31992L0102



Official Journal L 355 , 05/12/1992 P. 0032 - 0036
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 46 P. 0090
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 46 P. 0090


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE

tas-27 ta’ Novembru 1992

dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Billi l-Artikolu 3 (1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tikkonċerna l-verifiki veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f’ċerti annimali ħajjin u fi prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern [3], jiddikjara li l-annimali għall-kummerċ intra-Komunitarju għandhom jiġu identifikati skond il-ħtiġijiet tar-regoli tal-Komunità u għandhom jiġu rreġistrati b’tali mod li r-razzett jew it-transitu oriġinali, iċ-ċentru jew l-organizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu ntraċċati, u li qabel l-1 ta’ Jannar 1993 dawn is-sistemi ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għandhom ikunu estiżi għaċ-ċaqlieq ta’ l-annimali fit-territorju ta’ kull Stat Membru;

Billi l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li jistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ verifiki veterinarji dwar l-annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE [4], tipprovdi li l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni li għalihom jipprovdi l-Artikolu 3 (1)(ċ) tad-Direttiva 90/425/KEE ta’ l-annimali bħal dawk, għandhom, ħlief fil-każ ta’ annimali għall-qatla u equidae rreġistrati, jitwettqu wara li jkunu saru l-imsemmija verifiki;

Billi l-amministrazzjoni ta’ ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità fil-qasam ta’ l-agrikoltura teħtieġ l-identifikazzjoni indivdwali ta’ ċerti tipi ta’ bhejjem; billi s-sistema ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għandha, għalhekk, tkun addattata għall-applikazzjoni u l-kontroll ta’ dawk il-miżuri;

Billi huwa meħtieġ li jkun assigurat il-bdil rapidu u effiċjenti ta’ tagħrif bejn l-Istati Membri għall-applikazzjoni kif imiss ta’ din id-Direttiva; billi d-disposizzjonijiet tal-Komunità ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta’ Mejju 1981 dwar l-għajnuna komuni bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun assigurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar id-dwana jew dik agrikola [5] u bid-Direttiva tal-Kunsill 89/608/KEE tal-21 ta’ Novembru 1989 dwar l-għajnuna komuni bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun assigurata l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji u żootekniċi [6];

Billi dawk li jrabbu l-annimali għandhom iżommu dettalji aġġornati ta’ l-annimali fl-irziezet tagħhom; billi l-persuni nvoluti fil-kummerċ ta’ l-annimal għandhom iżommu d-dettalji tan-negozji tagħhom; billi l-awtorità kompetenti għandha jkollha aċċess għal dawn ir-reġistri meta hekk titlob;

Billi biex ikun jista’ jiġi ntraċċat malajr u b’mod eżatt iċ-ċaqliq ta’ l-annimali, l-annimali jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġu identifikati; billi l-forma u l-kontenut tal-marka, dwar annimali tal-fart, għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-Komunità; billi, fir-rigward tal-majjali, nagħaġ u mogħoż, għandha tittieħed deċiżjoni f’data aktar tard biex tiġi stabbilita n-natura tal-marka u, sakemm tittieħed dik id-deċiżjoni, is-sistemi nazzjonali ta’ l-identifikazzjoni għandhom jinżammu għaċ-ċaqliq ristrett tas-suq nazzjonali;

Billi għandha ssir disposizzjoni għall-possibbiltà tat-tneħħija tal-ħtiġijiet tal-marki fil-każ ta’ l-annimali li jiċċaqalqu direttament mir-razzett lejn il-biċċerija; billi, iżda, dawn l-annimali għandhom f’kull każ ikunu identifikati sabiex ir-razzett tagħhom ta’ l-oriġini jkun jista’ jiġi ntraċċat;

Billi għandha ssir disposizzjoni għall-possibbiltà tat-tneħħija ta’ l-obbligazzjoni li jiġu reġistrati dawk li jżommu l-annimali għal għanijiet personali u, sabiex jingħata akkont ta’ ċerti każi partikolari, il-proċeduri għaż-żamma tar-reġistri;

Billi fil-każ ta’ l-annimali li l-marka tagħhom ma baqgħatx aktar tinqara jew intilfet, marka ġdida li tkun tippermetti r-rabta mal-marka ta’ qabel li tkun stabbilita għandha tiġi applikata;

Billi din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-ħtiġijiet speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva tal-Kummissjoni 89/153/KEE tat-13 ta’ Frar 1989 li tikkonċerna l-korrelazzjoni ta’ kampjuni meħuda għall-eżami tal-fdal ma’ l-annimali u l-oriġini tar-razzett tagħhom [7] jew kull regoli relevanti stabbiliti bi qbil mad-Direttiva 91/496/KEE;

Billi għandha ssir disposizzjoni għall-proċedura ta’ kumitat ta’ amministrazzjoni għall-adozzjoni ta’ kull regola meħtieġa għall-implimentazzjoni għal din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L- Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali, mingħajr preġudizzju għal regoli aktar iddettaljati tal-Komunità li jistgħu jiġu stabbiliti għall-eradikazzjoni tal-mard jew għall-għanijiet ta’ kontroll.

Għandha tgħodd mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni 89/153/KEE u għar-regoli ta’ l-implimentazzjoni stabbiliti bi qbil mad-Direttiva 91/496/KEE, u wara li jingħata akkont ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta’ Novembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità [8].

L- Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva,

(a) annimal għandha tfisser kull annimal ta’ l-ispeċi li hemm referenza dwarhom fid-Direttivi 64/432/KEE [9] u 91/68/KEE [10];

(b) razzett għandha tfisser kull stabbiliment, kostruzzjoni jew, fil-każ ta’ razzett fil-miftuħ, kull post li fih jinżammu, jitrabbew jew ikunu mmaniġġjati l-annimali;

(ċ) dak li jżomm għandha tfisser kull persuna naturali jew legali responsabbli, wkoll fuq bażi temporanja, għall-annimali;

(d) awtorità kompetenti għandha tfisser l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti li twettaq il-verifiki veterinarji jew kwalunkwe awtorità li lilha tkun ġiet iddelegata dik il-kompetenza għall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni;

(e) kummerċ għandha tfisser kummerċ kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/425/KEE.

L- Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jassigraw li:

(a) l-awtorità kompetenti jkollha lista aġġornata ta’ l-irziezet kollha li jżommu l-annimali koperi b’din id-Direttiva u li jkunu jinsabu fit-territorju tagħha, li tispeċifika l-ispeċi ta’ l-annimali miżmuma u dawk li jżommuhom, li rziezet bħal dawk għandhom jibqgħu fuq l-imsemmija lista sakemm ikunu għaddew tliet snin konsekuttivi li fihom ma jkunu nżammu ebda annimali fir-razzett. Din il-lista għandha tinkludi wkoll il-marka jew il-marki li jippermettu l-identifikazzjoni tar-razzett bi qbil mal-Artikolu 5 (2)(a) u (ċ), it-tieni subparagrafu, u l-paragrafu (3), l-ewwel subparagrafu, u wkoll l-Artikolu 8;

(b) il-Kummissjoni, l-awtorità kompetenti u kull awtorità oħra responsabbli għas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3508/92 jista’ jkollhom aċċess għat-tagħrif kollu miksub permezz ta' din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri jistgħu jkunu awtorizzati bi qbil mal-proċedura stabbilita permezz ta' l-Artikolu 18 tad-Direttiva 90/425/KEE li jeskludu mil-lista fil-paragrafu 1 (a) persuni naturali li ma jżommux aktar minn tliet annimali ta’ l-ispeċi tan-ngħaġ jew tal-mogħoż li dwarhom ma jitolbux laġġju jew, biex jingħata akkont ta’ ċirkostanzi partikolari, majjal wieħed u li huma maħsuba għall-użu jew konsum personali tagħhom, basta li l-annimali bħal dawk ikunu suġġetti għall-kontrolli stabbiliti f’din id-Direttiva qabel kull ċaqlieq.

L- Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

(a) kull min iżomm l-annimali tal-fart jew tar-tazza tal-majjali elenkati fid-Direttiva 64/432/KEE u li jinsabu fil-lista li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 3 (1) (a) iżomm reġistru li jkun juri n-numru ta’ l-annimali miżmuma fir-razzett.

Dan ir-reġistru għandu jinkludi dettalji aġġornati tat-twelid, imwiet, ċaqlieq kollu kemm hu (numru ta’ annimali kkonċernati f’kull operazzjoni ta’ dħul u ħruġ) ta’ l-anqas fuq il-bażi ta’ ċaqlieq aggregat, li jiddikjara kif xieraq l-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom, u d-data ta’ dak iċ-ċaqlieq.

Il-marka ta’ l-identifikazzjoni applikata b’konformità ma’ l-Artikoli 5 u 8 għandha tkun iddikjarata fil-każi kollha.

B'dana kollu, għal annimali ta’ speċi tal-majjali, m’għandux ikun obbligatorju li jkunu inklużi t-twelid u l-imwiet.

Fil-każ ta’ majjali ta’ razza pura jew imħallta, li jiġu mdaħħla fil-ktieb tal-merħla bi qbil mad-Direttiva 88/661/KEE [11], sistema alternattiva ta’ reġistrazzjoni bbażata fuq l-identifikazzjoni individwali li tkun tippermetti li l-annimali li għandhom jiġu identifikati jistgħu jingħarfu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 90/425/KEE jekk tkun toffri garanziji ekwivalenti għal dawk ta’ reġistru;

(b) kull min iżomm nagħaġ jew mogħoż li r-razzett tiegħu jkun elenkat bi qbil mal-Artikolu 3 (1) (a) għandu jżomm reġistru li jkun jinkludi ta’ l-anqas in-numru totali ta’ ngħaġ u mogħoż preżenti fir-razzett kull sena f’data li għandha tiġi stabbilita mill-awtorità kompetenti.

Ir-reġistru għandu jinkludi:

- dikjarazzjoni aġġornata tan-numru tan-ngħaġ u tal-mogħoż nisa ħajjin li jkollhom aktar minn 12-il xahar jew li jkunu welldu, li jkunu preżenti fir-razzett;

- iċ-ċaqlieq (numru ta’ l-annimali konċernati minn kull operazzjoni ta’ dħul jew ħruġ) ta’ ngħaġ u mogħoż fuq mill-anqas il-bażi ta’ ċaqlieq aggregat li jiddikjara skond kif xieraq l-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom, il-marka tagħhom u d-data ta’ dak iċ-ċaqlieq.

2. B'dana kollu, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 90/425/KEE, proċedura ssimplifikata ta’ reġistrazzjoni għandha tkun stabbilita qabel l-1 ta’ Jannar 1993 għall-bufli u qabel l-1 ta’ Ottubru 1994 għan-ngħaġ u l-mogħoż fi transhumance u għall-annimali kollha msemmija hawn fuq miżmuma fuq mergħa komuni jew imrobbija f’reġjuni li huma ġeografikament iżolati.

3. L-Istati Membri għandhom ukoll jassiguraw li:

(a) kull min iżomm l-annimali jipprovdi lill awtorità kompetenti, fuq talba, it-tagħrif kollu li jikkonċerna l-oriġini, l-identifikazzjoni u, fejn xieraq, id-destinazzjoni ta’ l-annimali li kien il-proprjetarju tagħhom, miżmuma, ittrasportati, imqiegħda fis-suq jew maqtula;

(b) kull min iżomm l-annimali li għandhom jiġu mċaqalqa lejn jew minn suq jew ċentru ta’ ġbir jipprovdi dokument li jistabbilixxi d-dettalji ta’ l-annimali nklużi n-numri ta’ l-identifikazzjoni jew tal-marki ta’ xi annimali tal-fart, lejn l-operatur, fis-suq jew fiċ-ċentru ta’ ġbir, li jkun iżomm l-annimali, fuq bażi temporanja.

L-operatur jista’ juża d-dokumenti miksuba bi qbil ma’ l-ewwel subparagrafu biex iwettaq l-obbligazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 (a), it-tielet subparagrafu.

(ċ) ir-reġistri u t-tagħrif ikunu disponibbli fuq ir-razzett u lejn l-awtorità kompetenti, fuq talba, għall-perjodu minimu li għandu jkun stabbilit mill-awtorità kompetenti imma li m’għandux ikun ta’ anqas minn tliet snin.

L- Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prinċipji ġenerali li ġejjin għandhom jiġu rispettati:

(a) il-marki ta’ l-identifikazzjoni għandhom jiġu applikati qabel ma’ l-annimali jħallu r-razzett fejn ikunu twieldu;

(b) ebda marka ma titneħħa jew tinbidel mingħajr il-permess ta’ l-awtorità kompetenti.

Meta marka ma tibqax tinqara jew tkun intilfet, għandha tiġi applikata marka ġdida bi qbil ma’ dan l-Artikolu;

(ċ) dak li jżomm l-annimali għandu jirrekordja kull marka ġdida fir-reġistru li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 4 sabiex tkun stabbilita l-marka preċedenti applikata fuq l-annimal;

(d) il-marka tal-widna li għaliha jipprovdi l-paragrafu 2 (a) għandha tkun approvata mill-awtorità kompetenti u għandha tkun ta’ tip li ma tistax titbagħbas u faċli li tinqara matul il-ħajja ta’ l-annimal. M’għandhiex tkun tista’ terġa tintuża. Għandha tkun tali li tibqa’ fuq l-annimal mingħajr ma tfixkel il-ben essere tiegħu.

2. Għall-annimali tal-fart, l-Istati Membri għandhom jassiguraw illi:

(a) l-annimali kollha elenakati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 64/432/KEE preżenti fir-razzett jiġu identifikati b’marka fil-widna li tkun iġġorr kodiċi alfanumeriku, li m’għandux jeċċedi l-14-il karattru, li jagħmel possibbli li jiġi identifikat l-annimal individwalment flimkien mar-razzett li fih ikun twieled jew, fil-każ ta’ barrin maħsuba għall-ġrajjiet sportivi u kulturali bl-eċċezzjoni ta’ fieri u esibizzjonijiet, minn sistema ta’ identifikazzjoni li toffri garanziji ekwivalenti rikonoxxuti mill-Kummissjoni.

Il-marki tal-widna li hemm referenza dwarhom fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu applikati mhux aktar tard minn disa’ xhur wara d-data ta’ l-adozzjoni, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 90/425/KEE tal-miżuri li jipprovdu għall-identifikazzjoni fl-Istati Membri u r-razzett ta’ l-oriġini.. L-annimali identifikati qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu ta’ disa’ xhur għandhom jiġu mmarkati jew skond is-sistemi nazzjonali li hemm provvediment dwarhom fit-tielet subparagrafu jew bil-marka tal-widna li hemm provvediment dwarha fl-ewwel subparagrafu.

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 90/425/KEE perjodu bħal dak għandu fuq it-talba ta’ Stat Membru, jkun imtawwal sa’ l-1 ta’ Lulju 1994.

B'dana kollu, annimali li jkunu ġew identifikati qabel ma jeskadi l-perjodu ta’ disa’ xhur bi qbil mas-sistemi nazzjonali fis-seħħ u notifikata lill-Kummissjoni, għandhom jibqgħu jkunu s-suġġett ta’ kontroll fuq dak il-bażi;

(b) il-marki ta’ l-identifikazzjoni huma allokati lir-razzett, imqassma u applikati fuq l-annimali bil-mod stabbilit mil-awtorità kompetenti;

(ċ) il-marki ta’ l-identifikazzjoni għandhom jiġu applikati, sa l-aktar tard, fi żmien 30 jum mit-twelid ta’ l-annimal.

Iżda, l-awtorità kompetenti tista’ tiddifferixxi l-applikazzjoni ta’ din il-marka sakemm l-annimal ikun laħaq età massima ta’ sitt xhur, jekk l-annimal ikun, qabel l-età ta’ 30 jum, ingħata minn dak li jżommu marka provviżorja li għandha l-għarfien mill-awtorità kompetenti li tagħmilha possibbli li jiġi identifikat kull annimal mar-razzett fejn ikun twieled, u basta li dawn l-annimali ma jistgħux iħallu r-razzett ħlief għall-qatla f’biċċerija li tkun tinsab fit-territorju ta’ l-awtorità kompetenti li tkun tat l-għarfien għall-marka provviżorja, mingħajr ma jgħaddu minn xi razzett ieħor.

B'dana kollu, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti li għoġġiela tal-vitella maħsuba għall-qatla qabel l-età ta’ sitt xhur u li jiġu mċaqalqa qabel l-eta ta’ 30 jum bi qbil mas-sistema nazzjonali taċ-ċaqlieq, li għandha l-għarfien skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 90/425/KEE, li jipprovdi ta’ l-anqas għall-intraċċar lura għar-razzett ta’ l-oriġini, li jkunu mmarkati fir-razzett tas-simna, basta li l-għoġġiela jkunu ttrasferiti direttament hemmhekk mir-razzett fejn ikunu twieldu u li l-għoġġiela mċaqalqa taħt sistemi bħal dawn ma jkunux eliġibbli għall-laġġju.

3. L-annimali apparti minn annimali tal-fart għandhom ikunu mmarkati kemm jista’ jkun malajr, u f’kull każ qabel ma jħallu r-razzett, b’marka tal-widna jew marka oħra li tagħmilha possibbli li jiġi stabbilit ir-razzett li minnu jkunu ġejjin u li jkunu jippermettu li ssir referenza għal kull dokument li jakkumpanjahom li għandu jsemmi dik il-marka tal-widna jew xi marka oħra u għal-lista li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 3 (1)(a).

L-Istati Membri jistgħu, sakemm tittieħed id-deċiżjoni li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 10 ta’ din id-Deċiżjoni u b’deroga mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3 (1)(c) tad-Direttiva 90/425/KEE, japplikaw is-sistemi nazzjonali tagħhom għaċ-ċaqlieq ta’ l-annimali apparti minn annimali tal-fart għaċ-ċaqlieq kollu ta’ dawk l-annimali fit-territorju tagħhom. Sistemi bħal dawn għandhom ikunu jippermettu li jiġi identifikat ir-razzett minn fejn ikunu ġejjin u r-razzett fejn twieldu. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bis-sistemi li jkollhom il-ħsieb li jintroduċu għal dan il-għan, fl-1 ta’ Lulju 1993 għall-majjali u fl-1 ta’ Lulju 1994 għan-ngħaġ u l-mogħoż. Bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 90/425/KEE, Stat Membru jista’ jitlob li jagħmel emendi għas-sistema tiegħu, meta din ma tkunx konformi mal-ħtieġa li hemm referenza dwarha fit-tieni sentenza.

L-annimali li jġorru marka temporanja li tidentifika konsenja għandhom ikunu akkumpanjati matul iċ-ċaqlieq kollu tagħhom minn dokument li jkun jippermetti li jiġi stabbilit l-oriġini, il-proprjetarju, il-post tat-tluq u tad-destinazzjoni.

B'dana kollu, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza l-moviment tan-ngħaġ u mogħoż mingħajr marki bejn irziezet bl-istess status ta’ saħħa u bl-istess proprjetarju u li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ dik l-awtorità, basta li ċaqlieq bħal dak iseħħ taħt is-sistema nazzjonali li tkun tippermetti li l-annimali jiġu ntraċċati lura għar-razzett li fih ikunu twieldu. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa’ l-1 ta’ Lulju 1994 bis-sistemi li għandhom il-ħsieb li jintroduċu għal dan il-għan. Permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 90/425/KEE, Stat Membru jista’ jitlob biex jemenda din is-sistema meta tonqos li tkun konformi mal-ħtieġa msemmija hawn fuq.

4. Il-punt (e) ta’ l-Artikolu 3 (2) tad-Direttiva 64/432/KEE għandu jaqra:

"(e) li għandu jkun identifikat bi qbil mal-Artikolu 5 ta’ 32. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali [12]."

L- Artikolu 6

1. Meta l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni tiddeċiedi li ma żżommx il-marka ta’ identifikazzjoni allokata lill-annimal fir-razzett ta’ l-oriġini kull nefqa nvoluta bħala riżultat tal-bidla tal-marka għandha tinġarr minn dik l-awtorità. Meta l-marka tkun hekk mibdula, għandha tiġi stabbilita rabta bejn l-identifikazzjoni allokata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-dispaċċ u l-identifikazzjoni l-ġdida allokata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni; dik ir-rabta għandha tkun rekordjata fir-reġistru li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 4.

L-għażla fl-ewwel subparagrafu ma tistax tkun invokata fil-każ ta’ l-annimali intenzjonati għall-qatla li huma importati permezz ta' l-Artikolu 8 li ma jkunux iġorru marka ġdida bi qbil mal-Artikolu 5.

2. Meta l-annimali jkunu ġew innegozjati, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni tista’ għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/425/KEE, jkollha rikors lejn l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/608/KEE sabiex tikseb it-tagħrif li jirrigwardja l-annimali, il-merħla ta’ l-oriġini u kull ċaqlieq li jkunu ġew suġġetti għalih.

L- Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull tagħrif li jirrigwardja ċ-ċaqliq ta’ l-annimali li ma jkunux akkumpanjati biċ-ċertifikat jew bid-dokument meħtieġ mill-leġislazzjoni veterinarja jew żooteknika jibqa’ disponibbli għall-awtorità kompetenti, fuq talba, għall-perjodu minimu li għandu jkun stabbilit minn din ta’ l-aħħar.

L- Artikolu 8

Kull annimal importat minn pajjiż terz li jkun għadda mill-verifiki stabbiliti bid-Direttiva 91/496/KEE u li jibqa’ fit-territorju tal-Komunità għandu, fi żmien 30 jum li jgħaddi mill-imsemmija verifiki, u, f’kull każ, qabel iċ-ċaqlieq tagħhom, jiġu identifikati b’marka li tkun konformi ma’ l-Artikolu 5 sakemm ir-razzett ta’ destinazzjoni ma jkunx biċċerija li tkun tinsab fit-territorju ta’ l-awtorità kompetenti responsabbli għall-verifiki veterinarji u li l-annimal ikun attwalment maqtul fi żmien perjodu ta’ 30 jum.

Għandha tiġi stabbilita rabta bejn l-identifikazzjoni stabbilita mill-pajjiż terz u l-identifikazzjoni allokata lilha mill-pajjiż tad-destinazzjoni. Dik ir-rabta għandha tiġi rrekordjata fir-reġistru li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 4.

L- Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri amministrattivi u/jew penali meħtieġa biex jikkastigaw kull ksur tal-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità, meta jkun stabbilit li l-immarkar jew l-identifikazzjoni jew iż-żamma tar-reġistri li dwarhom hemm provvediment fl-Artikolu 4 ma jkunux twettqu b’konformità mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

L- Artikolu 10

Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1996, waqt li jaġixxi fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni, akkumpanjat minn xi proposta, li fuqha għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill għandu, fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba, jirrevedi d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li tiġi definita sistema armonizzata ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-Komunità u għandu jiddeċiedi dwar il-possibbiltà ta’ l-introduzzjoni ta’ arranġamenti elettroniċi ta’ l-identifikazzjoni fid-dawl tal-progress miksub f’dan il-qasam mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Standardizzazzjoni (ISO).

L- Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva.

- għall-ħtiġijiet dwar annimali tal-fart, sabiex:

(i) l-annimali tal-fart, mill-1 ta’ Frar 1993, jiġu rreġistrati bi qbil mal-proċeduri nazzjonali eżistenti li jkun konformi mal-liġijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 u jiġu identifikati bi qbil mar-regoli eżistenti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 5 (2)(a), it-tieni u t-tielet subparagrafu;

(ii) is-sistemi ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-Komunità stabbiliti b’din id-Direttiva jkunu stabbiliti sa’ mill-1 ta’ Ottubru 1993,

- qabel l-1 ta’ Jannar 1994 għall-ħtiġijiet dwar annimali tar-razza tal-majjali,

- qabel l-1 ta’ Jannar 1995 għall-ħtiġijiet dwar annimali tar-razza tan-ngħaġ u tar-razza tal-mogħoż.

Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn irid ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal dik fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

3. L-iffissar tal-limitu taż-żmien għat-transposizzjoni fil-liġi nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1994 u l-1 ta’ Jannar 1995 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-tneħħija ta’ verifiki veterinarji fuq il-fruntieri kif hemm ipprovdut fid-Direttiva 90/425/KEE.

L- Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 27 ta’ Novembru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Patten

[1] ĠU C 137, 27. 5. 1992, p. 7.

[2] L-Opinjoni mogħtija fid-19 ta’ Novembru 1992 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 224, 18. 8. 1990, p. 29. (L-aħħar emendata bid-Direttiva 91/496/KEE (ĠU L 268, 24. 9. 1991, p. 56).

[4] ĠU L 268, 24. 9. 1991, p. 56. (Emendata bir-Regolament (KEE) Nru 91/628/KEE (ĠU L 340, 11. 12. 1991, p. 17)).

[5] ĠU L 144, 2. 6. 1981, p. 1. (Emendata bir-Regolament (KEE) Nru 945/87 (ĠU L 90, 2. 4. 1987, p. 3)).

[6] ĠU L 351, 2. 12. 1989, p. 34.

[7] ĠU L 59, 2. 3. 1989, p. 33.

[8] Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċċjali.

[9] Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-annimali tal-fart u tar-razza tal-majjali (ĠU L 121, 29. 7. 1991, p. 1977).' L-aħħar emendata bid-Direttiva 91/687/KEE (ĠU L 377, 31. 12. 1991 p. 16)).

[10] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE tat 28 ta’ Jannar 1991 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju f’annimali tar-razza tan-ngħaġ u tar-razza tal-mogħoż (ĠU L 46, 19. 2. 1991, p. 19).

[11] Id-Direttiva tal-Kunsill 88/661/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar in-normi zootekniċi applikabbli għat-trobbija ta’ l-annimali tar-razza tal-majjali (ĠU Nru L 382, 31. 12. 1988, p. 36).

[12] ĠU L 355, 5. 12. 1992, p. 32

--------------------------------------------------