31992R1980

Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1980/92 tas-16 ta’ Lulju 1992 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1538/91 li jintroduċi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1906/90 dwar ċertu standards għall-marketing tal-laħam tat-tjur

Official Journal L 198 , 17/07/1992 P. 0031 - 0033
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0100
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0100
CS.ES Chapter 03 Volume 12 P. 358 - 360
ET.ES Chapter 03 Volume 12 P. 358 - 360
HU.ES Chapter 03 Volume 12 P. 358 - 360
LT.ES Chapter 03 Volume 12 P. 358 - 360
LV.ES Chapter 03 Volume 12 P. 358 - 360
MT.ES Chapter 03 Volume 12 P. 358 - 360
PL.ES Chapter 03 Volume 12 P. 358 - 360
SK.ES Chapter 03 Volume 12 P. 358 - 360
SL.ES Chapter 03 Volume 12 P. 358 - 360


Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1980/92

tas-16 ta’ Lulju 1992

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1538/91 li jintroduċi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1906/90 dwar ċertu standards għall-marketing tal-laħam tat-tjur

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea;

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1906/90 tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar ċerti standards għat-tpoġġija fis-suq tal-laħam tat-tjur [1], u b’mod partikolari Artikoli 3(3) u 9 tiegħu,

Billi Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1538/91 [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 315/92 [3], jistabbilixxi regoli dettaljati għall-klassifikazzjoni mhux obbligatorja tal-laħam tat-tjur iffriżat u ffriżat malajr skond kategoriji ta’ piż;

Billi dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu mmodifikati ħalli jagħtu kas tal-prattiċi tal-kummerċ kurrenti dwar il-bejgħ ta’ karkassi itqal f’ċerti Stati Membri u sabiex iħallu li titkompla l-indikazzjoni tal-piż f’unitajiet imperjali sal-31 ta’ Diċembru 1994 għal prodotti mpoġġija fis-suq fir-Renju Unit;

Billi l-miżuri li għalihom hemm provdut f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’Ġestjoni għal-Laħam tat-Tjur u l-Bajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1538/91 huwa b’dan il-mezz mibdul b’dan li ġej:

"Artikolu 8

1. Laħam tat-tjur li huwa ppakkjat minn qabel u ffriżat jew iffriżat malajr jista’ jiġi kklassifikat skond il-kategorija tal-piż bi qbil ma’ Artikolu 3(3) tar-Regolament (KEE) Nru 1906/90 f’pakketti lesti skond it-tifsira ta’ Artikolu 2 tad-Direttiva 76/211/KEE.

Dawn il-pakketti lesti jistgħu jkunu:

- pakketti lesti li jesgħu karkassa ta’ tajra, jew

- pakketti lesti li jesgħu qatgħa waħda jew ħafna qatgħat ta’ tjur ta’ l-istess tip u speċi, kif imfisser f’Artikolu 1.

2. Il- pakketti kollha lesti minn qabel għandhom skond il-paragrafi 3 u 4 ikollhom fuqhom indikazzjoni tal-piż tal-prodott magħruf bħala "piż nominali" li huma meħtieġa li jkollhom.

3. Pakketti lesti minn qabel ta’ tjur iffriżat jew iffriżat malajr jistgħu jkunu kklassifikati skond il-kategoriji ta’ piż nominali kif ġej:

- karkassi:

- < 1100g: gruppi ta’ 50 g (1050 1000950 eċċ.),

- 1100 — < 2400 g: gruppi ta’ 100 g (1100 — 1200 — 1300 eċċ.),

- ≥ 2400 g: gruppi ta’ 200 g (2400 — 2600 — 2800 eċċ.),

- biċċiet:

- < 1100g: gruppi ta’ 50 g (1050 — 1000 — 950 eċċ.),

- ≥ 1100g: gruppi ta’ 100 g (1100 — 1200 — 1300 eċċ.),

4. Pakketti lesti minn qabel imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu magħmulin b’tali mod li jissodisfaw il-ħtiġiet li ġejjin:

- il-kontenut proprju ma għandux ikun inqas minn, skond il-medja, l-piż nominali,

- il-proporzjon tal-pakketti ppakkjati minn qabel li jkollhom żball negattiv akbar mill-iżball negattiv aċċettat u stabbilit fil-paragrafu 9 għandu jkun żgħir biżżejjed li lottijiet ta’ pakketti ippakkjati minn qabel jissodisfaw il-ħtiġiet tat-testijiet imsemmija fil-paragrafu 10,

- l-ebda pakkett ippakkjat minn qabel li jkollu żball negattiv ikbar mid-doppju ta’ l-iżball negattiv aċċettat imsemmi fil-paragrafu 9 ma għandu jitpoġġa fis-suq.

It-tifsir ta’ piż nominali, kontenut proprju u żball negattiv stabbilit f’Anness I għad-Direttiva 76/211/KEE għandu jgħodd għal dan ir-Regolament.

5. Rigward ir-responsabiltà ta’ min jippakkja jew jimporta laħam tat-tjur iffriżat jew iffriżat malajr u l-kontrolli li għandhom isiru mill-awtorijajiet kompetenti, punti 4, 5 u 6 ta’ Anness I għad-Direttiva 76/2111/KEE japplikaw mutatis mutandis.

6. Il-kontrolli tal-pakketti ppakkjati minn qabel għandhom isiru permezz ta’ teħid ta’ kampjuni u għandhom jinqasmu f’żewġ partijiet:

- kontroll li jkopri l-kontenut proprju ta’ kull pakkett ippakkjat minn qabel fil-kampjun,

- kontroll tal-medja tal-kontenut proprju tal-pakketti ppakkjati minn qabel fil-kampjun,

Lott ta’ pakketti ppakkjati minn qabel għandu jiġi kkunsidratat aċċettabli jekk ir-riżultati taż-żewġ kontrolli jissodisfaw il-kriterji ta’ aċċettazzjoni msemmija fil-paragrafi 10 u 11.

7. Lott għandu jkun magħmul mill-pakketti ppakkjati minn qabel ta’ l-istess piż nominali, kollha tal-istess tip u ta’ l-istess produzzjoni, ippakkjati fl-istess post, li jrid jiġi spezzjonat.

Id-daqs tal-lott għandu jkun limitat għall-kwantitajiet imsemmija hawn taħt:

- meta l-pakketti ppakkjati minn qabel jiġu kkontrollati fl-aħħar ta’ l-ippakkjar, in-numru f’kull lott għandu jkun ugwali għall-produzzjoni massima kull siegħa tal-linja tal-ippakkjar, mingħajr ebda restrizzjoni fuq id-daqs tal-lott,

- f’każijiet oħra d-daqs tal-lott għandu jkun limitat għal 10000.

8. Għandu jittieħed kampjun b’mod każwali li jkun fih dawn in-numri ta’ pakketti ppakkjati minn qabel minn kull lott li jrid jiġi spezzjonat:

Daqs tal-lott | Daqs tal-kampjun |

100 to 500 | 30 |

501 to 3200 | 50 |

> 3200 | 80 |

Għal kunsinni iżgħar minn 100 pakkett ippakkjat minn qabel, it-test mhux distruttiv, kif imfisser f’Anness II tad-Direttiva 76/211/KEE, fejn użat, għandu jkun 100 %.

9. Fil-każ tal-laħam tat-tjur li huwa ppakkjat minn qabel huma permessi dawn l-iżbalji negattivi:

Piż nominali, g | Żball negattiv aċċettat, g |

Karkassi | qatgħat |

< inqas minn 1000 | 25 | 25 |

1100 < 2400 | 50 | 50 |

2400 u iżjed | 100 |

10. Għall-kontrolli tal-kontenut proprju ta’ kull pakkett ippakkjat minn qabel fil-kampjun, l-inqas kontenut aċċettat għandu jkun ikkalkulat billi jitnaqqas l-iżball negattiv aċċettat għall-kontenut konċernat mill-piż nominali tal-pakkett ippakkjat minn qabel.

Dawk il-pakketti ppakkjati minn qabel fil-kampjun li l-kontenut proprju tagħhom huwa inqas mill-kontenut minimu aċċettat għandhom jiġu meqjusa difettużi.

Il-lott ta’ pakketti ppakkjati minn qabel, ikkontrollat għandu jitqies aċċettabbli jew inkella jiġi rifjutat, jekk in-numru ta’ unitajiet difettużi misjuba fil-kampjun huwa inqas minn jew daqs il-kriterju ta’ aċċettazzjoni jew ugwali jew ikbar mill-kriterju għar-rifjut li jidher hawn taħt:

Numru fil-kampjun | Numru ta’ unitajiet difettużi |

Kriterju ta’ aċċettazzjoni | Kriterju għal rifjut |

30 | 2 | 3 |

50 | 3 | 4 |

80 | 5 | 6 |

11. Għall-kontroll tal-medja tal-kontenut proprju, lott ta’ pakketti ppakjati minn qabel għandu jiġi meqjus aċċettabbli, jekk il-medja tal-kontenut proprju li jifforma l-kampjun huwa ikbar mill-kriterju ta’ aċċettazzjoni msemmi hawn taħt:

Daqs tal-kampjun | Il-kriterju għall-aċċetazzjoni tal-kontenut proprju |

30 | x- ≥ Qn — 0,503 s |

50 | x- ≥ Qn — 0,379 s |

80 | x- ≥ Qn — 0,295 s |

x

- = il-medja tal-kontenut proprju tal-pakketti ippakkjati minn qabel,

Qn = il-kwantità nominali tal-pakkett ippakkjat minn qabel,

s = id-devjazzjoni standard tal-kontenut proprju tal-pakketti ppakkjati minn qabel fil-lott.

Id-devjazzjoni standard għandha tinħadem skond punti 2.3.2.2 ta’ Anness II tad-Direttiva 76/211/KEE.

12. Sakemm id-Direttiva 80/181/KEE tawtorizza l-użu ta’ indikaturi supplimentarji, l-indikazzjoni tal-piż nominali tal-pakketti ppakjati minn qabel għal liema japplika dan l-Artikolu tista’ tiġi akkompanjata minn indikaturi supplimentari.

13. Bħala alternattiva għall-użu tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 12, l-operaturi jistgħu jpoġġu fis-suq fir-Renju Unit sal-31 ta’ Diċembru 1994 pakketti ppakkjati minn qabel imsemmija f’dan l-Artikolu li jkunu mmarkati skond il-liġi nazzjonali bil-piż nominali imfisser f’unitajiet imperjali.

Fil-każ tal-laħam tat-tjur li jidħol fir-Renju Unit mill-Istati Membri l-oħra u li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti, għandhom isiru kontrolli b’mod każwali u ma għandhomx isiru fuq il-fruntiera."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awissu 1992.

Iżda, sal-31 ta’ Diċembru 1992 l-operaturi jistgħu jikklassifikaw il-pakketti tal-laħam tat-tjur ffriżati minn qabel jew iffriżati malajr skond il-kategoriji ta’ piż bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli qabel ma daħal fis-seħħ dan ir-Regolament. Dawn il-prodotti jistgħu mbagħad jinbiegħu sal-31 ta’ Diċembru 1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta’ Lulju 1992.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 173, tas-6.7.1990, p. 1.

[2] ĠU L 143, tas-7.6.1991, p. 11.

[3] ĠU L 34, 11. 1992, p. 23.

--------------------------------------------------