31992R2174



Official Journal L 217 , 31/07/1992 P. 0064 - 0066
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 44 P. 0042
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 44 P. 0042


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2174/92

tat-30 ta’ Lulju 1992

li jippreskrivi regoli dettaljati li jirregolaw l-għotja ta’ għajnuna għal ħażna privata ta’ ġobon Sao Jorge u IIha

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1600/92 tal-15 ta’ Ġunju 1992 li jirrigwarda miżuri speċifiċi għall-Ażori u Madeira marbuta ma’ ċerti prodotti agrikoli [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 24(6),

Billi l-Artikolu 24(5) ta’ dak ir-Regolament jistipula l-għotja ta’ għajnuna għall-ħażna privata ta’ ġobon Sao Jorge li jkollu mill-inqas tliet xhur u ta’ ġobon Ilha li jkollu mill-inqas 45 jum, biex jagħti appoġġ lill-attivitajiet tradizzjonali u essenzali fis-settur tal-ħalib fl-Ażori; billi r-regoli dettaljati ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu fil-punti prinċipali tagħhom identiċi għal dawk ta’ dispożizzjonijiet oħra għal tipi oħrajn ta’ ġobon; billi l-ammont ta’ għajnuna għandu jitqies fuq l-istess kriterji użati f’dawn id-dispożizzjonijiet;

Billi fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1600/92, is-sistema hija applikkabli mill-1 ta’ Lulju 1992; billi jinħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli dettaljati attwanti mill-istess data;

Billi l-miżuri li għalihom hemm dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għajnuna għall-ħażna privata għandha tingħata għal1000 tunnellata ta’ ġobon Sao Jorge u 2000 tunnellata ta’ ġobon Ilha prodotti fl-Ażori. Il-ħtiġijiet ta’ l-Artikoli 2 u 3 għandhom jitħarsu.

Artikolu 2

1. L-aġenzija responsabbli nnominata mill-Portugall m’għandhiex tiffinalizza kuntratti ta’ ħażna jekk il-ħtiġijiet ta’ hawn taħt ma jitħarsux:

(a) il-kwantità ta’ ġobon li għaliha l-kuntratt jirreferi m’hix inqas minn żewġ tunnellati;

(b) Il-ġobon ġie mmanifatturat mill-anqas 90 jum (Sao Jorge) jew 45 jum (Ilha) qabel id-data speċifikata fil-kuntratt li hija d-data li fiha bdiet il-ħażna;

(ċ) il-ġobon sarulu testijiet li juru li jħares il-kondizzjoni preskritta f’(b) u li huwa ta’ prima kwalità;

(d) min jaħżen jintrabat:

- li jżomm il-ġobon matul iż-żmien kollu tal-ħażna f’bini fejn l-għola temperatura hi ta’ + 16 °C,

- li, matul iż-żmien tal-kuntratt, ma jibdilx il-komposizzjoni tal-lott li dwaru jkun sar il-kuntratt mingħajr awtorizazzjoni mill-aġenzija responsabbli. Jekk il-kondizzjoni li tirrigwarda l-kwantità minima għal kuntratti tibqa’ titħares, l-aġenzija tista’ tawtorizza tibdil limitat sat-tneħħijja jew tibdil ta’ ġbejjen li jkunu ħżienu tant li ma jkunux jistgħu jinħażnu aktar.

F’każ ta’ tneħħijja mill-ħażna ta’ ċerti kwantitajiet:

(i) jekk il-kwantitajiet hawn fuq imsemmija jinbidlu bl-awtorizazzjoni ta’ l-aġenzija, il-kuntratt għandu jitqies bħala mhux mibdul.

(ii) (ii)jekk il-kwantitajiet hawn fuq imsemmija ma jinbidlux, il-kuntratt għandu jitqies bħala konkluż ab initio għall-kwantità miżmuma.

Kull spiża ta’ sorveljanza minħabba xi kambjament għandha tkun imħallsa minn min jaħżen,

- li jinżammu kontijiet tal-ħażna u li tiġi informata l-aġenzija kull ġimgħa dwar il-kwantità ta’ ġobon maħżun matul il-ġimgħa ta’ qabel u dwar kull ħsieb li xi ġobon jiġi rtirat.

2. Il-Kuntratt ta’ ħażna għandu jiġi konkluż:

(a) bil-miktub, filwaqt li tissemma d-data ta’ meta bdiet il-ħażna mniżżla fil-kuntratt; din m’għandhiex tkun qabel id-data tal-jum ta’ wara li fiha l-ġobon imniżżel fil-kuntratt jidħol fil-maħżen.

(b) wara li l-ġobon imniżżel fil-kuntratt ikun daħal fil-maħżen u mhux aktar tard minn 40 jum wara d-data li fiha tibda l-ħażna mniżżla fil-kuntratt.

Artikolu 3

1. L-ebda għajnuna m’għandha tingħata fir-rigward ta’ ħażna taħt kuntratt għal anqas minn 60 jum.

2. L-għajnuna mħallsa ma tistax taqbeż l-ammont li jikkorrispondi għal 90 jum ta’ ħażna taħt xi kuntratt. B’deroga mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1)(d), meta l-perjodu ta’ 60 jum speċifikat fil-paragrafu 1 ikun skada, minn jaħżen jista’ jneħħi parti jew il-kwantità kollha msemmija fil-kuntratt. L-inqas kwantità li tista’ titneħħa għandha tkun ta’ 500 kilogramm. Iżda l-Portugall jista’ jżid din il-kwantità sa żewġ tunnellati.

Id-data tal-bidu ta’ l-operazzjonijiet biex jitneħħa l-ġobon imsemmi fil-kuntratt m’għandhiex tkun inkluża fil-perjodu ta’ ħażna skond il-kuntratt.

Artikolu 4

1. L-ammont ta’ għajnuna għandu jkun ta’ 2,80 EKU kull tunnellata kuljum.

2. L-ammont ta’ għajnuna f’eku applikabbli għal kuntratt ta’ ħażna għandu jkun dak ta’ l-ewwel jum ta’ ħażna skond il-kuntratt. Għandu jinqaleb f’valuta nazzjonali bir-rata rappreżentattiva applikabbli fl-aħħar jum ta’ ħażna skond il-kuntratt.

3. L-għajnuna għandha titħallas mhux aktar tard minn 90 jum mill-aħħar jum ta’ ħażna skond il-kuntratt.

Artikolu 5

Il-perjodi, id-dati u l-iskadenzi msemmija f’dan ir-Regolament għandhom jitqiesu b’konformità mar-Regolament (KEE, Euratom) Nu 1182/71 [2]. Iżda, l-Artikolu (4) ta’ dak ir-Regolament m’għandux japplika biex jitqies it-tul ta’ ħażna skond il-kuntratt.

Artikolu 6

1. il-Portugall għandu jara li l-kondizzjoniet li jintitolaw għall-ħlas ta’ għajnuna jitħarsu.

2. Il-kuntratur għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli li jaraw li jitwettqu l-miżuri kull dokumentazzjoni li biha jistgħu jiġu vverifikati d-dettalji li ġejjin ta’ prodotti f’ħażna privata:

(a) ta’ min huma fil-mument li jidħlu fil-ħażna,

(b) l-oriġini u d-data ta’ manifattura t al-ġbejjen,

(ċ) id-data ta’ meta jidħlu fil-ħażna,

(d) il-preżenza fil-ħażna,

(e) id-data ta’ meta tneħħew mill-ħażna.

3. Il-kuntrattur jew, fejn applikabbli, l-operatur tal-ħażna għandu jżomm kont ta’ l-istokk disponibbli fil-ħażna, li fih ikun hemm:

(a) identifikazzjoni, skond in-numru tal-kuntratt, ta’ prodotti fil-ħażna privata,

(b) id-dati ta’ meta daħlu u ħarġu mill-ħażna,

(ċ) in-numru ta’ ġbejjen f’kull lott u l-piż,

(d) il-post fejn jitpoġġew il-prodotti fil-maħżen.

4. Il-prodotti maħżuna għandhom jintgħarfu malajr skond il-kuntratt. Marka speċjali għandha titwaħħal mal-ġobon li fuqu jkun sar kuntratt.

5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1)(d), mad-daħla fil-maħzen, l-aġenzija responsabbli għandha tagħmel kontrolli b’mod partikolari biex tiżgura li l-prodotti maħżuna huma eliġibbli għall-għajnuna u biex ma tħallix li jsir tibdil ta’ prodotti waqt il-ħażna skond il-kuntratt.

6. L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-kontrolli għandhom jaraw li jsir:

(a) kontroll għall-għarrieda biex jaraw li l-prodotti huma preżenti fil-maħżen. Il-kampjun magħżul għandu jkun rappreżentattiv u għandu jikkorispondi ma’ mill-inqas10 % tal-kwantità totali mniżżla fil-kuntratt bħala miżura ta’ għajnuna għal ħażna privata. Dawn il-kontrolli għandhom jinkludu, barra eżami tal-kontijiet imsemmi fil-paragrafu 3, kontroll fiżiku tal-piż u t-tip ta’ prodott fl-imkien ma’ l-identifikazzjoni tagħhom. Dawn il-kontrolli fiżiċi għandhom isiru fir-rigward ta’ mill-inqas 5 % tal-kwantità suġġetta għall-kontroll għall-għarrieda;

(b) kontoll biex jinstab li l-prodotti huma preżenti fi tmiem il-perijodu ta’ ħażna skond il-kuntratt.

7. Kontrolli magħmula skond paragrafi 5 u 6 għandhom ikunu mmniżżla f’rapport li jipprospetta:

- id-data tal-kontroll,

- it-tul ta’ żmien,

- l-operazzjonijiet magħmula.

Ir-rapport għandu jkun iffirmat mill-uffiċjal responsabbli u kontroffirmat mill-kuntrattur jew, fejn rilevanti, mill-operatur tal-maħżen.

8. F’każ ta’ irregolaritajiet li jeffettwaw ta’ l-anqas 5 % tal-kwantitajiet ta’ prodotti kkontrollati l-kontroll għandu jsir fuq kampjun akbar skond kif tiddeċidi l-aġenzija responsabbli.

Il-Portugall għandu javża b’każijiet bħal dawn lill-Kummissjoni fi żmien erba’ ġimgħat.

9. Il-Portugall jista’ jiddisponi li l-ispejjeż tal-kontrolli jitħallsu parzjalment jew għal kollox mill-kuntrattur.

Artikolu 7

Il-Portugall għandu javża lil-Kummissjoni kull nhar ta’ Tlieta jew qabel ta’ kull ġimgħa dwar:

(a) il-kwantitajiet ta’ ġobon li dwarhom ikunu saru kuntratti ta’ ħażna matul il-ġimgħa ta’ qabel;

(b) kull kwantità li dwarha ngħatat awtorizzazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(d).

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jibda jseħħ mat-tielet jum wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika għall-ġobon maħżun mill-1 ta’ Lulju1992.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-30 ta’ Lulju 1992.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 173, tas-27.6.1992, p. 1.

[2] ĠU L 124, tat-8.6.1971, p. 1.

--------------------------------------------------