31992L0085



Official Journal L 348 , 28/11/1992 P. 0001 - 0008
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 6 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 6 P. 0003


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE

tad-19 ta' Ottubru 1992

dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

IL-Kunsill TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a,

Wara li ħadet nota tal-proposta mill-Kummissjoni, mfassla wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurta', l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol [1],

B'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2]

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' direttivi, rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi inkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva ma tiġġustifikax tnaqqis fil-livelli ta' protezzjoni digà miksuba fl-Istati Membri individwali, u billi l-Istati Membri huma marbuta, taħt it-Trattat, li jinkoraġġixxu titjib f' dan is-settur u li jarmoniżżaw il-kondizzjonijiet waqt li jitħares it-titjib li jkun sar;

Billi, skond it-termini ta' l-Artikolu 118a tat-Trattat, id-Direttivi msemmija għandhom jevitaw li jimponu rbit amministrattiv, finanzjaru u legali b'tali mod li jista' jżomm lura il-ħolqien u l-izvilupp ta' mpriżi zgħar u medji;

Billi, skond id-Decizjoni 74/325/KEE [4], kif l-aħħar emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l− 1985, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol hu kkonsultat mill-Kummissjoni li tabbozza proposti f'dan is-settur;

Billi l-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet fundamentali soċjali tal-ħaddiema adottata fil-Kunsill Ewropew ta' Strasbourg fid-9 ta' Diċembru 1989 mill-Kapijiet ta' l-Istat u l-Gvernijiet ta' 11-il Stat Membru, tistabbilixxi fil-paragrafu 19, b'mod partikolari, li:

"Kull ħaddiem għandu jgawdi kondizzjonijiet sodisfaċenti tas-saħħa u s-sigurtà fl-ambjent tax-xogħol tiegħu. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa sabiex tinkiseb iktar l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet f'dan is-settur waqt li jinħares it-titjib li jkun sar";

Billi l-Kummissjoni, fil-programm ta' azzjoni tagħha għall-implementazzjoni tal-Karta Komunitarja tad-drittijiet fundamentali soċjali tal-ħaddiema, inkludiet fl-iskopjiet tagħha l-adozzjoni mill-Kunsill ta' Direttiva dwar il-protezzjoni tan-nisa tqal fuq il-post tax-xogħol;

Billi l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurta' u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol [5] jipprovdi li gruppi partikolarment sensittivi għar-riskju għandhom ikunu protetti mill-perikli li jaffettwawhom b'mod speċifiku;

Billi ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala grupp ta' riskju speċifiku taħt ħafna aspetti, u jridu jittieħdu miżuri fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom;

Billi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m'għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

Billi xi attivitajiet jistgħu jkunu ta' riskju speċifiku għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew ħaddiema li qed ireddgħu, għax jesponuhom għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol perikolużi; billi dawn ir-riskji għandhom għalhekk jiġu stmati, u r-riżultat ta' din l-istima kkomunikat lill-ħaddiema nisa u/jew lir-rappreżentanti tagħhom;

Billi, barra minn hekk, jekk ir-riżultat ta' din l-istima jirrivela l-eżistenza ta' xi riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa ta' ħaddiema mara, għandu jsir provvediment għall-protezzjoni ta' dawn il-ħaddiema;

Billi l-ħaddiema tqal u l-ħaddiema li qed ireddgħu m'għandhomx jagħmlu attivitajiet li jkunu ġew stmati li għandhom riskju ta' espożizzjoni, li jhedded is-sigurta' u s-saħħa, minn ċerti aġenti jew kondizzjonijiet tax-xogħol partikolarment perikolużi;

Billi għandu jsir provvediment għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu biex dawn ma jkunux meħtieġa jaħdmu bil-lejl meta dan il-provvediment ikun neċessarju għas-sigurta' u s-saħħa tagħhom;

Billi l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu tirrendi neċessarju għalihom li jingħataw id-dritt ta' leave tal-maternità ta' mill-inqas 14-il ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u jirrendi neċessarju n-natura obbligatorja tal-leave tal-maternità għal mill-inqas ġimagħtejn, allokati qabel u/jew wara l-ħlas;

Billi r-riskju ta' tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom jista' jkollu effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu; billi għandha ssir dispożizzjoni biex tiġi pprojbita din it-tkeċċija;

Billi l-miżuri għall-organizzazzjoni tax-xogħol li jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa ta' ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien ta' drittijiet annessi mal-kuntratt ta' l-impjieg, inkluż li jibqa' jsir il-ħlas u/jew l-intitolament għal allowance adegwata;

Billi, barra minn hekk, il-provvediment ta' leave tal-maternità ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien tad-drittijiet marbuta mal-kuntratt ta' l-impjieg u/jew drittijiet għal allowance adegwata;

Billi l-kunċett ta' allowance adegwata fil-każ tal-leave tal-maternità għandu jitqies bħala punt tekniku ta' referenza biex jiġi ffissat il-livell minimu ta' protezzjoni u m'għandu qatt jiġi interpretat li t-tqala u l-mard huma analogi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA

IT-TAQSIMA I

SKOP U TIFSIRIET

L-Artikolu 1

Skop

1. L-iskop ta' din id-Direttiva, li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta' ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.

2. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE, ħlief għall-Artikolu 2(2) tagħha, għandhom japplikaw kollha fl-intier tagħhom għas-settur kollu li jaqa' taħt paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva.

3. Din id-Direttiva ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas il-livell ta' protezzjoni mogħtija lil ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu, meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti f'kull Stat Membru fid-data meta tiġi adottata din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Tifisiriet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

(b) ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

(ċ) ħaddiema li qiegħda tredda'tfisser ħaddiema li qiegħda tredda' fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

IT-TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 3

Linji ta' Gwida

1. Wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u megħjuna mill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kummissjoni trid tfassal linji ta' gwida dwar l-istima ta' l-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurta' jew għas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens ta'l-Artikolu 2.

Il-linji ta' gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ukoll ikopru movimenti u qagħdiet, għeja fiżika u mentali u tipi oħra ta' stress fiżiku u mentali konness max-xogħol imwettaq minn ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2.

2. L-għan tal-linji ta' gwida msemmija fil-paragrafu 1 huwa li jservu bħala bażi għall-istima mesmmija fl-Artikolu 4(1).

Għal dan l-iskop l-Istati Membri għandhom iġibu dawn il-linji ta' gwida għall-attenzjoni ta' kull min iħaddem u l-ħaddiema nisa kollha u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-Istati Membri rispettivi.

L-Artikolu 4

Stima u Informazzjoni

1. Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta' espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta' l-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE, sabiex:

- issir stima ta' kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2,

- jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 u ħaddiema li x'aktarx ikunu f'xi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fl-impriża u/jew stabbiliment konċernat u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu infurmati bir-riżultati ta' l-istima msemmija fil-paragrafu 1 u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

L-Artikolu 5

Azzjoni wara r-riżultati ta' l-istima

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE, jekk ir-riżultati ta' l-istima msemmija fl-Artikolu 4(1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta' ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta' dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat.

2. Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.

3. Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.

4. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-każ meta ħaddiema li qed tagħmel attività projbita skond l-Artikolu 6 toħroġ tqila jew tibda tredda' u tinforma lil min iħaddimha dwar dan.

L-Artikolu 6

Sitwazzjonijiet fejn hi pprojbita l-espożizzjoni

Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ħaddiema, partikolarment dawk relatati mal-limiti għal espożizzjoni fuq ix-xogħol:

1. ħaddiema tqal fis-sens ta' l-Artikolu 2(a) ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirijiet li għalihom l-stima irrivelat riskju ta' espożizzjoni, li tista' thedded is-sigurtà jew saħħa, għal aġenti u kondizzjonijiet fuq xogħol elenkati fl-Anness II, it-Taqsima A;

2. ħaddiema li qegħdin ireddgħu fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ), ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirjiet li dwarhom l-stima irrivelat risku ta' espożizzjoni, li tista' thedded is-sigurtà jew saħħa, għall-aġenti u l-kondizzjonijiet tax-xogħol mniżżla fl-Anness II, it-Taqsima B.

L-Artikolu 7

Ix-Xogħol ta' bil-Lejl

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux imġiegħla li jagħmlu xogħol ta' bil-lejl waqt it-tqala tagħhom u għal żmien wara t-twelid li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti għas-sigurtà u s-saħħa, soġġett għas-sottomissjoni, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri, għal test mediku li jiddikjara li dan huwa neċessarju għas-sigurtà jew is-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata.

2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-possibilità, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, li:

(a) taqleb għal xogħol bi nhar; jew

(b) ikun hemm leave mix-xogħol jew estensjoni tal-leave tal-maternità meta dan it-trasferiment mhux teknikament u/jew oġġettivament possibbli u ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati.

L-Artikolu 8

Leave tal-Maternità

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta' leave tal-maternità ta' mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2. Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta' mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

L-Artikolu 9

Dispensa għal eżamijiet ta' qabel it-twelid

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li ħaddiema tqal fis-sens ta'l-Artikolu 2(a) ikunu ntitolati li, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, jkollhom dispensa mix-xogħol, mingħajr telf ta' paga, sabiex jattendu għal eżamijiet ta' qabel it-twelid, jekk dawn l-eżamijiet għandhom isiru waqt il-ħin tax-xogħol.

L-Artikolu 10

Il-Projbizzjoni ta' Tkeċċija

Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

1. l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta' ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorita' kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

2. jekk ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta' tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1.

L-Artikolu 11

Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta' l-impjieg

Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta' l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f' dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

1. fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta' impjieg relatati mal-kuntratt ta' l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta' ħlas ta', u/jew l-intitolament għal benefiċċju adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

2. fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

(a) id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta' l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f'punt (b) hawn taħt;

(b) il-manteniment ta' ħlas ta', u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2;

3. l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta' saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;

4. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta' eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali.

Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta' impjieg preċedenti iktar minn12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.

L-Artikolu 12

Il-Ħarsien tad-Drittijiet

L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju (u/jew skond liġijiet jew prattika nazzjonali) billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra.

L-Artikolu 13

Emendi għall-Annessi

1. Aġġustamenti strettament tekniċi li jsiru lill-Anness I bħala riżultat ta' progress tekniku, tibdiliet f'regolamenti jew speċifikazzjonijiet internazzjonali u tagħrif ġdid fis-settur li jaqa' taħt din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċecura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

2. L-Anness II jista' jiġi emendat biss skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 118a tat-Trattat.

L-Artikolu 14

Dispożizzjonijiet Finali

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrativi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tagħha jew jiżguraw li, mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, iż-żewġ partijiet ta' l-industrija jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim kollettiv, u l-Istati Membri jkunu obbligati li jagħmlu d-dispożizzjonijiet neċessarji kollha biex ikunu dejjem garantiti r-riżultati stabbiliti minn din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn iridu jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet essenzjali tal-liġi nazzjonali li jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fis-settur irregolat minn din id-Direttiva.

4. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implementazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, u jindikaw l-opinjonijiet taż-żewġ naħat ta' l-industrija.

Madanakollu, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw għall-ewwel darba lill-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, u jindikaw l-opinjonijiet taż-żewġ naħat ta'l-industrija, erba' snin wara l-adozzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Protezzjoni tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

5. Il-Kummissjoni għandha perijodikament tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Eknomiku u Soċjali rapport dwar l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva, kont tenut tal-paragrafi 1, 2 and 3.

6. Il-Kunsill jerġa' jeżamina din id-Direttiva, a bażi ta' stima mwettqa a bażi tar-rapporti msemmija fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 4 u, jekk ikun hemm ħtieġa, ta' proposta, li tiġi sottomessa mill-Kumissjoni mhux aktar tard minn ħames snin wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-19 ta' Ottubru 1992

Għall-Kunsill

Il-President

D. Curry

[1] ĠU C 281, tad-9.11.1990, p. 3; u GU C 25, ta' l-1.2.1991, p. 9.

[2] ĠU C 19, tat-28.1.1991, p. 177; u ĠU C 150, tal-15.6.1992, p. 99.

[3] ĠU C 41, tat-18.2.1991, p. 29.

[4] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15.

[5] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

LISTA MHUX EŻAWRIJENTI TA' AĠENTI, PROĊESSI U KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL

imsemmija fl-Artikolu 4(1)

A. Aġenti

1. Aġenti fiżiċi fejn dawn huma meqjusa bħala aġenti li jikkawżaw leżjonijiet fil-fetu u/jew li x'aktarx jiddisturbaw attakkament tal-plaċenta, u partikolarment:

(a) taħbit qawwi, vibrazzjonijiet jew ċaqliq

(b) il-ġarr manwali ta' piżijiet li jimplikaw riskji, partikolarment ta' natura dorsolumbari;

(ċ) storbju;

(d) radjazzjoni jonizzanti [1];

(e) radjiazzoni non-jonizzanti;

(f) estremi ta' bard jew sħana;

(g) ċaqliq jew qagħad, ivvjaġġar — jew ġewwa jew barra l-istabbiliment — għeja fiżika jew mentali u piżijiet oħra fiżiċi konnessi ma' l-attivita tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

2. Aġenti Bijoloġiċi

Aġenti bijoloġiċi fil-gruppi ta' riskju 2, 3 u 4 fis-sens ta' l-Artikolu 2(d) in-numri 2, 3 and 4 tad-Direttiva 90/679/KEE [2], inkwantu huwa magħruf illi dawn l-aġenti jew miżuri terapewtiċi meħtieġa minn dawn l-aġenti jpoġġu is-saħħa tan-nisa tqal u tat-tarbija mhux mitwielda fil-perikolu inkwantu għadhom ma jidhrux fl-Anness II.

3. Aġenti Kimiċi

L-aġenti kimiċi li ġejjin inkwantu hu magħruf jpoġġu is-saħħa tan-nisa tqal u tat-tarbija mhux mitwielda fil-perikolu inkwantu għadhom ma jidhrux fl-Anness II:

(a) sustanzi ttikkettati R 40, R 45, R 46, u R 47 taħt id-Direttiva 67/548/KEE [3] inkwantu għadhom ma jidhrux fl-Anness II;

(b) aġenti kimiċi fl-Anness I mad-Directive 90/394/KEE [4];

(ċ) merkurju u derivativi tal-merkurju;

(d) drogi antimitotiċi;

(e) monossidu tal-karbonju;

(f) Aġenti kimiċi li l-assorbiment mill-ġilda huwa magħruf u perikoluż.

B. Proċessi

Proċessi ndustrijali elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 90/394/KEE.

Ċ. Kundizzjonijiet tax-xogħol

Xogħol fil-mini taħt l-art.

[1] Ara Direttiva 80/836/Euratom (ĠU L 246, tas-17.9.1980, p. 1).

[2] ĠU L 374, tal-31.12.1990, p. 1.

[3] ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/517/KEE (ĠU L 287, tad-19.10.1990, p. 1).

[4] ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

LISTA MHUX EŻAWRIJENTI TA' AĠENTI U KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL

imsemmija fl-Artikolu 6

A. Ħaddiema tqal fis-sens ta' l-Artikolu 2(a)

1. Aġenti

(a) Aġenti fiżiċi

Xogħol f'atmosfera iperbarika, p.e. taħt pressjoni, u għadis taħt l-ilma.

(b) Aġenti bijoloġiċi

L-aġenti bijoloġiċi li ġejjin:

- toxoplasma,

- il-virus tar-rubella,

kemm-il darba m'hemmx prova li l-ħaddiema tqal huma protetti kif xieraq kontra dan l-aġent permezz ta' l-immunizzazzjoni.

(ċ) Aġenti kimiċi

Ċomb u derivattivi taċ-ċomb inkwantu dawn l-aġenti jistgħu jiġu assorbiti mill-organiżmu uman.

2. Kundizzjonijiet ta' xogħol;

Xogħol fil-mini taħt l-art.

B. Ħaddiema li qed ireddgħu fis-sens ta' l-Artikolu 2(ċ)

1. Aġenti

(a) Aġenti kimiċi

Ċomb u derivattivi taċ-ċomb inkwantu dawn l-aġenti jistgħu jiġu assorbiti mill-organiżmu uman.

2. Kundizzjonijiet ta' xogħol

Xogħol fil-mini taħt l-art.

--------------------------------------------------