31992L0109



Official Journal L 370 , 19/12/1992 P. 0076 - 0082
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0007
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0007


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE

ta’ l-14 ta’ Diċembru 1992

dwar il-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta’ ċertu sustanzi użati fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tagħha,

Wara li kkunsidrat il-proposta mill-Kummissjoni [1],

F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi uħud mill-Istati Membri adottaw miżuri biex isegwu l-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta’ ċerti sustanzi li jintużaw sikwit fil-manifattura illeċità ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi; billi Stati Membri oħra dalwaqt jadottaw miżuri simili għal dawn; billi huwa għalhekk neċessarju li jiġu stabbiliti regoli komuni fuq livell ta’ Komunità qabel ma s-suq intern ikun komplut kemm biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’kummerċ legali u kemm biex jiġi żgurat li ssir applikazzjoni uniformi tar-regoli adottati;

Billi fid-19 ta’ Diċembru 1988 fi Vienna kienet twaqqfet Konvenzjoni kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi u Sustanzi Psikotropiċi, hawn taħt imsejħa "Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti"; billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tifforma parti mill-kampanja dinjija għall-ġlieda kontra d-drogi; billi l-Komunità pparteċipat fin-negozjati ta’ dik il-Konvenzjoni, fejn uriet ir-rieda politika tagħha biex taħdem fil-limiti tal-kompetenzi tagħha;

Billi r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, dwar il-kummerċ illeċitu li jsir minn qabel (i.e. sustanzi li jintużaw ta’ sikwit fil-produzzjoni illeċità ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi), jiġu implimentati, sa fejn il-kummerċ bejn il-Komunità u terzi pajjiżi huwa kkonċernat, bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 tat-13 ta’ Diċembru 1990 li jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi skoraġġita d-devjazzjoni ta’ ċerti sustanzi għall-produzzjoni illeċità ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi [4];

Billi l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jisħaq fuq it-twettiq ta’ miżuri adatti biex tiġi sorveljata l-manifattura u d-distribuzzjoni illeċità ta’ dawn is-sustanzi; billi, bid-deċiżjoniet meħuda fil-35 sessjoni tagħha l-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Unit dwar id-Drogi Narkotiċi inkludiet sustanzi oħra fit-tabelli ta’ l-Anness għall-Konvenzjoni; billi dispozizzjonijiet korrispondenti għandhom jiġu stabbiliti f’din id-Direttiva biex jiġu magħrufa każijiet possibbli ta’ devjazzjoni illeċità ta’ drogi fil-Komunità jew biex tiġġieled kontra l-importazzjoni bi frodi fil-Komunità, u biex jiġi żgurat li regoli komuni ta’ sorveljanza jkunu applikati fis-suq tal-Komunità;

Billi d-dispozizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti huma bbażati fuq sistema ta’ sorveljanza tal-kummerċ tas-sustanzi in kwistjoni; billi ħafna mill-kummerċ ta’ dawn is-sustanzi huwa leċitu; billi d-dokumentazzjoni u l-ittikkettjar ta’ konsenji ta’ dawn is-sustanzi għandhom ikunu suffiċjentement espliċiti; billi huwa bil-wisq aktar importanti, waqt li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom l-mezzi neċessarji ta’ azzjoni, biex jiġu żviluppati mekkaniżmi fi ħdan l-ispirtu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjoniet Uniti, liema mekkaniżmi jkunu bbażati fuq il-ko-operazzjoni mill-qrib mal-operaturi ikkonċernati u fuq l-iżvilupp ta’ ġabra, bidla u esplojtazzjoni ta’ għarfien;

Billi, minħabba l-fatt li mudelli ta’ devjazzjoni qed jinbidlu regolarment, huwa kkunsidrat fuq livell internazzjonali li l-proċeduri pprovduti fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jissaħħu biex id-devjazzjoni tas-sustanzi kkonċernati tiġi miġġielda b’mod effettiv;

Billi l-Kummissjoni u seba’ Stati Membri pparteċipaw fix-xogħol tat-Task Force dwar Azzjoni Kemikali li kienet ġiet stabbilità fis-Summit Ekonomiku tal-G7 fi Houston nhar l-10 ta’ Lulju 1990 biex jiġu żviluppati proċeduri effettivi li ma jħallux id-devjazzjoni ta’ kemikali preliminari u essenzjali biex jintużaw fil-manifattura ta’ drogi illeċiti; billi matul dan ix-xogħol kien hemm koordinament fuq livell ta’ Komunità u konsultazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-kummerċ u l-industrija;

Billi r-Rapport Finali tat-Task Force dwar Azzjoni Kemikali kienet ġiet approvata mis-Summit Ekonomiku tal-G7 fi Houston nhar il-15 ta’ Lulju 1991;

Billi dan ir-Rapport Finali, waqt li jagħraf il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-istrument bażiku ta’ kooperazzjoni internazzjonali fejn jikkonċerna d-devjazzjoni ta’ materjal kemikali, għandu numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex jiġu msaħħa miżuri nazzjonali u internazzjonali fuq il-bażi ta’ dik il-Konvenzjoni;

Billi għandu jkun żgurat li l-manifattura u l-użu tas-sustanzi skedati fil-Kategorija 1 ta’ l-Anness I għal din id-Direttiva għandhom ikunu suġġetti għal pussess ta’ liċenza; billi l-forniment ta’ sustanzi bħal dawn għandu jkun ukoll awtorizzat biss lil persuni, li lilhom ikun se jsir il-forniment ta’ dawn is-sustanzi, li jkunu awtorizzati speċifikament, kemm ġeneralment jew individwalment, biex isir lilhom il-forniment, ikollhom fil-pussess tagħhom jew jużaw dawn is-sustanzi;

Billi għandhom isiru miżuri biex tiġi stabbilità kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi kkonċernati biex dawn ta’ l-aħħar jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti b’transazzjonijiet suspettużi;

Billi huwa importanti li jiġi stabbilit makkinarju għal kooperazzjoni amministrattiva; billi huwa mixtieq f’din ir-rabta li l-awtoritajiet kompetenti fil-Komunità jibbażaw l-azzjonijiet tagħhom fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta’ Mejju 1981 dwar assistenza reċiproka bejn l-awtroritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi tad-dwana u affarijiet agrikoli [5]; billi attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni riċevuta jew mibdula;

Billi kull Stat Membru għandu jintroduċi penali li jiskoraġġixxu kemm jista’ jkun il-ksur tad-dispozizzjonijiet stabbiliti fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

Ġenerali

Artikolu 1

1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi sorveljanza intra-Komunitarja ta’ ċertu sustanzi li jintużaw ta’ sikwit fil-manifattura illeċità ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, bil-għan li ma tħallix id-devjazzjoni ta’ sustanzi bħal dawn.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "sustanzi skedati" jfisser kwalunkwe sustanza speċifikata fl-Anness I, li jinkludi taħlitiet li għandhom waħda minn dawn is-sustanzi jew aktar. Din teskludi prodotti mediċinali jew oħrajn li għandhom fihom sustanzi skedati li huma magħmula b’tali mod li sustanzi bħal dawn la jistgħu jintużaw faċilment u lanqas jiġu estrattati permezz ta’ ċertu mezzi;

(b) "it-tqegħid fis-suq" ifisser kull konsenja ta sustanzi skedati, bi ħlas jew bla ħlas lil terzi partijiet, maħduma fil-Komunità jew li jitpoġġew fi-ċirkulazzjoni b’xejn fil-Komunità;

(ċ) "operatur" ifisser kull persuna naturali jew legali impenjata fil-produzzjoni, l-ipproċessar, il-kummerċ u d-distribuzzjoni ta’ sustanzi skedati fil-Komunità, jew li huma involuti f’ħidmiet oħra relatati, bħalma huma s-senserija u l-ħażna ta’ sustanzi skedati;

(d) "Il-Bord Internazzjonali tal-Kontroll Narkotiku" ifisser il-Bord stabbilit mill-Konvenzjoni Waħdanija dwar Drogi Narkotiċi fl-1961, u emendata bil-Protokoll tal-1972.

TITOLU II

SORVELJANZA FUQ IT-TQEGĦID FIS-SUQ

Artikolu 2

Dokumentazzjoni u ttikkettjar

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li t-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati jkun suġġett għal dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

1. it-transazzjonijiet kollha li jwasslu għat-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati fil-kategoriji 1 u 2 ta’ l-Anness I għandhom ikunu dokumentati sew;

(a) b’mod partikolari, id-dokumenti kummerċjali bħal fatturi, dawk tal-merkanzija, dokumenti amministrattivi, dokumenti tat-trasport u dawk tat-trasbord għandhom ikollhom informazzjoni suffiċjenti li twassal biex jiġu identifikati:

- l-isem tas-sustanza skedata hekk kif murija fil-kategoriji 1 u 2 ta’ l-Anness I,

- il-kwantità u l-piż tas-sustanza skedata u, meta din tkun tikkonsisti minn taħlita, il-kwantità u l-piż tat-taħlita kif ukoll il-kwantità u l-piż jew il-perċentwali ta’ kull sustanza jew sustanzi speċifikati fil-kategoriji 1 u 2 ta’ l-Anness li jiffurmaw parti mit-taħlita,

- l-isem u l-indirizz ta’ min iforni, tad-distributuri u ta’ għand min jirċievi l-konsenja;

(b) barra minn hekk, id-dokumentazzjoni għandha jkollha wkoll dikjarazzjoni mill-klijent li turi l-użu speċifiku tas-sustanzi. Ir-regoli dettaljati dwar it-twettiq ta’ din id-disposizzjoni għandha ssir f’konformità mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 10 (2). Meta dawn ir-regoli dettaljati jiġu eżaminati, għandha ssir kunsiderazzjoni dwar il-possibilità li klijent regolari li jakkwista mingħand min iforni sustanzi skedati fil-kategorija 2 ta’ l-Anness I jagħmel dikjarazzjoni li tkopri t-transazzjonijiet kollha marbuta ma’ dik is-sustanza li jkunu saru f’sena sħiħa;

2. iżda, l-obbligazzjonijiet skond il-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw għal transazzjonijiet li jikkonċernaw sustanzi skedati fil-kategorija 2 ta’ l-Anness I, fejn il-kwantitajiet involuti ma jeċċedux dawk indikati fl-Anness II;

3. l-operaturi għandhom jiżguraw li jitwaħħlu t-tikketti fuq dawk is-sustanzi skedati fil-kategoriji 1 u 2 ta’ l-Anness I qabel ma dawn jitpoġġew fis-suq. Dawn it-tikketti għandhom juru l-ismijiet tas-sustanzi kif muri fl-Anness I. L-operaturi jistgħu wkoll iwaħħlu it-tikketti tradizzjonali tagħhom;

4. l-operaturi għandhom iżommu tagħrif dettaljat dwar l-attivitajiet kollha tagħhom, hekk kif inhu mitlub minnhom biex jikkonformaw mal-obbligazzjoniet tagħhom taħt il-paragrafu 1;

5. id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 1 u 4 għandhom jinżammu għal perjodu ta’ mhux anqas minn tliet snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha tkun saret l-operazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u dawn iridu jkunu disponibbli mill-ewwel biex, meta jkunu mitluba, ikuni jistgħu jiġu eżaminati mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 3

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti tiegħu li jkunu responsabbli biex jiżguraw li tkun mħarsa l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Dan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti li jkunu ġew stabbiliti.

Artikolu 4

Sustanzi skedati fil-Kategoriji 1 u 2 ta’ l-Anness I

1. L-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-manifattura u t-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ sustanzi skedati fil-kategorija 1 ta’ l-Anness I ikunu suġġetti għal liċenza li tingħata mill-awtoritajiet kompetenti.

2. Waqt li tikkunsidra jekk tinħariġx liċenza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu b’mod partikolari l-kompetenza u l-integrità ta’ l-applikant.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissospendu jew jirrevokaw il-liċenza kull meta jkun hemm raġunijiet serji li min hu liċenzjat jew m’għadux aktar adattat u xieraq li jkollu liċenzja, jew li l-kondizzjonijiet li taħthom tkun ħarġet il-liċenza m’għadhomx aktar mwettqa.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li kull operatur li għandu l-liċenza msemmija fil-paragrafu 1, għandhom ifornu s-sustanzi skedati fil-kategorija 1 ta’ l-Anness I lil dawk il-persuni biss li huma awtorizzati speċifikament, kemm ġeneralment jew individwalment, jew biex ikunu fornuti, jew ikollhom fiż-żamma tagħhom, jew inkella jużaw dawn is-sustanzi.

4. L-operaturi li għandhom x’jaqsmu mal-manifattura jew it-tqegħid fis-suq tas-sustanzi skedati fil-kategorija 2 ta’ l-Anness I għandhom ikunu mitluba biex jirreġistraw u jaġġornaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-indirizzi tal-bini li minnu huma jipproduċu jew jikkumerċjaw dawn is-sustanzi.

Artikolu 5

Kooperazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi, sabiex l-operaturi:

- javżaw immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti dwar kull ċirkustanza, bħalma huma ordnijiet mhux tas-soltu jew transazzjonijiet ta’ sustanzi skedati, li jissuġġerixxu li dawn is-sustanzi li jkunu se jitpoġġew fis-suq jew inkella manufatturati, skond il-każ, jistgħu jiġu iddevjati għall-produzzjoni illeċità ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi,

- jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni fil-qosor fuq it-transazzjonijiet tagħhom li jinvolvu sustanzi skedati, skond kif ikun meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti.

TITOLI III

MIŻURI TA’ KONTROLL

Artikolu 6

Il-poteri ta’ l-awtoritajiet kompetenti

1. Biex jiżgura l-applikazzjoni tajba ta’ l-Artikoli 2 u 4, kull Stat Membru għandu jadotta, fil-qafas tal-liġi nazzjonali tiegħu, il-miżuri neċessarji biex l-awtoritajiet kompetenti:

(a) jakkwistaw informazzjoni dwar ordnijiet għal sustanzi skedati jew operazzjonijiet li jinvolvu sustanzi skedati;

(b) ikunu jistgħu jidħlu fil-bini tan-negozju ta’ l-operaturi biex jakkwistaw evidenza dwar irregolaritajiet.

TITOLU IV

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 7

Għall-għanijiet biex tiġi applikata din id-Direttiva, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, id-dispozizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1468/81, u b’mod partikolari dawk fuq il-kunfidenzjalità, għandhom japplikaw mutatis mutandis. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-ismijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti appuntati biex iservu bħala korrispondenti skond kif mitlub mill-Artikolu 2 (2) ta’ dak ir-Regolament.

TITOLU V

DISPOZIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 8

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi penali li għandhom jiġu applikati meta jsir xi ksur tad-disposizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, Il-penali għandhom ikunu suffiċjenti biżżejjed biex jippromwovu l-konformità ma’ dawn id-disposizzjonijiet.

Artikolu 9

1. Biex jippermettu l-aġġustamenti neċessarji għall-arranġamenti ta’ sorveljanza ta’ sustanzi skedati, ta’ kull sena l-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza stabbiliti f’din id-Direttiva, b’mod partikolari fejn jidħlu sustanzi wżati għall-manufattura illeċità ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, metodi ta’ devjazzjoni u manufattura illeċita.

2. Fuq il-bażi tat-tagħrif mgħoddi skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 12(12) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, tagħmel rapport annwali li għandu jiġi sottomess lill-Bord Internazzjonali tal-Kontroll Narkotiku.

Artikolu 10

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 3677/90. Il-Kumitat għandu jeżamina kull ħaġa marbuta mall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li tkun tqajmet mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva personali tiegħu jew inkella fuq it-talba ta’ rappreżentant ta’ xi Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abozz tal-miżuri li jkunu se jittieħdu. Il-Kumitat għandu jibgħat l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f’perjodu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-ħaġa. L-opinjoni għandha tinbagħat bil-maġġoranza stabbilità fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat, fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mitlub jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jitqiesu skond kif stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-president ma jkollux dritt għall-vot.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel miżuri li jkunu japplikaw immedjatament. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-ewwel mill-Kummissjoni lill-Kunsill. F’dik l-eventwalità, il-Kummissjoni għandha tiddeferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri deċiżi minnha għal tliet xhur oħra mid-data tal-komunikazzjoni.

Il-Kunsill, li jaħdem fuq il-bażi ta’ maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu ta’ qabel.

3. Il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu segwiti għal:

(a) id-determinazzjoni, fejn meħtieġ, tal-kondizzjonijiet relatati mad-dokumentazzjoni u l-ittikkettjar ta’ taħlit u prodotti magħmula minn sustanzi skedati fil-kategorija 2 ta’ l-Anness I, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 2;

(b) l-emenda ta’ l-Annessi għal din id-Direttiva, f’każijiet fejn it-tabelli ta’ l-Anness għal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jkunu emendati;

(ċ) l-emeda tat-thresholds speċifikata fl-Anness II.

Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-liġijiet, ir-regoli u l-proviżjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 7 u 10 qabel l-1 ta’ Jannar 1993, u ma’ l-Artikoli l-oħra qabel l-1 ta’ Lulju 1993. Huma għandhom jinfurmaw mill-ewwel lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri japplikaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew inkella jkunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir referenza bħal din għandha tkun stabbilità mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar id-disposizzjoniet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kontrollat minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, fl-14 ta’ Diċembru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

N. Lamont

[1] ĠU C 21, tad-29. 1. 1991, p. 17.

[2] ĠU C 25, tat-13. 5. 1992, p. 195; u d-Deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 1992 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 159, tas-17. 6. 1991, p. 58.

[4] ĠU L 57, ta' l-20. 12. 1990, p. 1. Regolament li ġie emendat bir-Regolament (KEE) Nru 900/92 (ĠU L 96, ta' l-10. 4. 1992, p. 1).

[5] ĠU L 44, tat-2. 6. 1981, p. 1. Regolament li ġie emendat bir-Regolament (KEE) Nru 945/87 (ĠU L 90, tat-2. 4. 1987, p. 3).

--------------------------------------------------

ANNESS I

KATEGORIJA 1

Is-salts tas-sustanzi mniżżla f’din il-kategorija kull meta l-eżistenza ta’ salts bħal dawn tkun possibbli.

Sustanza | Kodiċi NM |

Ephedrine | 29394010 |

Ergometrine | 29396010 |

Ergotamine | 29396030 |

Lysergic acid. | 29396050 |

1-phenyl-2-propanone | 29143010 |

Pseudoephedrine | 29394030 |

N-acetylanthranilic acid | 29242950 |

3,4 methylenedloxyphenyl propan-2-one | 29329077 |

KATEGORIJA 2

Is-salts tas-sustanzi mniżżla f’din il-kategorija kull meta l-eżistenza ta’ sustanzi bħal dawn tkun possibbli.

Sustanza | Kodiċi NM |

Acetic anthydride | 29152400 |

Anthranilic acid | ex29224990 |

Phenylacetic acid | 29163300 |

Piperidine | 29333930 |

Isosafrole (cis + trans) | 29329073 |

Piperonal | 29329075 |

Safrole | 29329071 |

KATEGORIJA 3

Sustanza | Kodiċi NM |

Acetone | 29141100 |

Ethyl ether | 29091100 |

Methyl ethyl ketone (MEK) | 29141200 |

Tolouene | 290 230 10/90 |

Potassium permanganate | 28416010 |

Sulphuric acid | 28070010 |

Hydrochloric acid | 28061000 |

--------------------------------------------------

ANNESS II

Sustanza | Għatba |

Acetic anhydride | 20 l |

Anthranilic acid u s-salts tiegħu | 1 kg |

Phenylacteic acid u s-salts tiegħu | 1 kg |

Piperidine u s-salts tiegħu | 0,5 kg |

Isosafrole (cis + trans) | 0 |

Piperonal | 0 |

Safrole | 0 |

--------------------------------------------------