Official Journal L 347 , 28/11/1992 P. 0064 - 0066
Finnish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0115
Swedish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0115
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/101/KEE tat-23 ta' Novembru 1992 li temenda d-Direttiva 77/91/KEE dwar il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata u ż-żamma u l-bdil tal-kapital tagħhom IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 54 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi sabiex jinżamm il-kapital sottoskritt u jiġi żgurat it-trattament indaqs ta' l-azzjonisti, id-Direttiva 77/91/KEE [4] tirrestrinġi d-dritt ta' kumpannija pubblika ta' responsabbiltà limitata li tixtri l-ishma tagħha stess; Billi r-restrizzjonijiet fuq il-kisba minn kumpannija ta' l-ishma tagħha stess japplikaw mhux biss għall-kisbiet magħmula minn kumpannija nfisha iżda wkoll għal dawk magħmula minn kull persuna li taġixxi f'isimha stess imma f'isem il-kumpannija; Billi sabiex kumpannija pubblika ta' responsabbiltà limitata ma titħalliex tuża kumpannija oħra li fiha żżomm il-maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot jew li fuqha tista’ teżerċita influwenza dominanti sabiex tagħmel dawn il-kisbiet mingħajr ma tħares ir-restrizzjonijiet imposti f'dan ir-rigward, l-arranġamenti li jirregolaw kisba minn kumpannija ta' l-ishma tagħha stess għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru l-iktar każijiet importanti u frekwenti tal-kisba ta' l-ishma minn kumpanniji oħra minn dawn; billi dawn l-arranġamenti għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru s-sottoskrizzjoni għall-ishma fil-kumpannija pubblika ta' responsabbiltà limitata; Billi sabiex jiġi pprevenut il-ħrib mid-Direttiva 77/91/KEE, il-kumpanniji rregolati bid-Direttiva 68/151/KEE [5] u l-kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta' pajjiżi terzi u li għandhom forom legali paragunabbli għandhom jiġu rregolati wkoll; Billi, meta r-relazzjoni bejn kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata u kumpannija oħra bħal dik imsemmija fit-tielet parti tkun indiretta biss, ikun jidher iġġustifikat li jiġu llaxkati d-dispożizzjonijiet li japplikaw meta din ir-relazzjoni tkun diretta billi jiġi pprovvdut għas-sospensjoni tal-jeddijiet tal-vot bħala miżura minima sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva; Billi, meta Stat Membru jipprovdi sistema ta' penali ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 77/91K/EE u għas-sopsensjoni tal-jeddijiet tal-vot, jista’ jiġi kkunsidrat li din il-leġislazzjoni diġà tissodisfa l-għanijiet ta' din id-Direttiva; Billi, barra minn hekk, ikun iġġustifikat li jiġu eżentati każijiet li fihom in-natura speċifika tar-regoli ta' attività professjonali teskludi l-possibbiltà li jistgħu jiġu pperikolati l-għanijiet ta' din id-Direttiva; Billi, sabiex jiġi evitat it-tfixkil tas-suq finanzjarju ta' Stat Membru bħala riżultat ta' l-istruttura ekonomika ta' dan il-pajjiż u konsegwenzi li jsiru f'daqqa b'mod eċċessiv rigward ir-regoli għall-awto-regolazzjoni, għandha ssir dispożizzjoni għal perjodu taż-żmien approprjat għall-addattament, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 24 tad-Direttiva 77/91/KEE: "L-Artikolu 24a 1. (a) Is-sottoskrizzjoni, il-kisba jew iż-żamma ta' l-ishma f'kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata minn kumpannija oħra fit-tifsira ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151/KEE li fiha l-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata żżomm direttament jew indirettament il-maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot jew li fuqha hija tista’ teżerċita influwenza dominanti, għandhom jitqiesu bħala li ġew effettwati mill-kumpannija pubblika ta' responsabbiltà limitata nfisha; (b) is-subparagrafu (a) għandu japplika wkoll meta l-kumpannija l-oħra tkun irregolata bil-liġi ta' pajjiż terz u għandha forma legali li tista’ titqabbel ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151/KEE. 2. Madankollu, meta l-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata żżomm il-maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot indirettament jew tista’ teżerċita indirettament influwenza dominanti, l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 jekk huma jipprovdu għas-sospensjoni tal-jeddijiet tal-vot mehmuża ma’ l-ishma fil-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata miżmuma mill-kumpannija l-oħra. 3. Fin-nuqqas tal-kordinament tal-leġislazzjoni nazzjonali fuq gruppi ta' kumpanniji, l-Istati Membri jistgħu: (a) jiddefinixxu l-każijiet li fihom kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata għandha titqies bħala li tkun tista’ teżerċita influwenza dominanti fuq kumpannija oħra; jekk Stat Membru jeżerċita din l-għażla, il-liġi nazzjonali tiegħu għandha f'kull każ tipprovdi illi influwenza dominanti tista’ tiġi eżerċitata jekk kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata: - ikollha d-dritt li taħtar jew tneħħi maġġoranza tal-membri ta' l-organu amministrattiv, ta' l-organu tal-ġestjoni jew ta' l-organu tas-sorveljanza, u hija fl-istess ħin azzjonista jew membru tal-kumpannija l-oħra jew - hija azzjonista jew membru tal-kumpannija l-oħra u għandha l-kontroll waħdieni ta' maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot ta' l-azzjonisti jew tal-membri tagħha skond ftehim konkluż ma’ l-azzjonisti jew mal-membri l-oħra ta' din il-kumpannija. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li jagħmlu provvediment għall-ebda każ għajr dawk riferiti fl-ewwel u t-tieni inċiżi; (b) jiddefinixxu l-każijiet li fihom kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata għandha titqies bħala li żżomm indirettament il-jeddijiet tal-vot jew bħala li tista’ teżerċita indirettament influwenza dominanti; (ċ) jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata għandha titqies bħala li żżomm il-jeddijiet tal-vot. 4. (a) L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 meta s-sottoskrizzjoni, il-kisba jew iż-żamma huma effettwati f'isem persuna għajr il-persuna li tissottoskrivi, tikseb jew iżżomm l-ishma, kemm jekk mhix il-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata riferita fil-paragrafu 1 u lanqas jekk kumpannija oħra li fiha l-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata żżomm direttament jew indirettament maġġoranza tal-jeddijiet tal-vot jew li fuqha tista’ teżerċita direttament jew indirettament influwenza dominanti. (b) L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 meta s-sottoskrizzjoni, il-kisba jew iż-żamma huma effettwati mill-kumpannija l-oħra fil-kapaċità tagħha u fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħha bħala negozjant professjonali tat-titoli, sakemm tkun membru ta' borża lokata jew li taħdem ġewwa Stat Membru, jew hija approvata jew issorveljata minn awtorità ta' Stat Membru kompetenti sabiex tissorvelja n-negozjanti professjonali tat-titoli li, fit-tifsira ta' din id-Direttiva, tista’ tinkludi istituzzjonijiet ta' kreditu. 5. L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 meta l-ishma f'kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata miżmuma minn kumpannija oħra jkunu ġew miksuba qabel ir-relazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji tkun ikkorrispondiet mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. Madankollu, il-jeddijiet tal-vot mehmuża ma’ dawn l-ishma għandhom jiġu sospiżi u l-ishma għandhom jittieħdu f’ kunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit jekk tkunx twettqet il-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 19(1)(b). 6. L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw l-Artikolu 20(2) jew (3) jew l-Artikolu 21 meta l-ishma f'kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata jiġu miksuba minn kumpannija oħra bil-kondizzjoni li huma jipprovdu: (a) is-sopensjoni tal-jeddijiet tal-vot mehmuża ma’ l-ishma fil-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata miżmuma mill-kumpannija l-oħra, u (b) il-membri ta' l-organu amministrattiv jew tal-ġestjoni tal-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata jkunu obbligati li jixtru lura mill-kumpannija l-oħra l-ishma riferiti fl-Artikolu 20(2) u (3) u l-Artikolu 21 għall-prezz li bih kienet kisbithom il-kumpannija l-oħra; din is-sanzjoni ma għandhiex tapplika biss meta l-membri ta' l-organu amministrattiv jew tal-ġestjoni tal-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata jippruvaw li din il-kumpannija ma ħadet l-ebda sehem fis-sottoskrizzjoni jew il-kisba ta' l-ishma fil-kwistjoni." Artikolu 2 1. L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw l-Artikolu 24a tad-Direttiva 77/91/KEE għall-ishma miksuba qabel id-data riferitaa fl-Artikolu 3(2). Madankollu, il-jeddijiet tal-vot mehmuża ma’ dawn l-ishma għandhom jiġu sospiżi u l-ishma għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit jekk twettqitx il-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 19(1)(b) ta' l-istess Direttiva. 2. Sabiex jiġi evitat it-tfixkil fis-suq finanzjarju, ir-Renju tal-Belġju jista’ jippostponi s-sospensjoni ta' dawn il-jeddijiet tal-vot sa l-1 ta' Jannar 1998 bil-kondizzjoni li: - jkunu mehmuża ma’ l-ishma miksuba qabel in-notifika ta' din id-Direttiva u, - għall-kumpanniji kollha li r-relazzjoni tagħhom ma’ kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24a (1) ta' Direttiva 77/91/KEE, ma jabżux l-10 % tal-jeddijiet tal-vot mehmuża ma’ l-ishma fil-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata. Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw qabel l-1 ta' Jannar 1994 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih. 2. Id-data tad-dħul fis-seħħ li fiha l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhiex tkun iktar tard mill-1 ta' Jannar 1995. 3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp irregolat b'din id-Direttiva. 4. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Diretiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-mod li bih għandha ssir din ir-referenza għandha għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Novembru 1992. Għall-Kunsill Il-President N. Lamont [1] ĠU C 8, ta' l-1.12.1991, p. 5 uĠU C 317, tas-7.12.1991, p. 13. [2] ĠU C 240, tas-16.9.1991, p. 103 u d-Deciżjoni tat-28 ta' Ottubru 1992 (għandha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU C 269, ta' l-14. 10, 1991, p. 21. [4] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 1. Direttiva l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' Spanja u l-Portugall. [5] ĠU L 65, ta' l-14.3.1968, p. 8. --------------------------------------------------