31992L0075



Official Journal L 297 , 13/10/1992 P. 0016 - 0019
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 23 P. 0195
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 23 P. 0195


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE

tat-22 ta’ Settembru 1992

dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ittikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta’ l-enerġija u riżorsi oħra skond l-apparat tad-dar

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi għandhom jittieħdu miżuri b’mod progressiv sabiex is-suq komuni jintlaħaq sal-31 ta’ Diċembru 1992;

Billi ċerti Stati Membri diġà għandhom l-iskemi volontarji tagħhom għall-ittikkettjar ta’ enerġija u għall-provvediment ta’ informazzjoni oħra dwar il-konsum ta’ enerġija għal apparat tad-dar; billi Stat Membru ppropona formalment li jintroduċi l-iskema obbligatorja ta’ ttikkettjar tiegħu stess, u Stati Membri oħra qegħdin jikkunsidraw din l-introduzzjoni; billi l-eżistenza ta’ numru ta’ skemi nazzjonali obbligatorji toħloq ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju;

Billi l-Artikolu 130r tat-Trattat jeħtieġ l-utilizzazzjoni prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali; billi l-użu razzjonali ta’ l-enerġija huwa wieħed mill-metodi prinċipali li bihom jista’ jintlaħaq dan l-għan u jitnaqqas it-tniġġis ambjentali;

Billi l-provvediment ta’ informazzjoni preċiża, relevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija ta’ apparat tad-dar tista’ tinfluwenza l-għażla tal-pubbliku favur dak l-apparat li jikkonsuma inqas enerġija, u b’hekk tħeġġeġ lill-fabbrikanti jieħdu passi biex inaqqsu l-konsum ta’ l-apparat li jiffabbrikaw huma; billi, indirettament, din tinkoraġġixxi wkoll l-użu effiċjenti ta’ dan l-apparat; billi, fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-ħidma tal-forzi tas-suq waħidha tonqos milli tippromwovi l-użu razzjonali ta’ l-enerġija għal dak l-apparat;

Billi l-informazzjoni tilgħab rwol importanti fil-ħidma tal-forzi tas-suq u huwa għalhekk neċessarju li tiġi introdotta tikketta uniformi għall-apparat kollu ta’ l-istess tip, sabiex ix-xerrejja potenzjali jiġu pprovduti b’informazzjoni supplimentari standard dwar l-ispejjeż ta’ dak l-apparat f’termini ta’ enerġija u l-konsum ta’ riżorsi oħra u sabiex jittieħdu miżuri sabiex jiżguraw li xerrejja potenzjali li ma jarawx l-apparat muri, u għalhekk li ma għandhomx l-opportunità jaraw it-tikketta, huma wkoll jiġu fornuti b’din l-informazzjoni;

Billi għal dan il-għan il-konsum ta’ l-enerġija ta’ u informazzjoni oħra dwar kull tip ta’ apparat għandu jitkejjel skond standards u metodi armonizzati u l-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards u metodi għandha tiġi kkontrollata fil-fażijiet kollha ta’ marketing;

Billi d-Direttiva 79/530/KEE [4] fittxet li tippromwovi dawn l-għanijiet fil-każ ta’ apparat tad-dar; billi, iżda, ġiet adottata Direttiva ta’ implimentazzjoni waħda biss dwar fornijiet ta’ l-elettriku u ftit Stati Membri ntroduċew din it-tikketta; billi għalhekk, issa huwa neċessarju li wieħed jitgħallem mill-esperjenza miksuba u li jissaħħu d-diposizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva; billi d-Direttiva 79/530/KEE għandha għalhekk tiġi sostitwita u d-Direttiva 79/531/KEE [5] li tapplika għal dawk il-fornijiet ta’ l-elettriku għandha tiġi riveduta u sussegwentament integrata fl-iskema preżenti;

Billi skema volontarja għal kollox twassal sabiex ftit apparat jibda jiġi ttikkettjat, jew fornuti b’informazzjoni standard dwar il-prodott, bir-riskju li dan jista’ jisgwida lil xi konsumaturi; billi l-iskema preżenti trid għalhekk tiżgura li, il-konsum ta’ l-enerġija jkun indikat b’tikketta għall-apparat kollu konċernat u jiġu pprovduti fiches standard tal-prodott;

Billi apparat tad-dar jużaw firxa wiesa’ ta’ forom ta’ enerġija, fejn l-elettriku u l-gas jkunu l-aktar importanti; billi din id-Direttiva għandha għalhekk fil-prinċipju tkopri apparat li juża kull tip ta’ enerġija;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 86/594/KEE ta’ l-1 ta’ Diċembru 1986 dwar ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat tad-dar [6] tipprovdi għal indikazzjoni ta’ ħruġ ta’ ħoss li għandu jiġi inkluż fuq tikketti ta’ l-enerġija, fejn xieraq; billi għandha ssir dispożizzjoni għall-inkorporazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra u ttikkettjar ieħor kopert bi skemi tal-Komunità;

Billi dak it-tip ta’ apparat biss li l-użu ta’ l-enerġija totali tiegħu huwa sinifikanti u li joffri biżżejjed possibilitajiet adekwati għal żieda fl-effiċjenza għandu jiġi inkluż,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jippermetti l-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar il-pubblikazzjoni, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ittikkettjar u b’informazzjoni dwar il-prodott, b’ informazzjoni dwar il-konsum ta’ enerġija u dwar riżorsi essenzjali oħra, u b’informazzjoni addizjonali dwar ċertu tip ta’ apparat tad-dar, u b’hekk tħalli lill-konsumaturi jagħżlu apparat aktar effiċjenti fl-enerġija. Din id-Direttiva għandha tapplika għal dan it-tip ta’ apparat tad-dar anke meta dan jinbiegħ għal użu li mhuwiex fid-dar:

- refriġeraturi, freezers u l-kombinazzjoni tagħhom,

- magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni li jnixxfu l-ħwejjeġ u l-kombinazzjoni tagħhom,

- magni tal-ħasil tal-platti,

- fran,

- heaters ta’ l-ilma u apparat li jaħżnu l-ilma sħun,

- sorsi ta’ dawl,

- tagħmir ta’ arja kondizzjonata.

2. Jistgħu jiġu miżjuda tipi oħra ta’ apparat tad-dar mal-lista f’dan l-Artikolu skond l-Artikolu 9(b).

3. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għar-rating plate jew l-ekwivalenti tiegħu mwaħħal għal raġunijiet ta’ sigurtà ma’ dan l-apparat.

4. Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

negozjant : ifisser bejjiegħ bl-imnut jew persuna oħra li tbigħ, tikri, toffri għal xiri bin-nifs jew turi apparat tad-dar lill-konsumaturi finali,

fornitur : ifisser il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fil-Komunità jew il-persuna li tpoġġi l-prodott fis-suq tal-Komunità,

folja : ta’ informazzjoni tfisser tabella standard ta’ informazzjoni dwar l-apparat msemmi,

riżorsi essenzjali oħra tfisser : ilma, sostanzi kimiċi jew kwalunkwe sostanza oħra kkonsumata minn apparat f’użu normali,

informazzjoni supplimentari : tfisser informazzjoni oħra dwar l-operat ta’ apparat, li għandha x’taqsam ma’, jew tgħin fl-evalwazzjoni, ta’ l-użu ta’ l-enerġija jew riżorsi essenzjali oħra.

5. Ma għandu jkun hemm ebda obbligu għal ittikkettjar jew sabiex jiġu pprovduti fiches għal mudelli ta’ apparat li l-produzzjoni tagħhom tkun waqfet qabel ma’ d-direttiva implimentattiva relevanti tkun daħlet fis-seħħ, jew għal apparat second-hand.

Artikolu 2

1. Informazzjoni dwar il-konsum ta’ l-enerġija elettrika, forom oħra ta’ enerġija u riżorsi essenzjali oħra u informazzjoni supplimentari għandha tinġieb għall-attenzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ fiche u tikketta dwar apparat tad-dar offrut għall-bejgħ, kiri, xiri bin-nifs jew murija lill-konsumaturi finali.

2. Id-dettalji dwar it-tikketta u l-fiche għandhom jiġu definiti b’direttivi li għandhom x’jaqsmu ma’ kull tip ta’ apparat adottat skond din id-Direttiva bi qbil ma’ l-Artikolu 9.

3. Għandha tiġi stabbilita dokumentazzjoni teknika li għandha tkun biżżejjed sabiex tippermetti li tiġi stmata l-preċiżjoni ta’ l-informazzjoni li jkun hemm fit-tikketta u l-fiche. Tinkludi:

- deskrizzjoni ġenerali tal-prodott,

- ir-riżultati tal-kalkolazzjonijiet tad-disinn mwettqa, fejn dawn huma relevanti,

- rapporti tat-testijiet, fejn disponibbli, inklużi dawk li jsiru minn organizzazzjonijiet relevanti notifikati kif definiti taħt leġislazzjoni oħra tal-Komunità;

- fejn jiġu miġbura valuri minn dawk miksubin għal mudelli simili, l-istess informazzjoni għal dawn il-mudelli.

4. Il-fornitur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-paragrafu 3. Għal dan il-għan jista’ juża dokumentazzjoni diġà meħtieġa fuq il-bażi ta’ leġislazzjoni relevanti tal-Komunità. Il-fornitur għandu jagħmel disponibbli din l-informazzjoni għal għanijiet ta’ spezzjoni għal perjodu li jispiċċa ħames snin wara li jkun ġie ffabbrikat l-aħħar prodott.

Artikolu 3

1. Il-fornituri kollha li jqiegħdu l-apparat tad-dar speċifikati fid-Direttivi implimentattivi fis-suq għandhom jipprovdu tikketta skond din id-Direttiva. It-tikketti wżati f’kull aspett għandhom jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u mad-Direttivi implimentattivi.

2. Barra mit-tikketti, il-fornituri għandhom jipprovdu fiche tal-prodott. Din il-fiche għandha tkun tinsab fil-brochures kollha tal-prodotti. Fejn dawn ma jiġux ipprovduti mill-fornitur, huwa għandu jipprovdi fiches ma’ letteratura oħra pprovduta ma’ l-apparat. Il-fiches wżati għandhom jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u mad-Direttivi implimentattivi f’kull aspett.

3. Il-fornituri għandhom ikunu responsabbli għall-preċiżjoni tat-tikketti u tal-fiches li huma jipprovdu.

4. Il-fornitur għandu jitqies li jkun ta l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ l-informazzjoni mogħtija fuq it-tikketta jew fuq il-fiche.

Artikolu 4

Fir-rigward ta’ l-ittikkettjar u l-informazzjoni dwar il-prodott, għandhom japplikaw dawn id- dispożizzjonijiet:

(a) kull meta jintwera apparat speċifikat f’Direttiva implimentattiva, in-negozjanti għandhom iwaħħlu tabella xierqa, f’pożizzjoni li tidher sewwa speċifikata fid-Direttiva implimentattiva relevanti, u fil-verżjoni tal-lingwa relevanti;

(b) il-fornitur għandu jforni it-tikketti neċessarji bla ħlas, lin-negozjanti msemmija fil-paragrafu (a). Il-fornituri huma liberi li jagħżlu s-sistema tagħhom għal tqassim ta’ tikketti. Iżda, meta negozjant jibgħat talba għal tikketti, il-fornitur għandu jiżgura li t-tikketti mitluba jiġu mqassma immedjatament.

Artikolu 5

Fejn l-apparat relevanti jiġi offrut għall-bejgħ, kiri jew xiri bin-nifs b’mail order, b’katalogu, jew b’mezzi oħra li bihom, il-konsumatur potenzjali ma jkunx jista’ jara l-apparat muri, id-direttivi implimentattivi għandhom jagħmlu dispożizzjoni biex jiżguraw li l-konsumaturi jiġu pprovduti b’informazzjoni essenzjali speċifikata fuq it-tikketta jew fiche qabel jixtru l-apparat.

Artikolu 6

Id-Direttivi implimentattivi għandhom jagħmlu dispożizzjoni għall-inklużjoni fuq it-tikketta jew fuq il-fiche ta’ informazzjoni dwar il-ħoss miġrur, fejn din l-informazzjoni tiġi pprovduta skond id-Direttiva 86/594/KEE u ta’ informazzjoni pubblika oħra dwar l-appliance relevanti, li tiġi pprovduta bi qbil ma’ leġislazzjoni oħra tal-Komunità.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li:

(a) il-fornituri u n-negozjanti kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva;

(b) jekk dan jista’ jħawwad jew jisgwida, il-wiri ta’ tikketti, marki, simboli jew iskrizzjonijiet oħra dwar il-konsum ta’ l-enerġija li ma jikkonformax mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u tad-direttivi implimentattivi relevanti mhuwiex permess. Din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għal skemi ta’ ittikkettjar tal-Komunità jew ta’ ambjent nazzjonali;

(ċ) l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tikketti u fiches dwar il-konsum ta’ enerġija hija akkumpanjata b’kampanja ta’ informazzjoni edukattiva u promozzjonali li l-għan tagħha tkun li tinkoraġġixxi użu ta’ enerġija aktar responsabbli minn konsumaturi privati.

Artikolu 8

1. Fejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ Direttivi implimentattivi jiġu osservati, l-Istati Membri la għandhom jipprojbixxu u lanqas għandhom jirrestrinġu it-tqegħid fis-suq ta’ apparat tad-dar koperti b’Direttiva implimentattiva.

2. Sakemm ikollhom evidenza li turi kontra, l-Istati Membri għandhom iqisu t-tikketti u l-fiches bħala li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u Direttivi implimentattivi. Jistgħu jeħtieġu lill-fornituri sabiex jagħtu evidenza fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(3) dwar il-preċiżjoni ta’ l-informazzjoni fornuta fuq it-tikketti jew fiches tagħhom meta jkollhom raġuni għaliex jissuspettaw li dawn mhumiex korretti.

Artikolu 9

Il-miżuri dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ l-iskema għandhom jiġu adottati u addattati għall-progress tekniku bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10. Dawn il-miżuri huma:

(a) id-direttivi ta’ implimentazzjoni;

(b) iż-żjieda ta’ iktar apparat tad-dar fil-lista fl-Artikolu 1(1) fejn x’aktarx jistgħu jiffrankaw ammont sinifikanti ta’ enerġija.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u ppresedut mir- rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien li l-President jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata skond il-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat tal-KEE f’każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-kumitat għandhom jiġu peżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba mhumiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni mingħajr dewmien, għandha tipperżenta proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, fit-tmiem ta’ tlett xhur mid-data ta’ referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ikun għadu ma ħax azzjoni, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, għajr meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra dawn il-miżuri, b’maġġoranza sempliċi.

Artikolu 11

Wara li jiskadi l-perjodu ta’ tlett snin, mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima ta’ l-implimentazzjoni tagħha u r-riżultati miksuba. L-istima għandha tkun is-suġġett ta’ rapport li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 12

Id-Direttivi ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw:

(a) id-definizzjoni eżatta tat- tip ta’ apparat li għandhom jiġu inklużi;

(b) l-istandards u l-metodi ta’ qisien li għandhom jintużaw biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1);

(ċ) dettalji ta’ dokumentazzjoni teknika meħtieġa taħt l-Artikolu 2(3);

(d) id-disinn u l-kontenut tat-tikketta msemmija fl-Artikolu 2, li kemm jista’ jkun għandu jkollha karatteristiċi ta’ disinn uniformi;

(e) il-post fejn għandha titwaħħal it-tikketta ma’ l-instrument. Fejn xieraq jistgħu jipprovdu sabiex it-tikketta titwaħħal jew tiġi stampata fuq l-ippakkjar;

(f) il-kontenut u fejn xieraq il-format u dettalji oħra dwar il- fiche jew informazzjoni oħra speċifikata fl-Artikolu 3(2). L-informazzjoni fuq it-tikketta għandha tiġi inkluża wkoll fuq il-fiche;

(g) l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-każ ta’ offerti għall-bejgħ koperti bl-Artikolu 5, u l-mod kif din għandha tiġi pprovduta.

Artikolu 13

Id-Direttiva 79/530/KEE hija b’dan il-mezz irrevokata, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994.

Id-Direttiva 79/531/KEE għandha tiġi meqjusa bħala li timplimenta din id-Direttiva għal fran ta’ l-elettriku; iżda l-Istati Membri jistgħu jibqgħu lura mill-introduzzjoni obbligatorja tagħha, sa data stabbilita f’direttiva ta’ implimentazzjoni riveduta dwar fran li għaddew bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10.

Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Lulju 1993. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri.

Huma għandhom idaħħlu fis-seħħ dawn id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1994.

2. Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif għandha ssir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Settembru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Needham

[1] ĠU Ċ 235, 10.9.1991, p. 5.

[2] ĠU Ċ 125, 18.5.1992, p. 172 uĠU Ċ 241, 21.9.1992.

[3] ĠU Ċ 49, 24.2.1992, p. 32.

[4] ĠU L 145, 13.6.1979, p. 1.

[5] ĠU L 145, 13.6.1979, p. 7.

[6] ĠU L 344, 6.12.1986, p. 24.

--------------------------------------------------