31992R0436



Official Journal L 054 , 28/02/1992 P. 0001 - 0020
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 4 P. 0057
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 4 P. 0057


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 436/92

ta' l-10 ta' Frar 1992

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1956/88 li jadotta dispożizzjonijiet sabiex tiġi applikata l-iskema ta' spezzjoni konġunta internazzjonali adottata mill-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Majjistral ta' l-Atlantiku

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 tal-25 ta' Jannar 1983 li jistabbilixxi sistema Komunitarja għall-konservazzjoni u l-immaniġġar tar-riżorsi tas-sajd [1], u partikolarment l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi r-Regolament (KEE) Nru 1956/88 [2] jimplimenta l-iskema ta' spezzjoni konġunta internazzjonali adottata mill-Kummissjoni tas-Sajd ta' l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Majjistral ta' l-Atlantiku (NAFO) fl-10 ta' Frar 1988;

Billi fit-13 ta' Settembru 1991 il-Kummissjoni tas-Sajd tan-NAFO adottat proposta għal skema modifikata, li minn issa 'l quddiem tkun imsejħa "skema ta' spezzjoni u sorveljanza konġunta internazzjonali"; billi skond l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni tan-NAFO, il-proposta, fin-nuqqas ta' oġġezzjonijiet, trid issir miżura li torbot lill-Partijiet Kontraenti b'effett mis-6 ta' Jannar 1992; billi l-iskema modifikata hija aċċettabbli għall-Komunità;

Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet sabiex jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-iskema modifikata,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1956/88 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 1

L-iskema ta' spezzjoni u sorveljanza konġunti internazzjonali, adottati mill-Kummissjoni tas-Sajd tan-NAFO fit-13 ta' Settembru 1991, minn issa 'l quddiem riferuta bħala "l-iskema";, għandha tapplika fil-Komunità.

It-test ta' l-iskema huwa mehmuż ma' dan ir-Regolament.";

2. L-Artikolu 2.1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tassenja spetturi Komunitarji għall-iskema. L-ispetturi jistgħu jiġu maħtura mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru. Spettur Komunitarju jista' jitqiegħed abbord kull dgħajsa jew ajruplan ta' Stat Membru mqabbda biex jaħdmu jew li se jkunu mqabbda biex jaħdmu fid-dmirijiet ta' spezzjoni u s-sorveljanza fiż-żona regolatorja tan-NAFO.";

3. L-iskem'għandha tinbidel b'dik imdaħħla fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-10 ta' Frar 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Jorge Braga De Macedo

[1] ĠU L 24, tas-27.1.1983, p. 1.

[2] ĠU L 175, tas-6.7.1988, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

SKEMA TA' SPEZZJONI U SORVELJANZA KONĠUNTI INTERNAZZJONALI

1. (i) Il-kontroll u s-sorveljanza għandhom jitwettqu minn spetturi fis-servizzi tal-kontroll tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti wara l-assenjazzjoni tagħhom ma' l-iskema ta' spezzjoni u sorveljanza konġunti internazzjonali, minn issa 'l-quddiem riferuta bħala "l-iskema".

(ii) L-awtoritajiet xierqa tal-Partijiet Kontraenti għandhom jgħarrfu lis-Segretarju Eżekuttiv sa l-1 ta' Novembru ta' kull sena bl-ismijiet ta' l-ispetturi u d-dgħajjes speċjali ta' spezzjoni (liema terminu jinkludi dgħajjes tas-sajd li jġorru lill-ispetturi) u bit-tip u s-sinjal tas-sejħa ta' l-elikotteri jew ajruplani oħra li huma jassenjaw għall-iskema bi qbil mal-paragrafu 13 ta' l-iskema.

Kull modifika mill-Partijiet Kontraenti ta' dawn in-notifiki għandha tiġi mgħarrfa lis-Segretarju Eżekuttiv b'avviż fi żmien xahrejn kull fejn hu possibbli.

(iii) Wara n-notifika lis-Segretarju Eżekuttiv, u fil-każ ta' qbil bejn xulxin tal-Partijiet Kontraenti rispettivi, l-ispetturi assenjati minn Parti waħda jistgħu jitqiegħdu abbord id-dgħajjes jew l-ajruplani speċjali ta' spezzjoni ta' Parti oħra assenjati mal-iskema.

(iv) Malli jirċievi n-notifika ta' l-assenjazzjoni ma' l-iskema mill-Partijiet Kontraenti, is-Segretarju Eżekuttiv għandu joħroġ dokument ta' identità, kif muri fl-Anness 1, lill-awtorità rispettiva għal kull spettur ta' dik il-Parti. Dan id-dokument għandu jkollu numru. Kull spettur għandu jġorr u juri dan id-dokument ta' identità malli jitla' abbord id-dgħajsa.

(v) Dgħajjes u ajruplani speċjali ta' spezzjoni għandhom jgħarrfu fil-pront lis-Segretarju Eżekuttiv bir-radju/telex, fax jew mezz ieħor ta' komunikazzjoni bid-data u l-ħin tal-bidu tad-dmirijiet tagħhom skond l-iskema. L-ispetturi kollha abbord għandhom jitqiesu bħala spetturi tan-NAFO.

(vi) Bejn il-ħinijiet tal-bidu u tat-tmiem tad-dmirijiet tagħhom skond l-iskema, l-ispetturi u d-dgħajjes u l-ajruplani speċjali ta' spezzjoni ma jistgħux, dwar dgħajjes u ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni ta' Partijiet Kontraenti oħra, jinfurzaw liġijiet u regolamenti li għandhom x'jaqsmu maż-żona tal-Parti Kontraenti li tkun assenjathom.

(vii) Dgħajjes u ajruplani speċjali ta' spezzjoni għandhom mill-ewwel jgħarrfu lis-Segretarju Eżekuttiv bir-radju/telex bid-data u l-ħin tat-tmiem tad-dmirijiet tagħhom skond l-iskema.

(viii) F'kull każ, il-ħinijiet riferiti fis-subparagrafu (vi) hawn fuq għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tal-ajruplan jew tal-bastiment jew l-ekwivalenti tagħhom. Il-ħinijiet dikjarati f'dan id-dħul, għandhom jikkostitwixxu l-ħinijiet applikabbli għas-subparagrafu (vi) hawn fuq. Fil-każijiet fejn il-komunikazzjoni tan-notifiki mhix possibbli jew prattika, dan id-dħul għandu jikkostitwixxi t-twettiq ta' l-obbligi skond is-sottoparagrafi (v) u (vii).

(ix) Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jiċċirkola s-sustanza tan-notifiki rċevuti minn għand kull Parti Kontraenti għall-għanijiet ta' l-iskema, lill-membri kollha tal-Kummissjoni tas-Sajd, minn issa 'l quddiem imsejħa "l-Kummissjoni", fi żmien 15-il jum minn meta jirċevihom.

2. (i) Fl-ispezzjonijiet tagħha Parti Kontraenti għandha timmira illi tiżgura trattament ugwali bejn il-Partijiet Kontraenti kollha mal-bastimenti li joperaw fiż-żona regolatorja permezz ta' tqassim ġust ta' spezzjonijiet.

(ii) Sabiex tiġi żgurata l-oġġettività fit-twettiq u t-tqassim ta' l-ispezzjonjiet bejn il-Partijiet Kontraenti, in-numru ta' spezzjonijiet imwettqa mid-dgħajjes ta' Parti Kontraenti fuq dgħajjes ta' xi Parti Kontraenti oħra għandu, sa fejn huwa possibbli, jirrifletti l-proporzjon ta' l-attività tas-sajd tal-Parti spezzjonata ma' l-attività totali tas-sajd fiż-żona regolatorja, imkejjel fuq il-bażi, fost ħwejjeġ oħra, tal-livell tal-qabdiet u tal-ġranet li joqogħdu l-art.

3. L-awtoritajiet xierqa tal-Partijiet Kontraenti għandhom jgħarrfu lis-Segretarju Eżekuttiv bl-ismijiet ta' l-awtoritajiet nominati sabiex jirċievu avviżi fil-pront ta' kontravenzjoni skond id-dehra u l-mezzi li bihom ikunu jistgħu jirċievu u jwieġbu għal tagħrif.

Meta, f'kull waqt, iktar minn 15-il dgħajsa ta' xi Parti Kontraenti jkunu fuq xogħol ta' sajd jew fil-proċessar jew fit-trasferiment tal-ħut f'żona regolatorja, din il-Parti Kontraenti għandha, f'kull waqt, ikollha spettur jew awtorità oħra nominata preżenti fiż-żona regolatorja, jew awtorità oħra nominata preżenti f'pajjiż ta' Parti Kontraenti li tmiss maż-żona tal-konvenzjoni, sabiex tirċievi u twieġeb, mingħajr dewmien, meta mid-dehra tinnota kontravenzjoni.

4. (i) Kull dgħajsa jew elikotteru assenjat ma' l-iskema u li jġorr spettur għandu juri s-sinjali li ġejjin sabiex jindikaw illi l-ispettur qiegħed iwettaq spezzjonijiet skond l-iskema:

(a) matul is-sigħat tal-ġurnata, f'kondizzjonijiet ta' viżibilità normali żewġ bnadar trijangolari (pennants) ta' l-ispezzjoni kif murija fl-Anness II, imtajra f'linja wieqfa waħda 'l fuq mill-oħra b'distanza li ma taqbiżx il-metru bejn it-tnejn;

(b) id-dgħajsa li jitilgħu fuqha għandha turi bandiera trijangolari waħda ta' l-ispezzjoni li tkun l-istess bħal dik murija fl-Anness II imma li tista' tkun ta' nofs id-daqs normali.

(ii) L-ajruplan tas-sorveljanza assenjat ma' l-iskem'għandu jkollu s-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju muri ċar.

5. (i) L-ispezzjoni u l-kontroll skond l-iskema japplikaw fiż-żona regolatorja għad-dgħajjes li ġejjin:

(a) dgħajjes tas-sajd li jkunu jew kienu qegħdin jaħdmu f'xogħol ta' sajd fiż-żona regolatorja;

(b) dgħajjes, mgħammra sabiex jipproċessaw il-ħut abbord, illi jkunu jew kienu jaħdmu f'xogħol ta' trasferiment tal-ħut fiż-żona regolatorja; u

(ċ) dgħajjes tal-ġarr li attwalment jaħdmu f'xogħol ta' trasferiment tal-ħut.

(ii) Il-kaptan tad-dgħajsa li għaliha tapplika l-iskem'għandu jgħin biex jitħaffef l-imbark meta jkun mogħti s-sinjal xieraq fil-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali minn bastiment jew elikotteru li jkun qiegħed iġorr spettur. Id-dgħajsa li trid tiġi imbarkat ma jeħtieġx li tieqaf jew timmanuvra waqt li jkun jistad, jixħet jew jerfa' x-xbiek. Il-kaptan għandu madanakollu jipprovdi:

(a) għal dgħajjes ta' tul totali ta' iktar minn 30 metru, sellun għall-imbark mibni u wżat kif deskritt fl-Anness III;

(b) kull għajnuna għall-imbark mill-elikotteri kif speċifikat jew kwalifikat fl-Anness IV.

F'kull każ, il-kaptan għandu josserva l-prattika ordinarja ta' tbaħħir tajjeb sabiex jgħin il-grupp ta' l-ispezzjoni biex jimbarka malajr daqs kemm ikun prattikabbli.

(iii) Il-proċeduri stabbiliti għat-trasferiment ta' persuni bil-parank bl-elikotteru m'għandhomx jgħabbu lill-kaptan tad-dgħajsa tas-sajd bi dmir ta' attenzjoni iktar minn dik meħtieġa bil-liġi internazzjonali.

(iv) Grupp ta' spezzjoni għandu jikkonsisti, f'massimu ta' żewġ spetturi assenjati ma' l-iskema. L-użu ta' l-armi matul spezzjoni huwa projbit u, partikolarment, l-ispetturi m'għandhomx iġorru armi. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' din it-taqsima, il-prinċipju li m'għandhomx jinġarru jew jintużaw armi m'għandux jitqies li jillimita l-qadi tad-dmirijiet ta' l-ispezzjonijiet minn Parti Kontraenti fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha.

(v) Id-dgħajsa li tkun għaddeja b'żewġ xogħlijiet flimkien tat-tkaxkir għandha tkun meħtieġa li tidentifika lilha nnifsha billi jtajjar bandiera trijangolari jew bandiera (komuni) waqt l-avviċinament ta' spettur.

6. (i) L-ispezzjonijiet għandhom isiru b'mod illi d-dgħajsa, l-attivitajiet tagħha u l-qabda (tal-ħut) isofru interferenza u inkonvenjenza mill-inqas. It-tul taż-żmien ta' spezzjoni m'għandux jaqbeż it-tliet sigħat, jew sakemm tittella' x-xibka u jiġu spezzjonati x-xibka u l-qabda, liema minnhom tieħu l-iktar żmien, imma din il-limitazjoni taż-żmien m'għandhiex tapplika fil-każ ta' dehra ta' kontravenzjoni.

Fil-każ ta' differenza bejn il-qabdiet reġistrati u l-estimi ta' l-ispettur dwar il-qabda abbord id-dgħajsa, l-ispettur jista' jerġa' jqis il-kalkoli, il-proċeduri u d-dokumentazzjoni rilevanti sabiex jistabbilixxi t-totali tal-qabdiet miż-żona regolatorja u l-qabda abbord id-dgħajsa; l-ispettur għandu mbagħad jitlaq minn fuq id-dgħajsa fi żmien siegħa wara li l-ispezzjoni oriġinali tkun lesta.

Spettur għandu jillimita l-inkjesti tiegħu għall-aċċertament tal-fatti dwar l-osservanza ta' dawk il-miżuri Komunitarji illi ma tkunx oġġezzjonat għalihom il-Parti Kontraenti tad-dgħajsa spezzjonata, skond l-Artikolu XII tal-Konvenzjoni. L-ispezzjoni għandha titwettaq billi jintuża r-rapport ta' l-ispezzjoni stabbilit fl-Anness V.

F'dak li jirrrigwardja t-Taqsima 15 ta' l-Anness V, minkejja kull oġġezzjoni għall-kwoti magħmula skond l-Artikolu XII tal-Konvenzjoni, l-ispetturi għandhom iniżżlu fil-qosor mir-reġistrazzjonijiet fit-reġistru tad-dgħajsa, tal-vjaġġ kurrenti, il-qabda tad-dgħajsa fiż-żona regolatorja skond l-ispeċi u skond it-taqsima tagħha u għandhom jirreġistraw dan is-sommarju fuq il-formola ta' l-ispezzjoni. Għal dan il-għan, il-vjaġġ kurrenti għandu jiġi definit li jibda meta d-dgħajsa tidħol fiż-żona regolatorja, u jispiċċa meta d-dgħajsa tħalli ż-żona tal-konvenzjoni (li tinkludi l-portijiet mad-dawra taż-żona tal-konvenzjoni) għal perjodu ta' żmien ta' iktar minn 20 jum konsekuttiv. Il-vjaġġ korrenti m'għandux jiġi kunsidrat bħala mitmum sakemm il-bastiment ikollu abbord il-qabda (tal-ħut) miż-żona regolatorja.

Fil-każ ta' diffikultà minħabba l-lingwa, l-ispettur jew il-kaptan għandhom jużaw, fil-lingwa xierqa, il-parti xierqa tal-kwestjonarju li jidher fl-Anness VI.

B'ittra mis-Segretarju Eżekuttiv, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jeżerċitaw l-għażla li jġiegħlu lill-ispetturi jagħmlu sommarju mir-reġistrazzjonijiet fir-reġistru tal-bastiment għal matul il-perjodu taż-żmien tal-kwota, minflok tal-vjaġġ korrenti, tal-qabda (tal-ħut) tad-dgħajjes tagħhom miż-żona regolatorja skond l-ispeċi u skond it-taqsima tagħha u jirreġistraw dan is-sommarju fit-Taqsima 15 tal-formola ta' l-ispezzjoni.

Huwa u jagħmel dan l-eżami, l-ispettur jista' jitlob lill-kaptan kull għajnuna meħtieġa. Il-kaptan għandu jgħin biex iħaffef ix-xogħol ta' l-ispettur. Ir-rapport ta' l-ispezzjoni jista' jiġbed kummenti u għandu jiġi firmat mill-persuni kollha illi teħtieġ il-formola. Għandha tingħata kopja tar-rapport lill-kaptan tal-bastiment.

Il-Parti Kontraenti li tispezzjona dgħajsa għandha tgħarraf bil-miktub id-dettalji ta' kontravvenzjoni fid-deher lill-awtoritajiet nominati mill-Parti Kontraenti tal-bastiment spezzjonat sa l-ewwel jum tax-xogħol ta' wara l-ispezzjoni, kull meta jkun possibbli.

Il-Partijiet Kontraenti li jispezzjonaw bastiment għandhom jipprovdu notifika ta' lista tal-bastimenti spezzjonati fuq il-bażi ta' xahar kalendarju lill-awtoritajiet nominati mill-Partijiet Kontraenti tal-bastimenti spezzjonati, permezz ta' l-uffiċċju tas-Segretarju Eżekuttiv. Fil-każ ta' kontravvenzjoni fid-deher jew ta' differenza bejn il-qabdiet reġistrati u l-istimi ta' l-ispettur tal-qabdiet abbord, kopja tar-rapport ta' l-ispezzjoni bid-dokumentazzjoni ta' appoġġ, flimkien ma' kopji tar-ritratti meħuda, għandhom jiġu trasmessi malajr kemm jista' jkun lill-awtoritajiet responsabbli tal-Partijiet Kontraenti tad-dgħajsa spezzjonata, wara li d-dgħajsa spezzjonata tirritorna fil-port. Fil-każ ta' rapporti oħra ta' spezzjoni, l-oriġinal għandha tintbagħat fi żmien 30 jum kull meta jkun possibbli, lill-awtorità nominata mill-Parti Kontraenti tad-dgħajjes spezzjonati. Kopja ta' kull rapport ta' spezzjoni għandha tintbagħat ukoll lis-Segretarju Eżekuttiv.

(ii) Minkejja kull oġġezzjoni għall-kwoti magħmula skond l-Artikolu XII tal-Konvenzjoni:

(a) l-ispetturi għandu jkollhom l-awtorità li jispezzjonaw u jkejlu t-tagħmir kollu tas-sajd fuq jew ħdejn il-gverta tax-xogħol u li jkun disponsibbli għall-użu u li jispezzjonaw u jirreġistraw l-estimi tal-qabda (tal-ħut) fuq u taħt il-gverta sakemm dawn l-ispezzjonijiet u l-kejl huma meħtieġa sabiex jistabbilixxu jekk il-bastiment hux jikkonforma mal-miżuri tal-Kummissjoni;

(b) it-tagħmir tas-sajd għandu jiġi spezzjonat skond il-miżuri tal-Kummissjoni;

(ċ) dwar il-qabdiet (tal-ħut), jista' jiġi aċċertat qbil bejn id-dħul fir-reġistru tal-bastiment (logbook) għaż-żoni regolatorji u l-estimi tal-qabdiet skond l-ispeċi abbord li għandhom x'jaqsmu ma' dan id-dħul, u għandhom jiġu reġistrati bil-persentaġġi fit-Taqsima 18 tar-rapport ta' l-ispezzjoni (Taqsima Kummenti) id-differenzi bejn il-qabdiet reġistrati u l-istimi ta' l-ispettur dwar il-qabdiet abbord; u

(d) l-ispetturi jistgħu wkoll jaċċertaw li r-reġistri għal matul il-perjodu taż-żmien tal-kwota sad-data ta' l-ispezzjoni ikunu abbord id-dgħajsa bi qbil mal-Miżuri ta' Konservazzjoni u Infurzar tan-NAFO Parti IĊ(2)(b)(iii).

(iii) Spettur għandu l-awtorità li jeżamina l-qabda, ix-xbiek jew tagħmir ieħor, u d-dokumenti kollha rilevanti li l-ispettur jidhirlu meħtieġa sabiex jivverifika l-osservanza tal-miżuri tal-Kummissjoni.

Fejn tiġi osservata kontravvenzjoni tal-miżuri fid-deher:

- l-ispettur għandu jinnota l-kontravvenzjoni fid-deher fir-rapport, jiffirma d-dħul u jikseb il-kontrofirma tal-kaptan,

- l-ispettur għandu jdaħħal u jiffirma notament fir-reġistru tas-sajd jew dokument ieħor fejn jiddikjara d-data, il-post, u t-tip ta' kontravvenzjoni skond id-dehra misjuba. L-ispettur jista' jagħmel kopja ta' kull dħul rilevanti f'dan id-dokument, u għandu jeħtieġ li l-kaptan tad-dgħajsa jiċċertifika bil-kitba fuq kull paġna tal-kopja li hija kopja vera ta' dan id-dħul.

- l-ispettur għandu jkollu l-opportunità kollha li jiddokumenta l-kontravvenzjoni skond id-dehra b'ritratti tat-tagħmir jew tal-qabda rilevanti fuq il-bastiment tas-sajd, f'liema każ ritratt ieħor għandu jingħata lill-kaptan tad-dgħajsa u jkun mehmuż mar-rapport mibgħut lill-awtorità xierqa tal-Parti Kontraenti tal-bastiment spezzjonat.

(iv) Meta spettur isib kontravvenzjoni fid-deher tal-miżuri li jipprojbixxu:

(a) is-sajd f'żona magħluqa jew b'tagħmir projbit f'żona speċifika;

(b) is-sajd għall-ħażniet jew l-ispeċi wara d-data li fiha l-Parti Kontraenti tad-dgħajsa spezzjonata tkun għarrfet lis-Segretarju Eżekuttiv li d-dgħajsa tal-Parti jridu jieqfu mis-sajd skond id-direttiva għal dawn il-ħażniet jew l-ispeċi;

u

(ċ) is-sajd skond il-kwota "ta' oħrajn" mingħajr avviż minn qabel lis-Segretarju Eżekuttiv, jew iktar minn sebat ijiem tax-xogħol wara li l-Parti Kontraenti tad-dgħajsa spezzjonata tkun ġiet mgħarrfa mis-Segretarju Eżekuttiv li għandu jieqaf is-sajd skond tal-kwota "ta' oħrajn" għal dik il-ħażna jew speċi,

sabiex iħaffef l-azzjoni ta' Parti Kontraenti dwar kontravvenzjoni fid-deher, l-ispettur għandu jipprova fil-pront jikkomunika ma' spettur tal-Parti Kontraenti tad-dgħajsa spezzjonata, magħruf li jkun fil-qrib, jew ma' l-awtorità nominata skond il-paragrafu 3 ta' hawn fuq. Il-kaptan tad-dgħajsa spezzjonata għandu jipprovdi l-użu tat-tagħmir tar-radju tad-dgħajsa u operatur sabiex jintbagħtu u jiġu riċevuti l-messaġġi għal dan il-għan.

Fuq it-talba ta' l-ispettur, il-kaptan għandu jieqaf mis-sajd kollu li jidher lill-ispettur li jikser il-miżuri riferiti f'(a) u (ċ) ta' hawn fuq. Matul dan il-ħin, l-ispettur għandu jwettaq l-ispezzjoni u, jekk f'perjodu raġonevoli taż-żmien ma jkunx jista' jikkomunika ma' spettur jew awtorità nominata mill-Parti Kontraenti tad-dgħajsa spezzjonata, għandu jitlaq mid-dgħajsa spezzjonat u jikkomunika ma' wieħed minnhom malajr kemm jista' jkun. Madanakollu, jekk jirnexxilu jistabbilixxi komunikazzjoni filwaqt li jkun abbord id-dgħajsa spezzjonata, u kemm-il darba l-ispettur jewl-awtorità nominata mill-Parti Kontraenti tad-dgħajsa spezzjonata jaqblu, l-ispettur jista' jibqa' abbord. Sakemm l-ispettur jibqa' abbord, il-kaptan ma jistax jerġ'a jibda jistad sakemm l-ispettur ma jkunx sodisfatt raġonevolment, li l-kontravenzjoni bid-deher ma terġax tkun ripetuta bħala riżultat jew ta' l-azzjoni meħuda mill-kaptan tad-dgħajsa jew mill-komunikazzjoni ta' l-ispettur ma' spettur jew awtorità nominata mill-Parti Kontraenti tad-dgħajsa spezzjonat.

(v) L-ispettur fil-kmand jista' jitlob li l-kaptan ineħħi kull parti tat-tagħmir tas-sajd li tidher lill-ispettur li tikser il-miżuri tal-Kummissjoni. Għandha titwaħħal marka ta' identifikazzjoni ma' kull parti tat-tagħmir tas-sajd li tidher lill-ispettur li hija b'kontravvenzjoni tal-liġi, u l-ispettur għandu jirreġistra l-fatt fir-rapport tiegħu. It-tagħmir għandu jinżamm preservat bil-marka mwaħħla sakemm jiġi eżaminat minn spettur jew awtorità nominata mill-Parti Kontraenti tad-dgħajsa spezzjonata li sussegwentement għandhom jistabbilixxu x'għandu jsir mit-tagħmir.

(vi) Spettur jista' jieħu ritratti tat-tagħmir tas-sajd b'mod li l-marka ta' identifikazzjoni u l-qisien tat-tagħmir tas-sajd ikunu jidhru u l-oġġetti fotografati għandhom jitniżżlu f'lista fir-rapport. Ritratt ieħor għandu jingħata lill-kaptan tad-dgħajsa.

7. Awtorità xierqa mill-Parti Kontraenti avżata b'kontravvenzjoni fid-deher mgħamula minn dgħajsa ta' din il-Parti għandha tieħu azzjoni fil-pront sabiex tirċievi u tikkunsidra l-evidenza tal-kontravvenzjoni fid-deher, tagħmel kull investigazzjoni oħra meħtieġa għat-tneħħija tal-kontravvenzjoni fid-deher u, kull meta jkun possibbli, titla' fuq id-dgħajsa involuta. Awtorità xierqa tal-Parti Kontraenti tad-dgħajsa involuta għandha tikkopera bis-sħiħ ma' l-awtorità xierqa tal-Parti Kontraenti li tkun innominat lill-ispettur sabiex tiżgura li x-xhieda ta' kontravvenzjoni fid-deher tiġi mħejjija u miżmuma f'għamla li tħaffef l-azzjoni ġudizzjarja.

L-awtorità xierqa ta' parti Kontraenti avżata bid-differenzi bejn il-qabdiet reġistrati u l-estimi ta' l-ispettur, għandha kull meta jkun possibbli timbarka d-dgħajsa involuta u, f'kull każ, tikkopera ma' l-ispetturi tan-NAFO sabiex tassigura li x-xhieda tiġi mħejjija u miżmuma f'għamla li tħaffef kull azzjoni ġudizzjarja, u għandha twettaq kull investigazzjoni oħra meħtieġa sabiex twassalha sabiex tistabbilixxi l-azzjoni xierqa li tkun tmiss wara.

8. Spettur li josserva nuqqas min-naħa ta' dgħajsa biex jgħin grupp ta' l-ispezzjoni jimbarka fuqha wara li jkun ingħata s-sinjal mistħoqq għandu:

(i) jirrapporta l-kontravvenzjoni fid-deher malajr kemm jista' jkun lil kull spettur tal-Parti Kontraenti tad-dgħajsa involuta magħruf li jkun fil-qrib jew lill-awtorità nominata minn din il-Parti Kontraenti;

u

(ii) iħejji u jibgħat lis-Segretarju Eżekuttiv rapport li jagħti t-tagħrif kollu possibbli, inkluż in-natura tas-sinjal, id-distanza li minnha ngħata s-sinjal, il-viżibilità dak il-ħin, il-forza tal-baħar, u l-kondizzjonijiet tar-riħ u s-silġ.

9. Għall-għan ta' l-iskema, "sorveljanza" għandha tkun imsejsa fuq kull dehra magħmula minn spettur minn fuq xi biċċa tal-baħar jew ajruplan ta' l-ispezzjoni assenjati ma' l-iskema.

(i) Meta, bħala riżultat ta' sorveljanza, spettur josserva dgħajsa ta' Parti Kontraenti, u fejn din l-osservazzjoni ma tikkorrispondix ma' l-aħħar tagħrif disponibbli lill-ispettur kif provdut fit-Taqsima E.2 tal-Parti III tal-Miżuri ta' Konservazzjoni u Infurzar, l-ispettur għandu jimla l-Parti I tal-formola tar-rapport tas-sorveljanza murija fl-Anness VII u għandu jieħu ritratti tad-dgħajsa b'appoġġ ma' l-osservazzjonijiet tiegħu. Ir-ritratti meħuda għandhom fl-istess waqt jirreġistraw il-pożizzjoni, id-data, u l-ħin kif ikunu jidhru fl-istrumenti tal-biċċiet tas-sorveljanza.

(ii) Mhux inqas minn 72 siegħa wara r-reġistrazzjoni ta' l-osservazzjoni fil-Parti I tar-rapport tas-sorveljanza u fuq il-bażi tan-notifiki riċevuti mill-Parti Kontraenti tad-dgħajsa involuta skond is-sistema tas-sejħa, l-ispettur għandu jimla' l-Parti II tar-rapport tas-sorveljanza.

(iii) L-oriġinal ta' kull rapport ta' sorveljanza mimli skond 9(i) u (ii) u r-ritratti kollha għandhom jintbagħtu malajr kemm jista' jkun lill-Parti Kontraenti tad-dgħajsa involuta, jew lil awtorità nominata ta' dik il-Parti Kontraenti. Kopja ta' kull rapport ta' sorvejlanza għandha tintbagħat ukoll lis-Segretarju Eżekuttiv.

(iv) Awtorità xierqa tal-Parti Kontraenti għandha, malli tirċievi rapport dwar sorveljanza rigward dgħajsa ta' din il-Parti, tieħu azzjoni fil-pront sabiex tirċievi u tikkunsidra r-rapport u, kull meta jkun possibbli, timbarka fuq id-dgħajsa involuta u tagħmel kull investigazzjoni oħra meħtieġa sabiex tgħinha tistabbilixxi l-azzjoni xierqa li tkun tmiss wara.

10. Reżistenza għal spettur jew nuqqas ta' konformità mad-direzzjonijiet tiegħu għandhom jiġu trattati mill-Istat tar-Reġistrazzjoni tad-dgħajsa daqs li kieku l-ispettur kien spettur ta' dak l-Istat.

11. L-Ispetturi għandhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom skond ir-regoli ddikjarati fl-iskema, imm'għandhom jibqgħu taħt il-kontroll operattiv ta' l-awtoritajiet tal-Partijiet Kontraenti tagħhom u għandhom ikunu responsabbli lejhom.

12. L-awtoritajiet xierqa ta' Parti Kontraenti għandhom jikkunsidraw u jaġixxu fuq ir-rapporti mill-ispetturi ta' Partijiet Kontraenti l-oħra fl-iskema fuq il-istess bażi daqs li kieku kienu rapporti mill-ispetturi tagħha stess. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu m'għandhom jimponu l-ebda obbligu fuq il-awtoritajiet xierqa ta' Parti Kontraenti li jagħtu lir-rapport minn spettur barrani valur ta' xhieda iktar għoli milli kien ikollu fil-pajjiż stess ta' l-ispettur. L-awtoritajiet xierqa tal-Partijiet Kontraenti għandhom jikkollaboraw sabiex iħaffu l-proċeduri ġudizzjarji jew oħrajn li joħorġu minn rapport sottomess minn spettur taħt l-iskema.

13. L-awtoritajiet xierqa ta' Parti Kontraenti għandhom jgħarrfu lis-Segretarju Eżekuttiv sa l-1 ta' Novembru ta' kull sena bil-pjani proviżorji ta' parteċipazzjoni mill-ispetturi tagħha (il-Parti Kontraenti), il-bċejjeċ tal-baħar u l-elikotteri u ajruplani oħra fl-iskem'għas-sena kalendarja segwenti, u s-Segretarju Eżekuttiv jista' jagħmel suġġerimenti lill-awtoritajet xierqa tal-Partijiet Kontraenti għall-kordinazzjoni ta' l-operati tagħhom f'dan il-qasam inkluż in-numru ta' spetturi u n-numru ta' bċejjeċ tal-baħar, elikotteri u ajruplani oħra li jġorru lill-ispetturi.

14. L-awtoritajiet xierqa ta' kull Parti Kontraenti għandhom jirrapportaw lis-Segretarju Eżekuttiv sa l-1 ta' Marzu ta' kull sena għas-sena kalendarja preċedenti:

(i) in-numru ta' spezzjonijiet magħmula minnha taħt l-iskema fejn tispeċifika n-numru ta' spezzjonijiet fuq id-dgħajjes ta' kull Parti Kontraenti u, fil-każ ta' kontravvenzjoni fid-deher, id-data u l-pożizzjoni ta' l-ispezzjoni tad-dgħajsa involuta u n-natura tal-kontravvenzjoni fid-deher;

(ii) id-dispożizzjoni tal-kontravvenzjoni fid-deher mgħarrfa lilha minn Parti Kontraenti. Kull kontravvenzjoni fid-deher għandha titniżżel f'lista kull sena sakemm l-azzjoni tkun twettqet skond il-liġijiet ta' l-Istat ta' Reġistrazzjoni, u l-penalitajiet kollha imposti għandhom ikunu deskritti f'termini speċifiċi;

(iii) id-differenzi li jidhrilhom li huma sinifikanti bejn ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet imniżżla fir-reġistri tad-dgħajjes tal-Parti Kontraenti u l-estimi ta' l-ispetturi dwar il-qabdiet abbord id-dgħajsa. Il-każijiet hekk identifikati bħala sinifikanti għandhom jitniżżlu f'lista kull sena sakemm in-NAFO tiġi mgħarrfa bl-azzjonijiet meħuda bħala riżultat, inkluż il-penalitajiet kollha imposti skond il-liġi ta' l-Istat ta' Reġistrazzjoni. Dawn il-penalitajiet għandhom jiġu deskritti f'termini speċifiċi;

(iv) in-numru ta' sigħat ta' titjir waqt ronda ta' għassa tan-NAFO, in-numru ta' dehriet u n-numru ta' rapporti ta' sorveljanza stabbiliti bid-data, il-ħin u l-pożizzjoni tad-dehriet dwar dawn ir-rapporti ta' sorveljanza;

(v) id-dispożizzjoni ta' rapporti ta' sorveljanza mgħarrfa lilha minn Parti Kontraenti. Ir-rapporti ta' sorveljanza għandhom jitniżżlu f'lista kull sena sakemm tiġi mitmuma mill-awtoritajiet xierqa l-azzjoni li tkun tmiss wara. Fil-każijiet fejn l-azzjoni li tkun tmiss wara tirriżulta f'azzjoni ta' penalità, l-penalitajiet kollha imposti għandhom ikunu deskritti f'termini speċifiċi.

15. (i) Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' l-iskema, il-Partijiet Kontraenti involuti għandhom jikkonsultaw sabiex isolvu n-nuqqas ta' ftehim.

(ii) Jekk in-nuqqas ta' fteħim jibqa' mhux risolt wara l-konsultazzjonijiet, fuq it-talba ta' Parti Kontraenti s-Segretarju Eżekuttiv għandu jirreferi n-nuqqas ta' ftehim lil-laqgħa speċjali tal-Kumitat Permanenti tal-Kontroll Internazzjonali (Stactic).

Għandu jitfassal rapport dwar in-nuqqas ta' ftehim mis-Stactic u mogħti lill-Kummissjoni tas-Sajd fi żmien xahrejn mil-laqgħa tas-Stactic.

(iii) Malli tirċievi r-rapport tas-Stactic, Parti Kontraenti tista' f'perjodu ieħor ta' xahrejn titlob laqgħa speċjali tal-Kummissjoni tas-Sajd sabiex tikkunsidra r-rapport u tieħu l-azzjoni xierqa.

L-ANNESS I

+++++ TIFF +++++

L-ANNESS II

+++++ TIFF +++++

L-ANNESS III

BINI U UŻU TAS-SLIELEN TA' L-IMBARK

1. Is-slielen ta' l-imbark għandhom ikunu effiċjenti bil-għan li jgħinu lill-ispetturi jimbarkaw u jiżbarkaw mingħajr periklu fuq il-baħar. Isielen ta' l-imbark għandhom jinżammu nodfa u f'kondizzjoni tajba.

2. Is-sellun għandu jitwaħħal fiż-żgur fpożizzjoni li tkun' il bogħod minn kull rimi mid-dgħajsa, hekk li kull skaluna tistrieħ fiż-żgur mal-ġenb tad-dgħajsa, li tkun kemm jista' jkun' il bogħod mil-rimji iktar fini tad-dgħajsa u li l-ispettur ikollu aċċess mingħajr periklu u konvenjenti għad-dgħajsa.

3. L-iskaluni ta's-sellun ta' l-imbark għandhom ikunu:

(a) magħmula minn injam iebes jew materjal ieħor ta' għamla simili, magħmula minn biċċa waħda mingħajr għekieżi, li jkollhom wiċċ effiċjenti li ma jiżloqx; l-iktar erba' skaluni fil-baxx jistgħu jkunu magħmula mill-lastku ta' saħħa u ebusija biżżejjed jew ta' materjal ieħor xieraq b'karatteristiċi simili;

(b) mhux inqas minn 480 mm tul, 115 mm wisa', u 25 mm fond, minbarra kull mezz li jneħħi z-żliq; u

(ċ) spazjati l-istess mhux inqas minn 380 mm u mhux iktar minn 380 mm' il bogħod minn xulxin u jistgħu jintrabtu fis-sod hekk li jibqgħu orizzontali.

4. L-ebda sellun ta' l-imbark m'għandu jkollu iktar minn żewġ skaluni tal-bdil li jkunu mwaħħla fis-sod f'posthom b'metodu differenti minn dak użat fil-bini oriġinali tas-sellun u l-iskaluni kollha hekk marbuta għandhom jinbidlu, malajr kemm hu raġonevolment prattikabbli, bi skaluni imwaħħla fis-sod fil-post bil-metodu wżat fil-bini oriġinali tas-sellun.

5. Il-ħbula tal-ġnub tas-sellun għandhom ikunu magħmula minn żewġt iħbula mhux mgħottija tal-manilla jew minn ħbula simili ta' mhux inqas minn 60 mm fiċ-ċirkomferenza fuq kull naħa; kull ħabel għandu jkun sħiħ mingħajr ġonot taħt l-iskaluna l-iktar għolja; żewġ poġġamani tal-ħabel imwaħħla fis-sod kif xieraq mal-bastiment u mhux inqas minn 65 mm fiċ-ċirkomferenza u għandu jinżamm ħabel tas-sigurtà għal-lest, sabiex jintuża jekk meħtieġ.

6. Traversi tat-tisħiħ ta' injam iebes, jew ta' materjal ieħor ta' għamla simili, f'biċċa waħda u mhux inqas minn 1,80 metri tul, għandhom ikun provduti f'intervalli hekk li ma jħallux is-sellun ta' l-imbark jinbaram. L-iktar traversa baxxa għandha tkun mal-ħames skaluna mill-qiegħ tas-sellun u l-intervall bejn kull skaluna u ta' warajha m'għandux ikun iktar minn disa skaluni.

7. Għandhom jiġu provduti mezzi li jiżguraw il-passaġġ sigur u konvenjenti għal fuq jew għal ġewwa l-bastiment kif ukoll għall-inżul minnu bejn fuq tas-sellun tal-pilota jew kull sellun ta' akkomodazzjoni jew tagħmir ieħor provdut. Fejn dan il-passaġġ huwa permezz ta' fetħa bejn il-binarji jew il-murata tal-bastiment, għandu jkun hemm poġġamani adegwati. Meta dan il-passaġġ huwa permezz ta' sellun tal-murata, dan is-sellun għandu jkun imwaħħal fis-sod mal-binarju jew pjattaforma tal-murata u għandhom ikunu mwaħħla żewġ kolonni poġġamani fil-post ta' l-imbark jew l-isbark tad-dgħajsa mhux inqas minn 0,70 ta' metru u mhux iktar minn 0,80 ta' metru' l bogħod minn xulxin. Kull kolonna poġġaman għandha tkun imwaħħla mingħajr ma tkun tista' tiċċaqlaq ma' l-istruttura tad-dgħajsa fi jew ħdejn il-bażi u wkoll f'post ogħla, m'għandiex tkun inqas minn 40 mm dijametru u għandha twassal sa mhux inqas min 1,20 metri' il fuq mill-waqfa tal-murata.

8. Bil-lejl għandu jiġi provdut dawl hekk li kemm is-sellun ta' l-imbark fuq il-ġenb tad-dgħajsa kif ukoll il-pożizzjoni fejn l-ispettur jimbarka l-bastiment ikunu mdawwla adegwatament. Għandu jinżamm salvawomo fil-qrib b'dawl li jixgħel waħdu, lest għall-użu. Għandu jkun hemm ħabel tal-ġibda miżmum għal-lest, sabiex jintuża jekk meħtieġ.

9. Għandhom ikunu pprovduti mezzi sabiex is-sellun ta' l-imbark ikun jista' jiġi wżat fuq kull naħa tad-dgħajsa.

10. L-armar tas-sellun u l-imbark u l-iżbark ta' spettur għandhom ikunu sorveljati minn fizzjal responsabbli tad-dgħajsa.

11. Meta fuq xi dgħajsa jew bastiment il-karatteristiċi tal-kostruzzjoni bħalma huma faxex tat-tħallil, iwaqqfu l-implimentazzjoni ta' xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom isiru arranġamenti speċjali li jissodisfaw lill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat illi persuni jkunu jistgħu jimbarkaw u jiżbarkaw mingħajr periklu.

L-ANNESS IV

IL-PROĊEDURA TA' RFIEGĦ FUQ L-ELIKOTTERU

1. Il-kaptan tal-elikotteru għandu jkun fil-kmand ta' u jiżgura s-sigurtà tal-persuni li jkunu qegħdin jiġu trasferiti bejn bastiment u l-elikotteru matul iż-żmien kollu li dawn il-persuni jkunu marbuta ma' l-elikotteru permezz tal-ħabel ta' l-irfiegħ u l-mezz ta' l-irfiegħ.

2. Il-kaptan tal-biċċa tal-baħar għandu jsegwi l-proċeduri kif deskritti hawn taħt sabiex jgħin lill-elikotteru:

(i) jipprova jikkomunika bir-radju f'lingwa komuni;

(ii) ibiddel il-korsa u l-veloċità jekk mitlub u jista' li jagħmel hekk;

(iii) iżomm direzzjoni dritta u veloċità ferma matul l-operat kollu tat-trasferiment sakemm ma jkunx fil-periklu s-sigurtà tad-dgħajsa;

(iv) jipprovdi indikazzjoni viżwali tar-riħ permezz ta' bandiera trijangolari jew mezz ieħor xieraq;

(v) ineħħi miż-żona tat-trasferiment kull oġġett li jista' jtir mill-irbit tiegħu;

(vi) m'għandux jagħmel trasmissjonjiet bir-radju b'antenni ta' wajer mikxuf (frekwenza għolja) fil-viċinanza immedjata taż-żona tat-trasferiment matul it-trasferiment. Jekk dawn it-trasmissjonijiet isiru meħtieġa, l-elikotteru għandu jiġi avżat sabiex it-trasferiment jitħalla għal iktar tard; jekk l-ewwel jitniżżel ħabel-gwida, il-membri ta' l-ekwipaġġ għandhom ikunu disponibbli li jħaddmu l-ħabel sabiex jgħinu t-trasferiment tal-grupp ta' l-ispezzjoni. Ħbula u wajers oħra m'għandhomx jintmessu mill-ekwipaġġ tal-bastiment sakemm il-grupp ta' l-ispezzjoni ma jkunx niżżel dawn il-ħbula u wajers fuq il-gverta tal-bastiment.

(vii) jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw safejn u sakemm huwa prattikabbli illi l-ebda wieħed mill-ħbula jew tagħmir tat-twaħħil imniżżla mill-elikotteru ma' jiġu mwaħħla jew jitħallew iħammġu fuq il-bastiment.

3. Huwa u juri l-bandiera trijangolari tiegħu, l-elikotteru għandu jikkomunika mal-bastiment l-intenzjoni li jsir imbark:

(i) b'komunikazzjonijiet bir-radju fuq (frekwenza) 2182 kHz, il-kanal 16 VHF-FM jew frekwenzi oħra maqbula;

(ii) b'indikazzjoni viżwali jew bil-ħoss ta' sinjal xieraq meħud mill-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali kif jidhru fil-paragrafu 7;

(iii) billi jittajjar fuq jew ħdejn il-pożizzjoni maħsuba għall-imbark flimkien ma' sinjali bl-idejn, adottati mill-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali, kif murija fil-paragrafu 4.

4. (i) Is-sinjal: Moviment ta' wiri bid-driegħ jew bl-id

Użat minn: | Li jfisser: |

L-elikotteru | Nixtieq li nagħmel trasferiment jew imbark fuq il-post indikat |

(ii) Is-sinjal: Moviment vertikali bid-driegħ jew bil-bandiera, jew indikazzjoni bis-"Saba' l-kbir' il fuq" (Thumbs up)

Użat minn: | Sitwazzjoni: | Li jfisser: |

Jew | Qabel it-trasferiment | Pront biex isir it-trasferiment; |

Il-bastiment | Qabel it-trasferiment | Nixtieq trasferiment minn din il-pożizzjoni; |

Il-elikotteru | Wara li jniżżel il-ħabel gwida | Aqbad il-parti mdendla mill-ħabel gwida; |

| Wara li jaqbad il-parti mdendla mill-ħabel gwida | Iġbed bil-mod fuq il-ħabel gwida; |

Jew | F'kull ħin | Tweġiba fl-affermattiv. |

(iii) Is-sinjal: Moviment orizzontali bid-driegħ jew bil-bandiera, jew indikazzjoni bis-"Saba' l-kbir 'il isfel"

Użat minn: | Sitwazzjoni: | Li jfisser: |

Jew | Qabel it-trasferiment | Pront biex isir it-trasferiment; |

Il-bastiment | Qabel it-trasferiment | Nixtieq trasferiment minn din il-pożizzjoni; |

Il-elikotteru | Wara li jniżżel il-ħabel gwida | Aqbad il-parti mdendla mill-ħabel gwida; |

| Wara li jaqbad il-parti mdendla mill-ħabel gwida | Iġbed bil-mod fuq il-ħabel gwida; |

Jew | F'kull ħin | Tweġiba fl-affermattiv. |

5. Wirja viżwali tas-simbolu YU mill-elikotteru jew it-trasmissjoni bir-radju YANKEE UNIFORM lill-bastiment tas-sajd ifissru illi għandhom jiġu wżati s-sinjali fil-paragrafu 7 għall-komunikazzjonijiet ta' l-ispezzjoni.

6. Is-sitwazzjonijiet li ġejjin huma rappreżentattivi tal-kondizzjonijiet li fihom M'GĦANDUX jiġi pruvat trasferiment bl-irfiegħ ta' persuni mill-elikotteru:

(i) fl-opinjoni tal-kaptan tal-elikotteru jew tal-kaptan tal-bastiment, mhemmx spazju biżżejjed mingħajr xkiel għat-trasferiment jew hemm wisq xi jtellef;

(ii) ikun hemm ċaqliq sinifikanti tal-bastiment hekk illi, fl-opinjoni tal-kaptan tal-elikotteru jew tal-kapan tal-bastiment, jeżisti periklu;

(iii) il-elikotteru ma jistax jieqaf f'postu b'riħ relattivament aċċettabbli; u

(iv) jeżistu perikli oħra li jippreġudikaw is-sigurtà tal-elikotteru jew tal-bastiment jew tal-persuni li qegħdin jiġu trasferiti.

Sinjal ta' l-IMO | Tifsira ta' l-IMO | Rimarki |

SQ 3 | Għandek tieqaf, jew titlajja, jiena se niġi abbord | Il-wirja tal-bandiera trijangolari ta' l-ispezzjoni tindika l-preżenza ta' grupp awtorizzat ta' spezzjoni fuq il-elikotteru |

MG | Għandek tieħu direzzjoni… | Id-direzzjoni hija dritta |

IK-RQ | Nitolbok li timxi bi… mili nawtiċi | |

AZ | Ma nistax ninżel imma nista' ntella' lill-ekwipaġġ | Indikazzjoni ta' l-intenzjonijiet sabiex isir trasferiment bl-irfiegħ fuq il-elikotteru (użat mas-sinjal BB) |

BB1-RQ | Nista' ninżel fuq il-gverta tiegħek? Inti lest li tilqagħni fuq il-pruwa? | Użat flimkien mas-sinjal AZ sabiex jindika illi l-elikotteru ma jkunx se jinżel iżda jagħmel trasferiment bl-irfigħ fiż-żona murija |

BB2-RQ | Nista' ninżel fuq il-gverta tiegħek? Inti lest li tilqagħni fin-nofs tal-bastiment? |

BB3-RQ | Nista' ninżel fuq il-gverta tiegħel? Inti lest li tilqagħni fuq il-poppa? |

K | Nixtieq nikkomunika miegħek bi… (estratti mit-Tabella 1 ta' l-IMO) 6… Bnadar tal-Kodiċi Internazzjonali 8… radjutelefonija 2182 kHz 9… radjutelefonija VHF kanal 16 | |

YX | Nixtieq nikkomunika bir-radjutelefonija fuq il-frekqwenza indikata | |

C | Iva (affermattiv) | |

N | Le (negattiv) | L-Oscar ta' Novembru permezz ta' trasmissjoni bil-vuċi jew bir-radju |

YU | Jiena se nikkomunika ma' l-istazzjon tiegħek permezz tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali | |

BT | Il-elikotteru ġej fuqek issa (jew fil-ħin indikat) | |

7. L-ANNESS V

IL-KUMMISSJONI TAS-SAJD TA' L-ORGANIZZAZZJONI TAS-SAJD TA' L-ATLANTIKU TAL-MAJJISTRAL RAPPORT TA' L-ISPEZZJON

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

L-ANNESS VI

KWESTJONARJU TA' L-ISPEZZJONI

1. Jiena spettur skond l-iskema. Hawn hu d-dokument ta' identità tiegħi. Nixtieq nispezzjona x-xbiek tiegħek/tagħmir ieħor tas-sajd/il-qabda tal-ħut/id-dokumenti.

2. Nixtieq nara lill-kaptan ta' dan il-bastiment.

3. Jekk jogħġbok agħtini ismek.

4. Jekk jogħbok ikkopera miegħi fl-eżami tal-qabda tiegħek tal-ħut/tat-tagħmir/tad-dokumenti skond il-miżuri tal-Kummissjoni.

5. Jekk jogħġbok ivverifika issa l-pożizzjoni tiegħek u l-ħin.

6. Jiena qiegħed nirraporta l-pożizzjoni tiegħek bħala …o latitudni …o lonġitudni fi …UTC. Inti taqbel?

7. Tixtieq tivverifika l-pożizzjoni tiegħek bl-istrumenti tiegħi abbord il-bastiment ta' l-ispezzjoni?

8. Issa taqbel miegħi?

9. Jekk jogħġbok urini d-dokumenti li jistabbilixxu n-nazzjonalità tal-bastiment tiegħek/id-dokumenti tar-reġistrazzjoni/ir-reġistru ta' fuq il-pont/ir-reġistru/i tas-sajd.

10. Jekk jogħġbok ikteb l-isem u l-indirizz tas-sidien tal-bastiment fl-ispazju fejn qiegħed nurik fuq il-formola tar-rapport.

11. X'inhi l-ispeċi prinċipali li qiegħed tistad għaliha?

12. Qiegħed tistad bil-għan ta' tnaqqis?

13. Naqbel.

14. Iva.

15. Ma naqbilx.

16. Le.

17. Jekk jogħġbok ħudni fuq il-pont/il-gverta tax-xogħol/il-post ta' l-ipproċessar/l-istivi tal-ħut.

18. Tuża xi oġġetti li jitwaħħlu max-xibka? Jekk iva, ta' liema tip? Jekk jogħġbok iktibha fl-ispazju li qiegħed nurik.

19. Jekk jogħġbok ixgħel dawn id-dwal.

20. Nixtieq neżamina dik ix-xibka/dak it-tagħmir ta' xorta ta' bukagħwar.

21. Urini t-tagħmir l-ieħor tas-sajd illi għandek fuq il-gverta tas-sajd jew ħdejha.

22. Urini d-daqs tat-toqob tax-xbiek tiegħek, jekk għandek.

23. Itlob lin-nies tiegħek iżommu dik ix-xibka ħalli nkun nista' nkejjilha.

24. Jekk jogħġbok poġġi dik ix-xikba taħt l-ilma għal 10 minuti.

25. Jiena spezzjonajt… malji f'din ix-xibka.

26. Ivverifika illi rreġistrajt bl-eżatt fuq il-formola tar-rapport fl-ispazju li qiegħed nindika l-wisa' tal-malji li kejjilt.

27. Nixtieq nispezzjona l-qabda tal-ħut tiegħek. Lestejt tagħżel il-ħut?

28. Jekk jogħġbok tista' tifrex dak il-ħut?

29. Nixtieq nagħmel stima tal-proporzjon ta' l-ispeċi regolata fil-qabda tiegħek.

30. Jekk jogħġbok ara l-kopja tal-formola ta' l-ispezzjoni fil-lingwa tiegħek u agħtini t-tagħrif meħtieġ sabiex nimliha. Sejjer nindikalek liema taqsimiet.

31. Jekk ma tikkoperax kif tlabtek, ikolli nirraporta r-rifjut tiegħek lill-parti kontraenti tegħek.

32. Sibt illi l-wisa' medju tal-malji li kejjilt f'dik ix-xibka huwa ta' … mm. Dan jidher illi huwa taħt il-minimu applikabbli għad-daqs tal-malja, u jkolli nirraportah lill-parti kontraenti tiegħek.

33. Sibt oġġetti mwaħħla max-xbiek/tagħmir ieħor tas-sajd li jidher li hu kontra l-liġi. Dan se jiġi rapportat lill-parti kontraenti tiegħek.

34. Issa se nwaħħal il-marka ta' l-identifikazzjoni ma' din il-biċċa tagħmir tas-sajd li trid tiġi miżmuma bil-marka mwaħħla sakemm jaraha l-ispettur tas-sajd tal-parti kontraenti tiegħek, meta jitlobhielek.

35. Sibt … ħut taħt id-daqs. Se nirrapporta dan lill-parti kontraenti tiegħek.

36. Milli jidher qiegħed tistad f'din iż-żona matul l-istaġun magħluq/b'tagħmir mhux permess/għal ħażniet jew speċi mhux permessi. Dan se jkun rapportat lill-parti kontraenti tiegħek.

37. Sibt li mal-qabda hemm ħafna ħut ieħor ta' speċi regolata li tidher ikbar mill-ammonti permessi. Se nirrapporta dan lill-parti kontraenti tiegħek.

38. Għamilt kopji ta' dak li niżżilt f'dan id-dokument Jekk jogħġbok iffirmahom sabiex tiċċertifika li huma kopji veri.

39. Nixtieq nikkomunika ma' l-awtorità nominata tal-parti kontraenti tiegħek. Jekk jogħġbok ħejji sabiex jintbagħat dan il-messaġġ u biex tiġi riċevuta xi risposta.

40. Tixtieq tagħmel xi osservazzjonijiet dwar din l-ispezzjoni inkluż kif saret u kif mexa l-ispettur/i? Jekk trid, jekk jogħġbok għamel hekk fl-ispazju li qiegħed nurik fil-formola tar-rapport li fuqha jiena ddikjarajt dak li sibt. Jekk jogħġbok iffirma l-osservazzjonijiet. Għandek xi xhieda li jixtiequ jagħmlu osservazzjonijiet? Jekk iva, jistgħu jagħmluhom fl-ispazju li qiegħed nurik fil-formola tar-rapport.

41. Issa, sejjer inħallik. Grazzi ħafna.

L-ANNESS VII

RAPPORT TAS-SORVELJANZA

1. Il-formoli tar-rapport tas-sorveljanza għandhom ikunu miġbura fi ktejjeb b'kull paġna jkun fiha l-oriġinal u żewġ kopji li jservu ta' karta saħħara għal xulxin (preferibilment kuluriti u preferibilment waħda safranija u l-oħra blu).

2. Il-pakki tal-paġni jridu jkunu perforati fil-quċċata u fil-qiegħ tal-faċċata biex ikunu jistgħu jitneħħew bil-ħeffa.

3. Il-ktejjeb għandhom ikunu legati b'50 kopja tar-rapport tas-sorveljanza.

4. Id-daqs ta' kull paġna, wara li titneħħa mill-pakkett, għandu jkun ta' 355,5 mm (14 ˝) tul u ta' 216 mm (81/2 ˝) wisa.

I. PARTI I

L-Ispettur/i awtorizzat/i

Isem/Ismijiet: … | Numru/i ta’ identità tad-dokument: … |

… | … |

… | … |

… | … |

1. Il-Parti Kontraenti: …

2. Is-sinjal tas-sejħa ta’ l-identifikazzjoni tal-bastiment tas-sorveljanza: …

Ir-ronda tal-għassa fiż-żona regolatorja (pożizzjoni) …

fi (data) (ħin) UTC: …

Ir-ronda tal-għassa se titlaq miż-żona regolatorja (pożizzjoni): …

fi (data) (ħin) UTC: …

Dettalji tal-bastiment osservat

3. Parti Kontraenti: …

4. L-isem tal-bastiment u l-ittri u n-numri ta’ reġistrazzjoni: …

5. Karatteristiċi oħra ta’ identifikazzjoni (tip ta’ bastiment, kulur taż-żaqq, l-istruttura ’l fuq mill-gverta, eċċ.) …

6. Data/Ħin UTC meta l-ewwel identifikat: …

Direzzjoni u veloċità: …

Posizzjoni fil-ħin ta’ l-ewwel identifikazzjoni

Sottotaqsima NAFO: …

Latitudni: …

Lonġitudni: …

Tagħmir użat/i sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni: …

7. Kondizzjonijiet tat-temp.

Direzzjoni tar-riħ: … | Kondizzjoni tal-baħar: … |

Qawwa tar-riħ: … | Viżibiltà: … |

8. Dettalji tar-ritratti meħuda.

Data/Ħin | Posizzjoni | Għoli fil-każ ta’sorveljanza mill-ajru |

(a) | | |

(b) | | |

(c) | | |

(d) | | |

II. PARTI II

(trid timtela mill-ispettur mhux inqas minn 72 siegħa wara l-osservazzjoni reġistrata fil-Parti I)

Jiena hawnhekk niċċertifika illi, sal-lum, dwar il-bastiment tas-sajd …., it-tagħrif riċevut mill- …awtoritajiet mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti … skond il-paragrafu 2 ta’ Parti III it-Taqsima E tal-Miżuri ta’ Konservazzjoni u Infurzar, ma jaqbilx ma’ l-osservazzjonijiet reġistrati fil-Parti I ta’ dan ir-rapport.

Spettur awtorizzat: …

Firma: …

".

--------------------------------------------------