31992R2077



Official Journal L 215 , 30/07/1992 P. 0080 - 0084
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0224
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0224


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2077/92

tat-30 ta’ Ġunju 1992

rigward l-organizzazzjonijiet bejn il-fergħat u l-ftehim fil-qasam tat-tabakk

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 mehmuża;

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3],

Billi l-prospetti fi żmien mezzan u fit-tul għall-Komunità u għas-swieq dinjija ta’ l-agrikoltura għandhom bżonn li ċerti strumenti tal-politika agrikola komuni jkunu reveduti sabiex jerga’ jkun stabbilit il-bilanċ fis-suq; billi dak l-aġġustament, immirat primarjament lejn aktar flessibbiltà fl-istrumenti li jappoġġjaw is-suq, jeħtieġu li l-operaturi kkkonċernati jbiddlu l-imġiba ekonomika tagħhom biex jagħtu kas aktar tal-qagħda vera tas-suq;

Billi l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat imwaqqfa minn individwi jew gruppi, u li jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tal-kategoriji differenti involuti fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-bejgħ fil-qasam tat-tabakk x’aktarx jikkontribwixxu biex tkun meqjusa aħjar il-qagħda tas-suq u biex ikunu mħajra tibdiliet fl-imġiba ekonomika maħsuba biex ittejjeb l-għerf u l-organizzazzjoni tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ; billi xi wħud mill-attivitajiet tagħhom jistgħu jgħinu biex jitjieb il-bilanċ fis-suq u b’hekk jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 39 tat-Trattat; billi l-miżuri li jistgħu jkunu ta’ kontribut mill-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat għandhom ikunu mfissra;

Billi minħabba dan ta’ hawn fuq, jidher xieraq li jingħata għarfien speċifiku lill-korpi li juru li kienu rappreżentattivi fuq livell reġjonali, inter-reġjonali jew fuq livell ta’ Komunità u li ħadu azzjoni pożittiva biex jilħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq; billi dak l-għarfien għandu jingħata mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni dejjem skond l-iskop ta’ l-attivitajiet ta’ l-assoċjazzjoni tal-kummerċ;

Billi biex ikunu appoġġjati ċerti attivitajiet ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat li huma ta’ interess partikolari minħabba r-regoli preżenti li jolqtu l-organizzazzjoni tas-suq fil-qasam tat-tabakk, għandhom isiru dispożizzjonijiet biex ir-regoli adottati mill-organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat għall-membri tagħha tista’ tkun estiża, skond ċerti kondizzjonijiet, għall-produtturi kollha li mhumiex membri u gruppi f’reġjun wieħed jew aktar; billi dawk li mhumiex membri għandhom wkoll ikunu mġagħla jħallsu l-abbonamenti kollha jew parti minnhom maħsuba biex ikopru l-ispejjeż mhux amministrattivi minfuqa għal dawk l-attivitajiet; billi din il-proċedura għandha tkun imħaddma b’tali mod li tiggarantixxi d-drittijiet tal-gruppi soċjo-ekonomiċi kkonċernati, speċjalment id-drittijiet tal-konsumatur;

Billi attivitajiet oħra ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat magħrufa jistgħu jkunu ta’ interess ġenerali ekonomiku jew tekniku għall-qasam tat-tabakk u għalhekk ikunu ta’ benefiċċju għan-nies kollha attivi fil-fergħat imsemmija, sew jekk huma membri ta’ l-organizzazzjoni u sew jekk mhumiex; billi f’dawk il-każijiet jidher li hu raġonevoli li dawk li mhumiex membri jintalbu jħallsu l-abbonamenti maħsuba biex ikopru l-ispejjeż, barra dawk l-ispejjeż amministrattivi, li jġib miegħu t-twettiq ta’ l-attivitajiet imsemmija;

Billi, sabiex ikun żgurat it-tħaddim tajjeb ta’ l-iskema, għandu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li għandha jkollha wkoll is-setgħat li tagħmel superviżjoni, speċjalment fejn jidħol l-għarfien ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat li jaħdmu fuq livell reġjonali jew inter-reġjonali u l-ftehim u l-ħidmiet għalenija adottati minn dawk l-organizzazzjonijiet;

Billi għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-pubblikazzjoni, fil-bidu ta’ kull sena, tal-lista ta’ l-organizzazzjonijiet magħrufa matul is-sena ta’ qabel, lista ta’ l-organizzazzjonijiet li l-għarfien tagħhom ġie rtirat matul l-istess perjodu u r-regoli li ġew estiżi b’ indikazzjoni ta’ l-iskop tagħhom għall-informazzjoni ta’ l-Istati Membri u partijiet oħra interessati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għarfien u l-attività ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat li jaħdmu fis-settur kopert bl-organizzazzjoni tas-suq għat-tabakk.

Artikolu 2

Organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat li:

1. għandhom rappreżentanti ta’ l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni ta’, l-ipproċessar u l-kummerċ tat-tabakk;

2. twaqqfu fuq inizjattiva tal-kostitwenti ta’ l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom;

3. qegħdin jagħmlu għadd minn dawn l-attivitajiet li ġejjin fuq livell reġjonali, f’numru ta’ reġjuni tal-Komunità jew fil-Komunità kollha; billi jqisu fejn jixraq l-interessi tal-konsumatur:

(a) jikkontribwixxu għal aktar koordinazzjoni tat-tqegħid fis-suq tat-tabakk bil-werqa jew ippakkjat;

(b) jippreparaw kuntratti standard li huma kompatibbli mar-regoli tal-Komunità;

(ċ) itejbu l-intelliġenza fis-suq u t-trasparenza;

(d) iżidu l-valur miżjud, speċjalment permezz ta’ bejgħ u riċerka f’użi ġodda li ma jheddux saħħet il-bniedem;

(e) jimmiraw is-settur lejn prodotti li jolqtu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq u saħħet il-bniedem;

(f) jagħmlu riċerka dwar metodi li jgħinu biex jintużaw inqas prodotti mill-pjanti tajbin għas-saħħa u li huma garanzija ta’ prodott ta’ kwalità u li jħarsu l-ħamrija;

(g) jiżviluppaw metodi u strumenti biex itejbu l-kwalità tal-prodott fl-istadji tal-produzzjoni u l-ipproċessar;

(h) l-użu ta’ żerriegħa ċċertifikata u s-sorveljanza tal-kwalità tal-prodott;

għandhom ikunu magħrufa taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 3

1. Meta ssir l-applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat imwaqqfa fit-territorju tagħhom li:

(a) jagħmlu l-attivitajiet tagħhom fuq livell reġjonali jew inter-reġjonali fi ħdan it-territorju;

(b) ikopru parti sostanzjali mill-produzzjoni u/jew il-kummerċ marbut ma’ l-isfera ta’ l-azzjoni u l-fergħat rappreżentati; fejn l-organizzazzjoni ta’ bejn il-friegħi hija inter-reġjonali fl-iskop, hi għandha tagħti xhieda ta’ xi ftit rappreżentanza, fil-każ tal-fergħat miġbura fi gruppi, f’kull reġjun kopert;

(ċ) jagħmlu numru ta’ attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3);

(d) ma jħallux lilhom infushom jidħlu fil-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-bejgħ tal-prodotti koperti bl-organizzazzjoni tas-suq imsemmija fl-Artikolu 1.

2. Qabel ma jingħata l-għarfien, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat li applikaw għall-għarfien u għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa fuq l-oqsma ta’ l-attività ekonomika li huma jħaddnu, ir-rappreżentanza tagħhom, l-attivitajiet li jidħlu għalihom u xi informazzjoni oħra meħtieġa biex tkun meqjusa l-applikazzjoni.

Il-Kummissjoni tista’ topponi l-għarfien fi żmien 60 jum min-notifika mill-Istat Membru.

3. L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-għarfien:

(a) jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jonqsu milli jintlaħqu;

(b) jekk l-organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat tikser waħda jew aktar mill-projbizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 7(3), mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet kriminali li jistgħu jinġabu taħt il-liġi nazzjonali;

(ċ) jekk l-organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat tonqos mill-obbligu tagħha biex tagħmel in-notifika meħtieġa taħt l-Artikolu 7(2).

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni immedjatament bid-deċiżjonijiet biex jirtiraw l-għarfien.

Artikolu 4

1. Ma’ l-applikazzjoni l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat li:

(a) jagħmlu l-attivitajiet tagħhom fit-territorji kollha jew f’parti mit-territorji ta’ ħafna Stati Membri, jew fil-Komunità kollha;

(b) (b)twaqqfu taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru jew liġi tal-Komunità;

(ċ) jissodisfaw il-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(1)(b), (ċ) u (d).

2. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf l-applikazzjonijiet għall-għarfien lill-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom hi mwaqqfa l-organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat u li fih tagħmel l-attivitajiet tagħha. Wara dik in-notifika, l-Istati Membri kkonċernati se jkollhom xahrejn biex fihom jagħmlu l-kummenti tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-għarfien fi żmien tliet xhur minn mindu tirċievi l-applikazzjoni u l-informazzjoni kollha meħtieġa.

3. Il-Kummissjoni għandha tirtira l-għarfien ta’ l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 3(3).

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-serje "Ċ" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej l-ismijiet ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat magħrufa, flimkien ma’ l-istqarrija tas-settur ekonomiku jew iż-żona li fiha joperaw u l-attivitajiet li jagħmlu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2. L-irtirar ta’ l-għarfien għandu jkun ippubblikat ukoll.

Artikolu 6

L-għarfien ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat għandu jimplika l-awtorizzazzjoni biex huma jkunu jistgħu jagħmlu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3) skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 7

1. Minkejja l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 26 [4], l-Artikolu 85(1) tat-Trattat m’għandux jgħodd għall-ftehim u l-ħidmiet għalenija ta’ l-organizzazzjonijiet magħrufa ta’ bejn il-fergħat maħsuba biex iħaddmu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(3).

2. Il-Paragrafu 1 se jgħodd biss jekk:

- il-ftehim u l-ħidmiet għalenija ġew mgħarrfa lill-Kummissjoni, u li

- fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi d-dettalji kollha meħtieġa l-Kummissjoni ma tkunx sabet li l-ftehim jew il-ħidmiet għalenija huma inkompatibbli mar-regoli tal-Komunità.

Il-ftehim u l-ħidmiet għalenija m’għandhomx ikunu mħaddma sakemm ma jkunx skada dan il-perjodu.

3. Ftehim u ħidmiet għalenija li:

- jistgħu jwasslu għall-qsim fis-swieq fi kwalunkwe forma fil-Komunità,

- jistgħu jaffettwaw il-ħidma siewja ta’ l-organizzazzjoni tas-suq,

- jistgħu joħolqu tagħwiġ fil-kompetizzjoni li mhuwiex essenzali biex jintlaħqu l-għanjiet tal-politika komuni agrikola segwita mill-miżura ta’ l-organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat,

- jistgħu jirrikjedu l-iffissar ta’ prezzijiet jew kwoti, mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda mill-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat fit-tħaddin ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tar-regoli tal-Komunità,

- jistgħu joħolqu diskriminazzjoni jew jeliminaw il-kompetizzjoni minħabba proporzjon sostanzjali tal-prodotti msemmija,

għandhom fi kwalunkwe każ ikunu iddikjarati kontra r-regoli tal-Komunità.

4. Jekk, wara li jiskadi l-perjodu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni inċiż tal-Paragrafu 2, il-Kummissjoni tara li l-kondizzjonijiet li jgħoddu għal dan ir-Regolament ma ntlaħqux, hi għandha tieħu deċiżjoni biex tiddikjara li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat jgħodd għall-ftehim jew il-ħidmiet għalenija msemmija.

Dik id-deċiżjoni m’għandhiex tidħol fis-seħħ qabel id-data tan-notifika lill-organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat ikkonċernata, kemm-il darba dik l-organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat tat informazzjoni mhux korretta jew abbużat mill-eżenzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.

Artikolu 8

1. L-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat jistgħu jitolbu li xi wħud mill-ftehim tagħhom jew ħidmiet għalenija jkunu jorbtu għal perjodu limitat lill-individwi u gruppi fis-settur ekonomiku kkonċernat li mhumiex membri tal-friegħi tal-kummerċ li jirrappreżentaw, fiż-żoni li fihom joperaw il-friegħi.

Sabiex ir-regoli tagħhom ikunu estiżi, l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat iridu jirrappreżentaw ta’ l-inqas żewġ terzi tal-produzzjoni u/jew il-kummerċ ikkonċernat. Fejn l-estensjoni proposta tar-regoli hija fiha skop inter-reġjonali, l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat iridu juru li għandhom ta’ l-inqas ammont żgħir ta’ rappreżentanza, fil-każ ta’ kull fergħa miġbura fi grupp, f’kull reġjun kopert.

2. Ir-regoli, li l-estensjoni ta’ l-iskop tagħhom hu mitlub, għandu jkun ilhom fis-seħħ ta’ l-inqas sena u għandhom ikunu marbuta ma’ wieħed mill-għanjiet li ġejjin:

(a) (a)għarfien tal-produzzjoni u tas-suq;

(b) tifsira ta’ l-ammonti minimi;

(ċ) użu tal-metodi ta’ kultivazzjoni kompatibbli mal-ħarsien ta’ l-ambjent;

(d) tifsira ta’ l-istandards minimi ta’ imballeġġjar u preżentazzjoni;

(e) użu ta’ żerriegħa ċċertifikata u sorveljanza tal-kwalità tal-prodott.

3. L-estensjoni tar-regoli għandha tiddependi mill-approvazzjoni mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.

Artikolu 9

1. Fil-każ tar-regoli stabbiliti mill-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat magħrufa mill-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw għall-informazzjoni tal-gruppi soċjo-ekonomiċi kkonċernati l-ftehim jew il-ħidmiet għalenija li beħsiebhom jestendu lill-operaturi individwali li mhumiex membri jew gruppi f’reġjun partikolari jew grupp ta’ reġjuni.

Dawk ikkonċernati għandu jkollhom xahrejn biex fihom jagħmlu l-kummenti tagħhom.

2. Fl-aħħar ta’ dan il-perjodu u qabel ma jieħdu deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar ir-regoli li beħsiebhom jagħmluhom jorbtu u għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha xierqa. In-notifika għandu jkun fiha l-kummenti kollha li ġew irċevuti wara l-pubblikazzjoni skond il-paragrafu 1 u valutazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal estensjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-serje "Ċ" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ir-regoli li għalihom hi mitluba l-estensjoni mill-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-gruppi li hi qieset taħt l-Artikolu 4. Wara l-pubblikazzjoni, l-Istati Membri u l-gruppi soċjo-ekonomiċi kkonċernati għandu jkollhom xahrejn sabiex jagħmlu l-kummenti tagħhom.

4. Jekk ir-regoli li għalihom hi mitluba l-estensjoni huma ‘regoli tekniċi’ skond it-tifsira tad-Direttiva 83/189/KEE [5], huma għandhom ikunu mgħarrfa lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva fl-istess ħin tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, fejn il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ fehma raġonata skond l-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva huma milħuqa, il-Kummissjoni għandha tonqos milli tapprova r-regoli li tagħhom intalbet estensjoni.

5. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien tliet xhur min-notifika mill-Istat Membru skond il-paragrafu 2 u, fejn jgħodd paragrafu 3, fi żmien ħames xhur mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-applikazzjoni għall-estensjoni tar-regoli.

Il-Kummissjoni għandha fi kwalunkwe każ tieħu deċiżjoni negattiva jekk issib li l-estensjoni:

- iżżomm lura l-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tas-suq komuni,

- tirrestrinġi l-kummerċ ħieles, jew

- tfixkel l-għanjiet tal-politika agrikola komuni jew dawk ta’ xi regoli oħra tal-Komunità.

6. Ir-regoli, li l-applikazzjoni tagħhom ġiet estiża, għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

7. Meta, skond dan l-Artikolu, ir-regoli jorbtu fuq dawk li mhumiex membri f’organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat, l-Istat Membru jew il-Kummissjoni, kif jixraq, jistgħu jiddeċidu li individwi jew gruppi li mhumiex membri għandhom jħallsu lill-organizzazzjoni l-abbonamenti kollha jew parti mill-abbonamenti mħallsa mill-membri, sal-punt li dawk l-abbonamenti ma jintużawx biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi biex jitħaddnu r-regoli jew il-ħidmiet għalenija.

Artikolu 10

1. Meta waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ssir minn organizzazzjoni magħrufa ta’ bejn il-fergħat u hi fl-interess ekonomiku ġenerali ta’ dawk in-nies li l-attivitajiet tagħhom huma marbuta ma’ waħda jew aktar mill-prodotti, l-Istat Membru li ta l-għarfien, jew il-Kummissjoni, fejn l-għarfien ingħata taħt l-Artikolu 4, jista’ jiddeċidi li individwi jew gruppi li mhumiex membri ta’ l-assoċjazzjoni iżda li jibbenefikaw minn dawk l-attivitajiet għandhom iħallsu lill-organizzazzjoni l-abbonamenti kollha jew parti mill-abbonamenti mħallsa mill-membri tagħha sal-punt li dawk l-abbonamenti huma maħsuba biex ikopru l-ispejjeż, barra l-ispejjeż amministrattivi ta’ kwalunkwe tip, minfuqa direttament minħabba li għamlu l-attivitajiet imsemmija.

2. L-attivitajiet imsemmija f’dan l-Artikolu se jkunu marbuta ma’ wieħed jew aktar minn dawn l-għanjiet:

- riċerka biex jiżdied il-valur lill-prodotti, b’mod speċjali permezz ta’ użi ġodda li ma jheddux is-saħħa pubblika,

- studji biex itejbu l-kwalità tat-tabakk bil-weraq jew ippakkjat,

- riċerka fil-metodi ta’ kultivazzjoni li jippermettu użu inqas ta’ prodotti tas-saħħa mill-weraq u li jiggarantixxu l-konservazzjoni tal-ħamrija u l-ambjent.

3. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet li beħsiebhom jieħdu skond paragrafu 1. Dawk id-deċiżjonijiet ma jistgħux jidħlu fis-seħħ qabel ma jkunu għaddew tliet xhur mid-data tan-notifika lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ f’dan iż-żmien stipulat titlob biex tkun miċħuda parti jew l-abbozz kollu tad-deċiżjoni jekk l-interess ġenerali li tpoġġa fuq quddiem jidher li mhux sod biżżejjed.

4. Fejn l-attivitajiet ta’ l-organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat meqjusa mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4 huma fl-interess ġenerali, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati bid-deċiżjoni tagħha ta’ abbozz, li se jkollhom żmien xahrejn biex jagħmlu l-kummenti tagħhom.

Artikolu 11

Kwalunkwe miżura mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni li timponi abbonament fuq individwi jew gruppi li mhumiex membri ta’ organizzazzjoni ta’ bejn il-fergħat għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Il-miżura ma tistax tidħol fis-seħħ qabel ma jgħaddu xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni.

Artikolu 12

Regoli dettaljati għat-tħaddin ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 [6].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Ġunju 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Arlindo Marques Cunha

[1] ĠU C 295, ta’ l-14.11.1991, p. 5.

[2] ĠU C 94, tat-13.4.1992.

[3] ĠU C 98, tal-21.4.1992, p. 31.

[4] Regolament tal-Kunsill Nru 26 li jħaddan ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’ u l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU C 30, ta’ l-20.4.1962, p. 993/62). Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 49 (ĠU C 53, ta’ l-1.7.1962, p. 1571/62).

[5] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 90/230/KEE (ĠU L 128, tat-18.5.1990, p. 15).

[6] Ara paġna 70 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------