Ottubru 1992 hu mibdul bil-kliem ‘il-31 ta’ Diċembru 1992’. 2. L-Artikoli 3a u 3b li ġejjin jiddaħħlu: "Artikolu 3a Meta tinqala kwistjoni fuq il-karatteristiċi organolettiċi ta’ xi żejt li jkun kummerċjat, il-partijiet interessati jistgħu jirreferu l-kwistjoni lil xi panel approvat ta’ dawk li jduqu magħżul minnhom. Artikolu 3b Meta jinstab li l-karatteristiċi organolettiċi ta’ xi żejt ma jaqblux mad-deskrizzjoni li tingħata, l-Istati Membri nteressati għandhom, mingħajr preġudizzju għal xi penalitajiet oħra, japplikaw penalitajiet finanzjarji amministrattivi, li jiġu stabbiliti fid-dawl tal-gravità ta’ l-irregolarità misjuba. Meta ssir stima ta’ l-irregolarità, għandha tingħata l-attenzjoni b’mod partikolari għat-tibdil naturali fil-karatteristiċi ta’ żejt maħżun taħt kondizzjonijiet normali. Fil-bidu ta’ kull nofs sena, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bin-numru u t-tip ta’ irregolaritajiet misjuba u l-penalitajiet applikati matul in-nofs sena ta’ qabel." 3. L-Artikolu 4 hu mibdul b’dan li ġej: "Artikolu 4 1. Ghall-għanijiet ta’ stima ta’ karatteristiċi organolettiċi, l-Istati Membri għandhom iwaqqfu panels ta’ dawk li jduqu responsabbli mill-kontrolli uffiċjali ta’ dawn il-karatteristiċi. Il-panels għandhom iħarsu dawn il-kondizzjonijiet: - dawn għandhom ikunu magħmula minn dawk li jduqu magħżula u mħarrġa skond ir-regoli preskritti għall-metodu stipulat fl-Anness XII, - dawn għandhom ikollhom il-faċilitajiet u l-apparat meħtieġa biex iwettqu stimi organolettiċi skond ir-regoli preskritti ghal dan il-metodu, - dawn għandhom jużaw il-vokabbolarju speċifiku għall-analiżi sensorja taż-żejt taż-żebbuġa, il-profile sheet u t-tabella ta’ klassifikazzjoni preskritta għal dan il-metodu, - dawn għandhom jidħlu għat-twettiq ta’ l-istimi organolettiċi meħtiega fuq livell komunitarju jew internazzjonali fil-ħin tal-kontrolli li jsiru minn żmien għal żmien u waqt sessjonijiet ghall-kriterji ta’ l-armonizzazzjoni, - dawn għandhom jimpenjaw ruħhom li jipprovdu lill-Kummissjoni kull sena bl-informazzjoni kollha dwar xi tibdiel fil-membri tal-panels u n-numru ta’ stimi mwettqa bħala panels approvati. Kull Stat Membru għandu japprova panels li jaderixxu ma’ dawn il-kriterji u li jkunu mwaqqfa fit-territorju tiegħu. Dan għandu jinnomina wieħed minn dawk il-panels biex iwettaq reviżjonijiet ta’ l-analiżijiet. Il-panels imwaqqfa mill-Istati Membri qabel l-1 ta’ Novembru 1992 skond ir-regoli preskritti għall-metodu stipulat fl-Anness XII għandhom jittieħdu bħala approvati fi ħdan it-tifsira ta’ dan l-Artikolu. Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-lista ta’ panels approvati. 2. Meta xi Stati Membri jiltaqgħu ma’ tfixkil fit-twaqqif tal-panels fit-territorju tagħhom, dawn jistgħu isejħu lil xi panel ieħor ta’ dewwieqa approvat f’ xi Stat Membru ieħor. 3. Kull Stat Membru għandu jagħmel lista ta’ panels ta’ dewwieqa mwaqqfa minn organizzazzjonijiet professjonali jew ta’ l-istess qasam skond il-kondizzjonijiet preskritti fil-paragrafu 1 u għandhom jaraw li dawk il-kondizzjonijiet jiġu mħarsa." 4. IIs-sub-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 10(1): "Dak il-metodu ma għandhux japplika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni lest għas-suq qabel l-1 ta’ Novembru 1992." 5. L-aħħar paragrafu tal-punt 10.2 ta’ l-Anness XII huwa mibdul b’dan li ġej: "Kif għandhom jingħataw ir-riżultati: fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni medja, il-panel li jissorvelja għandu jistabbilixxi l-kategorija li fiħa il-kampjun għandu jiġi kklassifikat, skond il-limiti preskritti fl-Anness I. Għal dan il-għan u hlief fejn hemm dispożizzjonijiet mod ieħor fil-paragrafu ta’ qabel ta’ l-aħħar, min jissorvelja għandu jħalli: - tollerenza ta’ + 1,5 matul is-sena kummerċjali1992/93, - tollerenza ta’ + 1 matul is-sena kummerċjali 1993/94, - tolleranza ta’ + 0,5 matul is-sena kummerċjali 1994/95, jekk il-klassifikazzjoni medja hi ta’ 5 punti jew aktar. Iżda, fil-każ ta’ żejt li fuqu jkunu saru operazzjonijiet ta’ intervent, it-tolleranza massima matul dawk is-snin kommerċjali għandha tkun + 0,5. Id-differenza statistika fil-valuri ta’ ripetittività u riproduċibilità bejn ir-riżultati ta’ l-analiżi u t-tolleranza preskritta bir-regolament għandha tkun bejn it-tolleranzi speċifikati fil-paragrafi ta’ fuq. Meta, matul is-snin ta’ marketing imsemmija hawn fuq, il-parti nteressata tikklassifika ż-żejt mingħajr l-applikazzjoni tat-tolleranza preskritta, din tista’ tiddikjara fuq l-ippakkeġġar dirett il-klassifikazzjoni organolettika minima tal-prodott verifikabbli matul is-sena ta’ marketing. Il-panel li jissorvelja għandu jiddikjara fir-rapport ta’ l-analiżi il-kategorija biss li fiha l-kampjun huwa ikklassifikat. L-analista li jagħmel l-eżami skond l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 2(2) għandu japplika l-istess proċedura għad-determinazzjoni tal-kategorija." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jibda jseħħ fit-tielet jum wara dak li fih jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Komunitajiet Ewropej. Dan jibda jgħodd mill-1 ta’ Novembru 1992. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-12 ta’ Novembru 1992. Għall-Kummissjoni Ray Mac Sharry Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66. [2] ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 1. [3] ĠU L 248, tal-5.9.1991, p. 1. [4] ĠU L 199, tat-18.7.1992, p. 18. --------------------------------------------------