Official Journal L 209 , 24/07/1992 P. 0001 - 0024
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0139
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0139
Id-Direttiva Tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 57(2) u l-Artikolu 66 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-Kunsill Ewropew ġibed konklużjonijiet dwar il-bżonn li jiġi kkompletat is-suq intern; Billi l-miżuri mmirati biex jiġi stabbilit progressivament is-suq intern tul il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 1992 hemm bżonn li jittieħdu; billi s-suq intern huwa qasam mingħajr fruntieri interni li fih il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa assigurat; Billi dawn l-objettivi jeħtieġu l-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku; Billi l-White Paper dwar il-kompletazzjoni tas-suq intern fiha programm ta’ azzjoni u skeda għall-ftuħ ta’ l-akkwist pubbliku, inkluż fil-qasam tas-servizzi safejn dan mhuwiex diġà kopert bid-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 li tikkonċerna l-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [4] u d-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tikkoordina proċduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika [5]; Billi din id-Direttiva għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet kontraenti kollha fis-sens tad-Direttiva 71/305/KEE; Billi ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi hemm bżonn li jiġu evitati; billi, għalhekk, dawk li jipprovdu s-servizzi jistgħu jkunu jew persuni fiżiċi inkella ġuridiċi; billi din id-Direttiva m’għandhiex, madanakollu, tippreġudika l-applikazzjoni, fuq livell nazzjonali, tar-regoli li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet għat-twettiq ta’ attivita jew professjoni sakemm jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità; Billi l-qasam tas-servizzi huwa l-aħjar deskritt, għall-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ proċedura u għal skopijiet ta’ monitoraġġ, billi jiġi suddiviż f’kategoriji li jikkorrispondu għal pożizzjonijiet partikolari ta’ klassifika komuni; billi l-Annessi IA u IB ta’ din id-Direttiva jirreferu għan-nomenklatura CPC (klassifika komuni tal-prodott) tan-Nazzjonijiet Uniti; billi dik in-nomenklatura x’aktarx tiġi sostitwita fil-futur bin-nomenklatura tal-Komunità; billi għandha ssir dispożizzjoni għall-addattament tan-nomenklatura tas-CPC fl-Annessi IA u IB inkonsegwenza; Billi d-dispożizzjoni tas-servizzi hija koperta b’din id-Direttiva biss sa fejn hija bbażata fuq kuntratti; billi d-dispożizzjoni tas-servizzi fuq bażijiet oħra, bħal-liġi jew regolamenti, jew kuntratti ta’ l-impjieg, mhijiex koperta; Billi, skond l-Artikolu 130f tat-Trattat, l-inkoraġġiment ta’ riċerka u żvilupp huwa mezz biex tissaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika ta’ l-industrija Ewropea u l-ftuħ ta’ kuntratti pubbliċi jikkontribwixxi għal dan l-iskop; billi kontribuzzjonijiet għall-iffinanzjar ta’ programmi ta’ riċerka m’għandhomx jkunu suġġetti għal din id-Direttiva; billi kuntratti ta’ riċerka u żvilupp ta’ servizz barra minn dawk meta l-benefiċċji jakkumulaw esklużivament għall-awtorità kontraenti għall-użu tagħha fil-kondotta ta’ l-affarijiet tagħha, fuq kondizzjoni li s-servizz ipprovdut ikun kompletament rimunerat mill-awtorità kontraenti, mhumiex għalhekk koperti b’din id-Direttiva; Billi kuntratti li jirrelataw għall-akkwist jew il-kiri ta’ proprjetà immobbli jew għal drittijiet fuqhom għandhom karatteristiċi partikolari, li jagħmlu inapproprjata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist; Billi l-għoti ta’ kuntratti għal ċerti servizzi awdjoviżwali fil-qasam tax-xandir huwa rregolat b’kunsiderazzjonijiet li jagħmlu inapproprjata l-applikazzjoni tal-liġijiet ta’ akkwist; Billi s-servizzi ta’ arbitraġġ u konċiljazzjoni huma ġeneralment provduti minn korpi jew individwi li jkun hemm ftehim fuqhom, jew magħżula, b’mod li ma jistax jiġi rregolat minn regoli ta’ akkwist; Billi għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva servizzi finanzjarji ma jinkludux l-istrumenti tal-munita, ir-rata tal-kambju, id-dejn pubbliku, l-amministrazzjoni tar-riservi, u politiki oħrajn li jinvolvu operazzjonijiet f’titoli u strumenti finanzjarji oħrajn; billi, għalhekk, kuntratti inkonnessjoni mal-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli u strumenti finanzjarji oħrajn mhumiex koperti b’din id-Direttiva; billi s-servizzi tal-bank ċentrali huma wkoll esklużi; Billi, fil-qasam tas-servizzi, l-istess derogi bħal fid-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE għandhom japplikaw fir-rigward tas-sigurtà jew is-segretezza ta’ l-Istat u l-prijorità ta’ regoli oħrajn ta’ akkwist bħal dawk skond il-ftehim internazzjonali, dawk li jikkonċernaw l-istazzjonar tat-truppi, jew ir-regoli ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali; Billi din id-Direttiva ma tippreġudikax l-applikazzjoni ta’, b’mod partikolari, l-Artikoli 55, 56 u 66 tat-Trattat; Billi kuntratti tas-servizz pubbliku, b’mod partikolari fil-qasam ta’ mmaniġġar tal-proprjetà, jistgħu minn żmien għal żmien jinkludu xi xogħlijiet; billi dan jirriżulta mid-Direttiva 71/305/KEE li, biex kuntratt ikun kuntratt tax-xogħlijiet pubbliċi, l-objettiv tiegħu għandu jkun it-tlestija ta’ xogħol; billi, sa fejn dawn ix-xogħlijiet huma inċidentali aktar milli l-objettiv tal-kuntratt, ma jiġġustifikawx li l-kuntratt jiġi ttrattat bħala kuntratt tax-xogħlijiet pubbliċi; Billi r-regoli li jikkonċernaw kuntratti tas-servizz kif jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 90/531/KEE tas-17 ta’ Settembru 1990 dwar il-proċeduri tal-prokura ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u s-setturi tat-telekomunikazzjonijiet [6] għandhom jibqgħu ineffettwati minn din id-Direttiva; Billi kuntratti b’sors nominat wieħed ta’ provvista jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jkunu kompletament jew parzjalment eżentati minn din id-Direttiva; Billi din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti żgħar taħt ċerta għatba sabiex jiġu evitati formalitajiet mhux neċessarji; billi din l-għatba tista’ fi prinċipju tkun l-istess għal dik ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika; billi l-kalkolu tal-valur tal-kuntratt, il-pubblikazzjoni u l-metodu ta’ adattament ta’ l-għetiebi għandhom jkunu l-istess bħal fid-direttivi l-oħrajn ta’ akkwist Komunitarja; Billi, sabiex jiġu eliminati prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni inġenerali u l-parteċipazzjoni fil-kuntratti minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn b’mod partikolari, huwa neċessarju li jitjieb l-aċċess ta’ fornituri ta’ servizzi għall-għoti ta’ kuntratti; Billi applikazzjoni kompleta ta’ din id-Direttiva għandha tkun limitata, għal perjodu transitorju, għal kuntratti għal dawk is-servizzi meta d-dispożizzjonijiet tagħha jippermettu l-potenzjal komplet biex jiġi realizzat kummerċ miżjud minn fruntiera għall-oħra; billi għandu jkun hemm monitoraġġ għal kuntratti għal servizzi oħrajn għal ċertu perjodu qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompleta ta’ din id-Direttiva; billi l-mekkaniżmu għal dan il-monitoraġġ jeħtieġ li jkun definit; billi dan il-mekkaniżmu għandu fl-istess ħin jippermetti lil dawk interessati sabiex jaqsmu l-informazzjoni relevanti; Billi r-regoli għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku għandhom jkunu qrib kemm jista’ jkun għal dawk li jikkonċernaw kuntratti ta’ provvista pubblika u kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi; Billi r-regoli tal-prokura li jinstabu fid-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE jistgħu jkunu approprjati, b’adattamenti neċessarji sabiex jieħdu kont ta’ aspetti speċjali ta’ akkwist ta’ servizzi bħall-għażla tal-proċedura negozjata, kuntesti ta’ disinn, varjanti, li taħt il-forma ġuridika joperaw dawk li jipprovdu s-servizzi, ir-riserva ta’ ċerti attivitajiet għal ċerti professjonijiet, reġistrazzjoni u assigurazzjoni ta’ kwalità; Billi jista’ jsir użu mill-proċedura negozjata b’pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika meta s-servizz li għandu jiġi pprovdut ma jistax jiġi speċifikat bi preċiżjoni suffiċjenti, partikolarment fil-qasam tas-servizzi ntellettwali, bir-riżultat li dan il-kuntratt ma jistax jingħata b’selezzjoni ta’ l-aħjar offerta skond ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri miftuħa u ristretti; Billi r-regoli Komunitarji relevanti dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali japplikaw meta tkun meħtieġa xhieda ta’ kwalifika partikolari għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għotja jew kuntest ta’ disinn; Billi l-objettivi ta’ din id-Direttiva ma jeħtiġux bidliet fis-sitwazzjoni kurrenti fuq livell nazzjonali fir-rigward ta’ kompetizzjoni tal-prezz bejn dawk li jipprovdu s-servizz ta’ ċerti servizzi; Billi l-operazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu tiġi riveduta fl-iktar tard tliet snin wara d-data stabbilita biex ir-regoli ta’ akkwist jiġu trasposti għal liġi nazzjonali; billi r-reviżjoni għandha testendi b’mod partikolari għall-possibbiltà li d-Direttiva tkun kompletament applikabbli għal firxa usa’ ta’ kuntratti ta’ servizz, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: IT-TITOLU I Dispożizzjonijiet ġenerali L-Artikolu 1 Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: (a) kuntratti ta’ servizz pubbliku għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, bl-esklużjoni ta’: (i) kuntratti ta’ provvista pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 77/62/KEE jew kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 71/305/KEE; (ii) kuntratti mogħtija fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 2,7,8 u 9 tad-Direttiva 90/531/KEE jew is-sodisfazzjon tal-kondizzjonijiet fl-Artikolu 6(2) ta’ l-istess Direttiva; (iii) kuntratti għall-akkwist jew il-kiri, bi kwalunkwe mezz finanzjarju, ta’ l-art, ta’ bini eżistenti, jew proprjetà immobbli oħra jew li jikkonċernaw id-drittijiet fuqhom; madanakollu, kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi fl-istess żmien bħal, qabel jew wara il-kuntratt ta’ akkwist jew tal-kiri, fi kwalunkwe forma, għandhom jkunu suġġetti għal din id-Direttiva; (iv) kuntratti għall-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ materjal ta’ programmi minn xandara u kuntratti għal ħin ta’ xandir; (v) kuntratti għal telefonija vokali, telex, radjotelefonija, paging u servizzi tas-satellita; (vi) kuntratti għal servizzi ta’ arbitraġġ u konċiljazzjoni; (vii) kuntratti għal servizzi finanzjarji inkonnessjoni mal-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħrajn, u servizzi tal-bank ċentrali; (viii) kuntratti ta’ l-impjieg; (ix) kuntratti ta’ riċerka u servizz ta’ żvilupp barra minn dawk fejn il-benefiċċji jakkumulaw esklużivament għall-awtorità kontraenti għall-użu tagħha fil-kondotti ta’ l-affarijiet tagħha, bil-kondizzjoni li s-servizz ipprovdut huwa kompletament remunerat mill-awtorità kontraenti; (b) l-awtoritajiet kontraenti għandhom ifissru l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika. Korp irregolat mil-liġi pubblika jfisser kwalunkwe korp: - stabbilit għall-iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali, u - li jkollu personalità ġuridika u - iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika; jew soġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika. Il-listi tal-korpi jew tal-kategoriji ta’ dawn il-korpi rregolati mil-liġi pubblika li jissodisfaw il-kriterja msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt huma stabbiliti fl-Anness I għad-Direttiva 71/305/KEE. Dawn il-listi għandhom jkunu sħaħ kemm jista’ jkun u jistgħu jiġu riveduti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30b ta’ dik id-Direttiva; (c) dak li jipprovdi servizz għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku, li joffri servizzi. Dak lijipprovdi servizz li jissottometti offerta għandu jiġi nominat bil-kelma min jagħmel l-offerta u dak li fittex li jieħu parti fi proċedura ta’ restrizzjoni jew negozjati bil-kelma kandidat; (d) proċeduri miftuħa għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li permezz tagħhom dawk kollha interessati li jipprovdu servizz jistgħu jissottometu offerta; (e) proċeduri ristretti għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li permezz tagħhom dawk biss li jipprovdu servizz mistiedna mill-awtorità jistgħu jissottomettu offerta; (f) proċeduri negozjati għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li permezz tagħhom awtoritajiet jikkonsultaw lil dawk li jipprovdu servizz bl-għażla tagħhom u jinnegozjaw il-kondizzjonijiet tal-kuntratt ma’ wieħed jew iktar minnhom; (g) kuntesti ta’ disinn għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li jippermettu lill-awtorità kontraenti biex takkwista, prinċipalment fl-oqsma ta’ ppjanar ta’ żoni, ippjanar ta’ bliet, arkitettura u inġinerija ċivili, jew proċessar ta’ informazzjoni, pjan jew disinn magħżul minn ġurija wara li jkun tqiegħed għall-kompetizzjoni bl-għoti jew mingħajr l-għoti ta’ premijiet. L-Artikolu 2 Jekk kuntratt pubbliku jkun intenzjonat biex ikopri kemm il-prodotti fis-sens tad-Direttiva 77/62/KEE u servizzi fis-sens ta’ l-Annessi IA u IB għal din id-Direttiva, dan għandu jaqa’ fl-iskop ta’ din id-Direttiva jekk il-valur tas-servizzi inkwistjoni jaqbeż dak tal-prodotti koperti mill-kuntratt. L-Artikolu 3 1. Fl-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku jew fl-organizzazzjoni ta’ kuntesti tad-disinn, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw proċeduri adattati għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. 2. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti. 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-awtoritajiet kontraenti jikkonformaw jew jassiguraw konformità ma’ din id-Direttiva meta huma jissussidjaw direttament b’iktar minn 50 % kuntratt ta’ servizz mogħti minn entità barra minnhom infushom inkonnessjoni ma’ kuntratt tax-xogħol fis-sens ta’ l-Artikolu 1a(2) tad-Direttiva 71/305/KEE. L-Artikolu 4 1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti tas-servizz pubbliku mogħtija minn awtoritajiet kontraenti fil-qasam tad-difiża, ħlief għal kuntratti li japplikaw għalihom id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 223 tat-Trattat. 2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal servizzi li huma ddikjarati sigrieti jew li l-eżekuzzjoni tagħhom għandu jkollha magħha miżuri ta’ sigurtà speċjali skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat jew meta l-protezzjoni ta’ l-interessi bażiċi tas-sigurtà ta’ dak l-Istat jitolbu hekk. L-Artikolu 5 Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi rregolati minn regoli differenti ta’ proċedura u mogħtija: (a) skond ftehim internazzjonali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz wieħed jew iktar u li jkopri servizzi intiżi għall-implimentazzjoni konġunta jew l-esplojtazzjoni ta’ proġett mill-Istati firmatarji; kull ftehim għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni, li tista’ tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv għal Kuntratti Pubbliċi stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE [7]; (b) għal intrapriżi fi Stat Membru jew f’pajjiż terz skond ftehim internazzjonali relatat ma l-istazzjonar tat-truppi; (ċ) skond il-proċedura partikolari ta’ organizzazzjoni internazzjonali. L-Artikolu 6 Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti tas-servizz pubbliku mogħtija lil entità li hija proprja l-awtorità kontraenti fis-sens ta’ l-Artikolu 1(b) fuq il-bażi ta’ dritt esklussiv li hija tgawdi skond liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ppubblikata li hija kompatibbli mat-Trattat. L-Artikolu 7 1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti tas-servizz pubbliku, li l-valur stmat tagħhom, nett mill-VAT, mhuwiex inqas minn ECU 200000. 2. Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-valur stamat tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tinkludi ir-rimunerazzjoni totali stmata tal-persuni li tipprovdi servizz, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 sa 8. 3. Is-selezzjoni tal-metodu tal-valutazzjoni m’għandux jintuża bl-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, lanqas m’għandha ħtieġa ta’ akkwist għal ammont partikolari ta’ servizzi tinqasam bl-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. 4. Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għat-tipi ta’ servizzi li ġejjin għandu jittieħed kont, meta approprjat: - fir-rigward ta’ servizzi ta’ l-assigurazzjoni, ta’ premium pagabbli, - fir-rigward ta’ servizzi bankarji u finanzjarji oħrajn, ta’ piżijiet, kummissjonijiet u interessi kif ukoll ta’ tipi oħrajn ta rimunerazzjoni, - fir-rigward ta’ kuntratti li jinvolvu disinn, tal-piż jew il-kummissjoni pagabbli. Meta s-servizzi huma suddiviżi f’diversi lottijiet, li kull wieħed minnhom huwa s-suġġett ta’ kuntratt, il-valur ta’ kull lot għandu jiġi kkunsidrat bl-iskop tal-kalkolu ta’ l-ammont imsemmi fuq. Meta l-valur tal-lottijiet mhuwiex inqas minn dan l-ammont, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-lottijiet kollha. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jwarrbu applikazzjoni tal-paragrafu 1 għal kull lott li jkollu valur stmat nett ta’ VAT ta’ inqas minn ECU 80000, sakemm il-valur totali ta’ dawn il-lottijiet ma jaqbiżx 20 % tal-valur totali tal-lottijiet kollha. 5. Fil-każ ta’ kuntratti li ma jispeċifikawx prezz totali, il-bażi għall-kalkolu tal-valur tal-kuntratt stmat għandu jkun: - fil-każ ta’ kuntratti għal terminu fiss, meta t-terminu tagħhom huwa 48 xahar jew inqas, il-valur tal-kuntratt totali għat-tul tiegħu; - fil-każ ta’ kuntratti ta’ tul indefinit jew b’terminu ta’ iktar minn 48 xahar, il-ħlas fix-xahar immultiplikat bi 48. 6. Fil-każ ta’ kuntratti regolari jew ta’ kuntratti li għandhom jiġġeddu fi żmien partikolari, il-valur tal-kuntratt jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’: - jew l-ispiża aggregata attwali ta’ kuntratti simili għall-istess kategoriji ta’ servizzi mogħtija tul is-sena fiskali preċedenti jew tnax-il xahar preċedenti, aġġustati, meta possibbli, għal bidliet antiċipati fi kwantità jew valur tul it-tnax-il xahar wara l-kuntratt inizjali, - jew l-ispiża aggregata stmata tul it-tnax-il xahar wara l-ewwel servizz imwettaq jew matul it-terminu tal-kuntratt, meta dan huwa ikbar minn 12-il xahar. 7. Meta kuntratt propost jipprovdi għal għażliet, il-bażi tal-kalkolu tal-valur tal-kuntratt għandu jkun it-total massimu permess inkluż l-użu tal-klawsoli ta’ l-għażla. 8. Il-valur ta’ l-għetiebi fil-muniti nazzjonali għandu jiġi rivedut kull sentejn b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994. Il-kalkolu ta’ dawn il-valuri għandu jkun ibbażat fuq il-valur medju ta’ kuljum ta’ dawk il-muniti espressi f’ecus tul l-24 xahar li jintemmu fl-aħħar jum ta’Awwissu immedjatament qabel ir-reviżjoni ta’ l-1 ta’ Jannar. Il-valuri għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-bidu ta’ Novembru. Il-metodu ta’ kalkolu msemmi fis-subparagrafu preċedenti għandu jiġi eżaminat, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, fil-Kumitat Konsultattiv għal Kuntratti Pubbliċi fil-prinċipju sentejn wara l-applikazzjoni inizjali. IT-TITOLU II Applikazzjoni f’żewġ stadji L-Artikolu 8 Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI. L-Artikolu 9 Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IB għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16. L-Artikolu 10 Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati kemm fl-Anness IA kif ukoll fl-Anness IB għandhom jingħataw għotjiet skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI meta l-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IA huwa ikbar mill-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IB. Meta dan mhuwiex il-każ, għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16. IT-TITOLU III L-għażla ta’ proċeduri ta’ għoti u regoli li jirregolaw kuntesti tad-disinn L-Artikolu 11 1. Fl-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri definiti fl-Artikolu 1(d), (e) u (f), adattati għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva. 2. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti tas-servizz pubbliku tagħhom bi proċedura negozjata, b’pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt fil-każijiet li ġejjin: (a) fil-każ ta’ offerti irregolari bi tweġiba għal proċedura miftuħa jew ristretta jew fil-każ ta’ offerti li huma inaċċettabbli taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma skond l-Artikoli 23 sa 28, sa fejn il-kondizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt mhumiex alterati sostanzjalment. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu f’dawn il-każijiet iżommu lura milli jippubblikaw notifika ta’ kuntratt meta jinkludu fil-proċedura negozjata l-offerenti kollha li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-Artikoli 29 sa 35 u li, matul proċedura miftuħa jew ristretta, qabel, jkunu ssottomettew offerti skond il-ħtiġiet formali tal-proċedura ta’ l-offerta; (b) f’każijiet eċċezzjonali, meta n-natura tas-servizzi jew ir-riskji involuti ma’ jippermettux prezz minn qabel inġenerali; (ċ) meta n-natura tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, b’mod partikolari fil-każ ta’ servizzi intellettwali u servizzi li jaqgħu fil-kategorija 6 ta’ l-Anness IA, tkun tali li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti bi preċiżjoni suffiċjenti biex tippermetti l-għoti tal-kuntratt bl-għażla ta’ l-aħjar offerta skond ir-regoli li jirregolaw proċeduri miftuħa jew ristretti. 3. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti tas-servizz pubbliku bi proċedura negozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt fil-każijiet li ġejjin: (a) fl-assenza ta’ offerti jew ta’ offerti approprjati bi tweġiba għal proċedura miftuħa jew ristretta sakemm il-kondizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt mhumiex alterati sostanzjalment u li rapport jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni fuq talba tagħha; (b) meta, għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, is-servizzi jkunu jistgħu jiġu pprovduti biss minn fornitur partikolari ta’ servizz; (ċ) meta l-kuntratt ikkonċernat isegwi kuntest tad-disinn u għandu, skond ir-regoli li japplikaw, jingħata lill-kandidat ta’ suċċess jew lil wieħed mill-kandidati ta’ suċċess. Fil-każ ta’ l-aħħar, il-kandidati kollha ta’ suċċess għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw fin-negozjati; (d) sa fejn ikun strettament neċessarju meta, għal raġunijiet ta’ urġenza estrema li jirriżultaw minn ġrajjiet imprevedibbli mill-awtoritajiet kontraenti inkwistjoni, il-limitu taż-żmien għal proċeduri miftuħa, ristretti jew negozjati msemmi fl-Artikoli 17 sa 20 ma jistax jinżamm. Iċ-ċirkustanzi invokati biex jiġġustifikaw urġenza estrema m’għandhomx fi kwalunkwe każ jkunu attribwibbli għall-awtoritajiet kontraenti; (e) għal servizzi addizzjonali mhux inklużi fil-proġett inizjali kkunsidrat jew fil-kuntratt konkluż l-ewwel imma li saru neċessarji, permezz ta’ ċirkustanzi imprevedibbli, għat-twettiq tas-servizz deskritt hemmhekk, bil-kondizzjoni li l-għoti jsir lill-fornitur tas-servizz li jwettaq dan is-servizz: - meta dawn is-servizzi addizzjonali ma jkunux jistgħu jiġu separati teknikament jew ekonomikament mill-kuntratt ewlieni mingħajr inkonvenjenza kbira għall-awtoritajiet kontraenti, jew - meta dawn is-servizzi, għalkemm separabbli mit-twettiq tal-kuntratt oriġinali, jkunu strettament neċessarji għall-kompletazzjoni tiegħu. Madankollu, il-valur stmat aggregat tal-kuntratti mogħtija għal servizzi addizzjonali ma jistax jaqbeż il-50 % ta’ l-ammont tal-kuntratt ewlieni; (f) għal servizzi ġodda li jikkonsistu fir-repetizzjoni ta’ servizzi simili fdati lill-fornitur tas-servizz li lilu l-istess awtoritajiet kontraenti kienu taw kuntratt iktar bikri, sakemm dawn is-servizzi jikkonformaw għal proġett bażiku li ngħata għalih l-ewwel kuntratt skond il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 4. Hekk kif l-ewwel proġett jitqiegħed għal offerta, għandha tingħata notifika li l-proċedura negozjata tista’ tiġi adottata u li l-ispiża stmata totali ta’ servizzi sussegwenti għandha tiġi kkunsidrata mill-awtoritajiet kontraenti meta japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7. Din il-proċedura tista’ tiġi applikata biss matul it-tliet snin wara l-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali. 4. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratti tas-servizz pubbliku tagħhom bil-proċedura miftuħa jew bil-proċedura ristretta. L-Artikolu 12 1. L-awtorità kontraenti għandha, fi żmien ħmistax-il jum mid-data li fiha tkun riċevuta t-talba, tinforma lil kwalunkwe kandidat jew offerent eliminat li jitlob hekk bil-kitba bir-raġunijiet tar-rifjut ta’ l-applikazzjoni jew l-offerta tiegħu, u, fil-każ ta’ offerta, bl-isem ta’ l-offerent rebbieħ. 2. L-awtorità kontraenti għandha tinforma lill-kandidati jew l-offerenti li jitolbu dan bil-miktub bir-raġunijiet li fuqhom tkun iddeċidiet li ma tagħtix kuntratt li fir-rigward tiegħu tkun saret sejħa minn qabel għal kompetizzjoni, jew biex terġa’ tibdal-proċedura. Għandha wkoll tinforma lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’dik id-deċiżjoni. 3. Għal kull kuntratt mogħti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħmlu rapport bil-miktub li għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej: - l-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità kontraenti, is-suġġett u l-valur tal-kuntratt, - l-ismijiet tal-kandidati jew l-offerenti ammessi u r-raġunijiet għall-għażla tagħhom, - l-ismijiet tal-kandidati jew l-offerenti miċħuda u r-raġunijiet għaċ-ċaħda tagħhom, - l-isem ta’ l-offerent b’suċċess u r-raġunijiet għaliex l-offerta tiegħu intgħażlet u, jekk magħruf, il-parti tal-kuntratt li l-offerent rebbieħ ikollu l-intenzjoni li jissubkuntratta lil partijiet terzi, - għal proċeduri negozjati, iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 11 li jiġġustifikaw l-użu ta’ dawn il-proċeduri. Dan ir-rapport, jew il-fatturi ewlenin tiegħu, għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fuq talba tagħha. L-Artikolu 13 1. Dan l-Artikolu għandu japplika għal kuntesti tad-disinn organizzati bħala parti minn proċedura li twassal għall-għoti ta’ kuntratt ta’ servizz li l-valur stmat nett tiegħu tal-VAT ma jkunx inqas mill-valur imsemmi fl-Artikolu 7(1). 2. Dan l-Artikolu għandu japplika għall-kuntesti tad-disinn kollha meta l-ammont totali tal-premijiet u l-pagamenti tal-kuntest lil parteċipanti mhumiex inqas minn ECU 200000. 3. Ir-regoli għall-organizzazzjoni ta’ kuntest tad-disinn għandhom jkunu inkonformità mal-ħtiġiet ta’ dan l-Artikolu u għandhom jiġu kkomunikati lil dawk interessati li jipparteċipaw fil-kuntest. 4. L-ammissjoni tal-parteċipanti għal kuntest tad-disinn m’għandhiex tkun limitata: - b’referenza għat-territorju jew parti mit-territorju ta’ Stat Membru, - fuq il-bażi li, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikun organizzat il-kuntest, kienu jeħtieġu jkunu jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi. 5. Meta l-kuntesti tad-disinn huma ristretti għal numru limitat ta’ parteċipanti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jistabbilixxu kriterji ta’ selezzjoni ċari u non-diskriminatorji. Fi kwalunkwe każ, in-numru tal-kandidati mistiedna biex jipparteċipaw għandu jkun suffiċjenti biex jassigura kompetizzjoni ġenwina. 6. Il-ġurija għandha tkun komposta esklużivament minn persuni fiżiċi li jkunu indipendenti mill-partreċipanti fil-kuntest. Meta kwalifika professjonali partikulari tkun meħtieġa mill-parteċipanti f’kuntest, ta’ l-inqas terz mill-membri tagħha għandu jkollhom l-istess kwalifika jew waħda ekwivalenti. Il-ġurija għandha tkun awtonoma fid-deċiżjonijiet jew l-opinjonijiet tagħha. Dawn għandhom jintlaħqu fuq il-bażi tal-proġetti sottomessi anonimament u fuq il-bażijiet biss tal-kriterji indikati fin-notifika fis-sens ta’ l-Artikolu 15(3). IT-TITOLU IV Regoli komuni fil-qasam tekniku L-Artikolu 14 1. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti fl-Anness II għandhom jingħataw fid-dokumenti ġenerali fid-dokumenti kontrattwali relatati ma' kull kuntratt. 2. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali li jorbtu legalment u sakemm dawn jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu definiti mill-awtoritajiet kontraenti b’referenza għall-istandards nazzjonali li jimplimentaw l-istandards Ewropej jew b’referenza għal approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew b’referenza għal speċifikazzjonijiet tekniċi komuni. 3. Awtorità kontraenti tista’ titbiegħed mill-paragrafu 2 kemm-il darba: (a) l-istandards, l-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni ma jkunux jinkludu dispożizzjonijiet biex tiġi stabbilita konformità, jew mezzi tekniċi ma jkunux jeżistu biex tkun stabbilita b’mod sodisfaċenti l-konformità ta’ prodott ma’ dawn l-istandards, l-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew speċifikazzjonijiet tekniċi komuni; (b) l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 kienet tippreġudika l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 86/361/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-istadju inizjali tar-rikonoxximent reċiproku ta’ approvazzjoni tat-tip għal apparat terminali ta’ telekomunikazzjonijiet [8], jew id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u t-telekomunikazzjonijiet [9] jew strumenti oħrajn tal-Komunità f’servizz speċifiku jew oqsma ta’ prodott; (c) dawn l-istandards, l-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni kienu jobbligaw lill-awtorità kontraenti biex jużaw prodotti jew materjali inkompatibbli ma’ tagħmir li diġà qed jintuża jew kien jinvolvi spejjeż sproporzjonati jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati, imma biss bħala parti minn strateġija definita u rreġistrata b’mod ċar bi skop ta’ tranżizzjoni, f’perjodu partikolari, għal standards Ewropej, l-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni; (d) il-proġett ikkonċernat huwa ta’ natura ġenwinament innovattiva li għaliha l-użu ta’ standards Ewropej eżistenti, approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew speċifikazzjonijiet tekniċi komuni ma kinux jkunu approprjati. 4. L-awtoritajiet kontraenti li jinvokaw il-paragrafu 3 għandhom jirreġistraw, kull meta possibbli, ir-raġunijiet għat-twettiq ta’ dan fin-notifika ta’ kuntratt ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew fid-dokumenti tal-kuntratt u fil-każijiet kollha għandhom jirreġistraw dawn ir-raġunijiet fid-dokumentazzjoni interna tagħhom u għandhom ifornu din l-informazzjoni fuq talba lil Stati Membri u lill-Kummissjoni. 5. Fl-assenza ta’ standards Ewropej jew ta’ approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew speċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi: (a) għandhom jiġu definiti b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali rikonoxxuti bħala li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet bażiċi elenkati fid-direttivi Komunitarji dwar l-armonizzazzjoni teknika, skond il-proċeduri stabbiliti f’dawk id-direttivi, u b’mod partikolari skond il-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 89/106/KEE [10]; (b) jistgħu jiġu definiti b’referenza għal speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn u l-metodu ta’ kalkolu u eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u użu ta’ materjali; (ċ) jistgħu jiġu definiti b’referenza għal dokumenti oħrajn. F’dan il-każ, ikun approprjat li ssir referenza b’ordni ta’ preferenza għal: (i) standards nazzjonali li jimplimentaw standards internazzjonali aċċettati mill-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti; (ii) standards nazzjonali oħrajn u approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali tal-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti; (iii) kull standard ieħor. 6. Sakemm ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-introduzzjoni fil-klawsoli kuntrattwali relatati għal kuntratt partikolari ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li jsemmu prodotti ta’ għamla jew fonti speċifika jew ta’ proċess partikolari u għalhekk jiffavorixxu jew jeliminaw ċerti fornituri tas-servizz. B’mod partikolari, l-indikazzjoni ta’ trade marks, patenti, tipi, jew ta’ oriġini speċifika jew produzzjoni għandhom jiġu pprojbiti. Madankollu, jekk din l-indikazzjoni jkollha magħha l-kliem "jew ekwivalenti", din għandha tkun awtorizzata fil-każijiet meta l-awtoritajiet kontraenti ma jkunux jistgħu jagħtu deskrizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt li juża speċifikazzjonijiet li jkunu preċiżi u intelliġibbli biżżejjed għall-partijiet kollha kkonċernati. IT-TITOLU V Regoli komuni ta’ reklamar L-Artikolu 15 1. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu, permezz ta’ notifika indikattiva li għandha tiġi ppubblikata mill-iktar fis possibbli wara l-bidu tas-sena tal-budget tagħhom, l-akkwist totali intiża f’kull waħda mill-kategoriji tas-servizzi elenkati fl-Anness IA li huma jkollhom f’moħħhom li jagħtu matul it-tnax-il xahar sussegwenti meta l-valur totali stmat, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7, ma jkunx inqas minn ECU 750000. 2. L-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jagħtu kuntratt ta’ servizz pubbliku bi proċedura negozjata miftuħa, jew ristretta jew taħt kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11, għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ notifika. 3. L-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jwettqu kuntest tad-disinn għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ notifika. L-Artikolu 16 1. L-awtoritajiet kontraenti li jkunu taw kuntratt pubbliku jew li inkella żammew kuntest tad-disinn għandhom jibagħtu notifika tar-riżultati tal-proċedura ta’ l-għoti lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjoni ċjiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 2. In-notifiki għandhom jiġu ppubblikati: - fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi elenkati fl-Anness IA, skond l-Artikoli 17 sa 20, - fil-każ ta’ kuntesti tad-disinn, skond l-Artikolu 17. 3. Fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi elenkati fl-Anness IB, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw fin-notifika jekk jaqblux mal-pubblikazzjoni tagħha. 4. Il-Kummissjoni għandha tfassal ir-regoli biex jiġu stabbiliti rapporti regolari fuq il-bażi tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 3, u għall-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rapporti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(3). 5. Meta r-rilaxx ta’ informazzjoni dwar l-għoti tal-kuntratt kien jimpedixxi l-infurzar ta’ liġi jew xort’oħra jkun kuntrarju għall-interess tal-pubbliku jew kien jippreġudika l-interessi leġittimi kummerċjali ta’ intrapriża partikolari, pubblika jew privata, jew jista’ jippreġudika il-kompetizzjoni ġusta bejn fornituri tas-servizz, din l-informazzjoni mhemmx għalfejn tiġi ppubblikata. L-Artikolu 17 1. In-notifiki għandhom jitfasslu skond il-mudelli stabbiliti fl-Annessi III u IV u għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni mitluba f’dawk il-mudelli. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu ma jeħtiġux kondizzjonijiet barra dawk speċifikati fl-Artikoli 31 u 32 meta jitolbu informazzjoni li tikkonċerna l-istandards ekonomiċi u tekniċi li huma jeħtieġu minn fornituri tas-servizz għall-għażla tagħhom (It-Taqsima 13 ta’ l-Anness IIIB, it-taqsima 13 ta’ l-Anness IIIĊ, u t-taqsima 12 ta’ l-Anness IIID). 2. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jibagħtu n-notifiki malajr kemm jista’ jkun u bil-mezzi l-iktar approprjati lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Fil-każ tal-proċedura aċċellerata msemmija fl-Artikolu 20, in-notifika għandha tintbagħat bit-telex, b’telegramm jew b’fax. In-notifika msemmija fl-Artikolu 15(1) għandha tintbagħat malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu ta’ kull sena tal-budget. In-notifika msemmija fl-Artikolu 16(1) għandha tintbagħat l-iktar tard tmienja u erbgħin jum wara l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni jew l-għeluq tal-kuntest tad-disinn inkwistjoni. 3. In-notifiki msemmija fl-Artikoli 15(1) u 16(1) għandhom jiġu ppubblikati kompletament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fil-bank ta’ l-informazzjoni TED fil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet, bit-test fil-lingwa oriġinali biss li jkun dak awtentiku. 4. In-notifiki msemmija fl-Artikoli 15(2) u (3) għandhom jiġu ppubblikati kompletament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fil-bank ta’ l-informazzjoni TED fil-lingwa oriġinali tagħhom. Sommarju ta’ l-elementi importanti ta’ kull notifika għandu jiġi ppubblikat fil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet, it-test fil-lingwa oriġinali biss ikun dak awtentiku. 5. L-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandu jippubblika n-notifiki mhux iktar tard minn 12-il jum wara li jintbagħtu. Fil-każ tal-proċedura aċċellerata msemmija fl-Artikolu 20, dan il-perjodu għandu jitnaqqas għal ħamest ijiem. 6. In-notifiki m’għandhomx jiġu ppubblikati fil-ġurnali uffiċjali jew fl-istampa tal-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti qabel id-data ta’ meta jintbagħtu lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej; huma għandhom isemmu dik id-data. M’għandhomx jikkontjenu informazzjoni minbarra dik ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 7. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jkunu jistgħu jipprovdu prova tad-data ta’ meta jibagħtuhom. 8. L-ispiża tal-pubblikazzjoni tan-notifiki fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandha titħallas mill-Komunitajiet. It-tul tan-notifika m’għandux ikun iktar minn paġna waħda tal-Ġurnal Uffiċjali, jew bejn wieħed u ieħor 650 kelma. Kull edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali li jkun fiha notifika waħda jew iktar għandha tirriproduċi n-notifika jew in-notifiki mudell li fuqhom jkunu bbażati n-notifika jew in-notifiki ppubblikati. L-Artikolu 18 1. Fi proċeduri miftuħa l-limitu taż-żmien għall-irċevuta ta’ l-offerti għandu jkun iffissat mill-awtoritajiet kontraenti f’mhux inqas minn 52 jum mid-data ta’ meta tintbagħat in-notifika. 2. Il-limitu taż-żmien għall-irċevuta ta’ l-offerti previst fil-paragrafu 1 jista’ jitnaqqas għal 36 jum meta l-awtoritajiet kontraenti jkunu ppublikaw in-notifika tal-kuntratt, abbozzat skond il-mudell fl-Anness IIIA previst fl-Artikolu 15(1), fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 3. Sakemm dawn jintalbu fi żmien tajjeb, id-dokumenti tal-kuntratt u d-dokumenti ta’ sostenn għandhom jintbagħtu lill-fornituri tas-servizz mill-awtoritajiet kontraenti jew id-dipartimenti kompetenti fi żmien sitt ijiem mill-irċevuta ta’ l-applikazzjoni tagħhom. 4. Sakemm din tkun intalbet fi żmien tajjeb, l-informazzjoni addizzjonali relatata mad-dokumenti tal-kuntratt għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kontraenti sa mhux iktar tard minn sitt ijiem qabel l-aħħar data ffissata għall-irċevuta ta’ l-offerti. 5. Meta d-dokumenti tal-kuntratt, id-dokumenti ta’ sostenn jew l-informazzjoni addizzjonali huma goffi wisq biex jiġu pprovduti fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 3 jew 4 jew meta l-offerti jistgħu jsiru biss wara żjara lis-sit jew wara spezzjoni fuq il-post tad-dokumenti li jsostnu d-dokumenti tal-kuntratt, il-limiti taż-żmien stabbiliti fil-paragrafu 1 u 2 għandhom jiġu estiżi kif imiss. L-Artikolu 19 1. Fi proċeduri ristretti u proċeduri negozjati fis-sens ta’ l-Artikolu 11(2), il-limitu taż-żmien għall-irċevuta ta’ talbiet għal partiċipazzjoni ffissati mill-awtoritajiet kontraenti m’għandhomx jkunu inqas minn 37 jum mid-data ta’ meta tintbagħat in-notifika. 2. L-awtoritajiet kontraenti għandhom simultanjament u bil-miktub jistiednu lill-kandidati magħżula biex jissottomettu l-offerti tagħhom. L-ittra ta’ stedina għandu jkollha magħha id-dokumenti tal-kuntratt u d-dokumenti ta’ sostenn. Għandha tinkludi ta’ l-inqas l-informazzjoni li ġejja: (a) meta approprjat, l-indirizz tas-servizz li minnu jistgħu jintalbu d-dokumenti tal-kuntratt u d-dokumenti ta’ sostenn u d-data finali biex issir din it-talba; ukoll l-ammont u l-kondizzjonijeit ta’ ħlas ta’ kwalunkwe somma li għandha titħallas għal dawn id-dokumenti; (b) id-data finali għall-irċevuta ta’ l-offerti, l-indirizz li għandhom jintbagħtu lilu u l-lingwa jew il-lingwi li bihom għandhom jinkitbu; (ċ) referenza għan-notifika ta’ kuntratt ippubblikata; (d) indikazzjoni ta’ kull dokument li għandu jiġi anness, jew bħala sostenn tad-dikjarazzjonijiet verifikabbli pprovduti mill-kandidat skond l-Artikolu 17(1), jew biex jissupplimentaw l-informazzjoni prevista f’dak l-Artikolu taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32; (e) il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt jekk dawn ma jingħatawx fin-notifika. 3. Fi proċeduri ristretti, il-limitu taż-żmien għall-irċevuta ta’ offerti ffissat mill-awtoritajiet kontraenti ma jistax ikun inqas minn erbgħin jum mid-data ta’ meta jintbagħat l-invit bil-miktub. 4. Il-limitu taż-żmien għall-irċevuta ta’ offerti stabbiliti fil-paragrafu 3 jista’ jitnaqqas għal 26 jum meta l-awtoritajiet kontraenti jkunu ppublikaw in-notifika tal-kuntratt, abbozzat skond il-mudell fl-Anness IIIA previst fl-Artikolu 15(1), fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 5. Talbiet għal parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti jistgħu jsiru permezz ta’ ittra, telegramm, telex, fax jew telefon. Jekk permezz ta’ wieħed minn l-aħħar erbgħa, huma għandhom jiġu kkonfermati permezz ta’ ittra mibgħuta qabel it-tmiem tal-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1. 6. Sakemm din tkun ġiet mitluba fi żmien tajjeb, l-informazzjoni addizzjonali relatata mad-dokumenti tal-kuntratt għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kontraenti sa mhux iktar tard minn sitt ijiem qabel l-aħħar data ffissata għall-irċevuta ta’ l-offerti. 7. Meta l-offerti jistgħu isiru biss wara żjara lis-sit jew wara spezzjoni fuq il-post tad-dokumenti li jappoġġaw id-dokumenti tal-kuntratt, il-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafi 3 u 4 għandu jiġi estiż kif xieraq. L-Artikolu 20 1. F’każijiet meta l-urġenza tirrendi imprattikabbli l-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 19, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiffissaw il-limiti taż-żmien li ġejjin: (a) limitu taż-żmien għall-irċevuta ta’ talbiet għal parteċipazzjoni li m’għandux ikun inqas minn 15-il jum mid-data ta’ meta tintbagħat in-notifika; (b) limitu taż-żmien għall-irċevuta ta’ offerti li m’għandux ikun inqas minn 10 ijiem mid-data ta’ l-istedina għal offerta; 2. Sakemm din tkun ġiet mitluba fi żmien tajjeb, l-informazzjoni addizzjonali relatata mad-dokumenti tal-kuntratt għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kontraenti mhux iktar tard minn erbat ijiem qabel l-aħħar data ffissata għall-irċevuta ta’ offerti. 3. Talbiet għal parteċipazzjoni f’kuntratti u inviti għal offerta għandhom isiru bl-iktar mezzi rapidi possibbli ta’ komunikazzjoni. Meta talbiet ta’ parteċipazzjoni jsiru b’telegramm, telex, fax jew telefon, dawn għandhom jiġu kkonfermati b’ittra mibgħuta qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1. L-Artikolu 21 L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirranġaw għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ notifiki li jħabbru kuntratti ta’ servizz pubbliku li mhumiex suġġetti għall-ħtieġa ta’ pubblikazzjoni stabbilita f’din id-Direttiva. L-Artikolu 22 Il-kondizzjonijiet għat-tfassil, it-trasmissjoni, l-irċevuta, it-traduzzjoni, il-ġabra u d-distribuzzjoni tan-notifiki msemmija fl-Artikoli 15, 16 u 17 u tar-rapporti statistiċi previsti fl-Artikoli 16(4) u 39 u n-nomenklatura prevista fl-Annessi IA u B flimkien mar-referenza fin-notifiki għal pożizzjonijiet partikulari tan-nomenklatura fil-kategoriji tas-servizzi elenkati f’dawk l-Annessi jistgħu jiġumodifikati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(3). IT-TITOLU VI IL-KAPITOLU 1 Regoli komuni dwar il-parteċipazzjoni L-Artikolu 23 Il-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu 3, waqt li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 24, wara li l-adattament tal-fornituri tas-servizzi mhux eskluż taħt l-Artikolu 29 jkun ġie eżaminat mill-awtoritajiet kontraenti skond il-kriterji msemmija fl-Artikoli 31 u 32. L-Artikolu 24 1. Meta l-kriterju għall-għoti tal-kuntratt huwa dak ta’ l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jieħdu kont tal-varjanti li huma sottomessi minn offerent u li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet minimi mitluba minn dawn l-awtoritajiet kontraenti. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiddikjaraw fid-dokumenti tal-kuntratt l-ispeċifikazzjonijiet minimi li għandhom jiġu rrispettati mill-varjanti u kull ħtieġa speċifika għall-preżentazzjoni tagħhom. Għandhom jindikaw fin-notifika tal-kuntratt jekk varjanti ma jkunux awtorizzati. L-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jirrifjutaw is-sottomissjoni ta’ varjant fuq il-bażi biss li dan tfassal bi speċifikazzjonijiet tekniċi definiti b’referenza għal standards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej, għal approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew għal speċifikazzjonijiet tekniċi komuni msemmija fl-Artikolu 14(2) kif ukoll b’referenza għal speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 14(5)(a) u (b). 2. L-awtoritajiet kontraenti li ammettew varjanti skond il-paragrafu 1 ma jistgħux iwarrbu varjant fuq il-bażi biss li dan kien iwassal, jekk ikollu suċċess, għal kuntratt ta’ fornitura iktar milli kuntratt ta’ servizz pubbliku fis-sens ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 25 Fid-dokumenti tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti tista’ titlob lill-offerent biex jindika fl-offerta tiegħu kwalunkwe sehem mill-kuntratt li jista jkollu l-intenzjoni li jissubkuntratta lil partijiet terzi. Din l-indikazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizz prinċipali. L-Artikolu 26 1. L-offerti jistgħu jiġu sottomessi minn gruppi ta’ fornituri tas-servizzi. Dawn il-gruppi jistgħu ma jkunux meħtieġa jassumu forma ġuridika speċifika sabiex jissottomettu l-offerta; madanakollu l-grupp magħżul jista’ jkun meħtieġ jagħmel hekk meta jingħata l-kuntratt. 2. Kandidati jew offerenti li, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih huma stabbiliti, huma intitolati jwettqu l-attività tas-servizz relevanti, m’għandhomx jitwarrbu biss fuq il-bażi li, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn jingħata l-kuntratt, kienu jkunu meħtieġa li jkunu jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi. 3. Persuni ġuridiċi jistgħu jkunu meħtieġa jindikaw fl-offerta jew fit-talba għall-parteċipazzjoni l-ismijiet u l-kwalifiki professjonali relevanti tal-persunal li għandu jkun responsabbli mit-twettiq tas-servizz. L-Artikolu 27 1. Fi proċeduri ristretti u negozjati l-awtoritajiet kontraenti għandhom, fuq il-bażi ta’ informazzjoni mogħtija relatata mal-pożizzjoni tal-fornitur tas-servizz kif ukoll għall-informazzjoni u l-formalitajiet neċessarji għall-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta’ natura ekonomika u teknika li għandha tiġi ssodisfata minnhom, jagħżlu minn fost il-kandidati bil-kwalifiki meħtieġa mill-Artikoli 29 sa 35 dawk li huma jistiednu biex jissottomettu offerta jew biex jinnegozjaw. 2. Meta l-awtoritajiet kontraenti jagħtu kuntratt bi proċedura ristretta, huma jistgħu jippreskrivu l-firxa li fiha n-numru ta’ fornituri tas-servizzi li huma jkollhom l-intenzjoni li jistiednu jaqgħu. F’dan il-każ il-firxa għandha tiġi indikata fl-avviż tal-kuntratt. Il-firxa għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tan-natura tas-servizz li għandu jiġi pprovdut. Il-firxa għandha tenumera mill-inqas ħames fornituri ta’ servizzi u tista tenumera sa għoxrin. F’ kull każ, in-numru tal-kandidati mistiedna biex jagħmlu offerta għandu jkun suffiċjenti biex jassigura kompetizzjoni ġenwina. 3. Meta l-awtoritajiet kontraenti jagħtu kuntratt bi proċedura nnegozjata kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), in-numru ta’ kandidati ammessi biex jinnegozjaw ma jistax ikun inqas minn tlieta, sakemm ikun hemm numru suffiċjenti ta’ kandidati adattati. 4. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-awtoritajiet kontraenti joħorġu stediniet mingħajr diskriminazzjoni għal dawk iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jissodisfaw il-ħtiġiet neċessarji u taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk għaċ-ċittadini proprji tiegħu. L-Artikolu 28 1. L-awtorità kontraenti tista’ tiddikkjara fid-dokumenti tal-kuntratt, jew tkun obbligata minn Stat Membru biex tagħmel dan, l-awtorità jew l-awtoritajiet li minnhom offerent jista' jikseb l-informazzjoni approprjata dwar l-obbligi li jirrelataw għad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni ta’ l-impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol li huma fis-seħħ fl-Istat Membru, fir-reġjun jew fil-lokalità li fihom is-servizzi għandhom jitwettqu u li għandhom jkunu applikabbli għas-servizzi provduti fuq is-sit matul it-twettiq tal-kuntratt. 2. L-awtorità kontraenti li tforni l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titlob lill-offerenti jew lil dawk li jkunu qed jipparteċipaw fil-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt biex jindikaw li huma jkunu ħadu kont meta fasslu l-offerta tagħhom, ta’ l-obbligi relatati mad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni ta’ l-impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol li jkunu fis-seħħ fil-post fejn is-servizz għandu jitwettaq. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 37 li tikkonċerna l-eżami ta’ offerti baxxi b’mod anormali. IL-KAPITOLU 2 Kriterji għal selezzjoni kwalitattiva L-Artikolu 29 Kull fornitur tas-sevizz jista’ jiġi eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt li: (a) jkun falla jew li jkollu jagħlaq, li l-affarijiet tiegħu jkunu qed jiġu amministrati mill-qorti, li jkun daħal f’arranġament mal-kredituri, li jkun issospenda l-attivitajiet kummerċjali tiegħu jew li jkun f’xi sitwazzjoni analoga li tinqala' minn proċedura simili taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali; (b) huwa s-suġġett ta’ proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ falliment, għal ordni għal għeluq ta’ bilfors jew amministrazzjoni mill-qorti jew għal arranġament ma’ kredituri jew b’xi proċeduri simili oħrajn skond liġijiet jew regolamenti nazzjonali; (ċ) ġie ikkundannat għal offiża li tikkonċerna l-kondotta professjonali tiegħu b’sentenza li jkollu l-qawwa ta’ res judikata; (d) kien ħati ta’ miskondotta professjonali gravi bi kwalunkwe mezz li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġġustifikaw; (e) ma jkunx issodisfa obbligi relatati mal-pagament ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skond id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-pajjiż li fih ikun stabbilit jew ma’ dak il-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti; (f) ma jkunx issodisfa obbligi li jirrelataw għall-ħlas ta’ taxxi skond id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti; (g) huwa ħati ta’ misinterpretazzjoni serja fil-provvista jew in-nuqqas li jipprovdi l-informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa taħt dan il-Kapitolu. Meta l-awtorità kontraenti teħtieġ mill-fornitur tas-servizz prova li ebda wieħed mill-każijiet ikkwotati f’(a), (b), (ċ), (e) jew (f) ma japplika għalih, għandha taċċetta bħala prova suffiċjenti: - għal (a), (b) jew (ċ), il-produzzjoni ta’ estratt mir-"reġistru ġudizzjarju" jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fil-pajjiżi ta’ l-oriġini jew fil-pajjiż li minnu tkun ġejja l-persuna li juri li dawn il-kondizzjonijiet kienu ssodisfati, - għal (e) jew (f), ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat. Meta l-pajjiż ikkonċernat ma joħroġx dawn id-dokumenti jew iċ-ċertifikati, jistgħu jiġu ssostitwiti b’dikjarazzjoni taħt ġurament magħmula mill-persuna kkonċernata quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, nutar jew korp professjonali jew kummerċjali kompetenti, fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew fil-pajjiż minn fejn tkun ġejja l-persuna. L-Istati Membri għandhom, fil-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 44, jinnominaw l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti biex joħorġu dawn id-dokumenti jew ċertifikati u għandhom minnufih jgħarrfu b’dan lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bihom. L-Artikolu 30 1. Sa fejn il-kandidati għal kuntratt pubbliku jew l-offerenti jkollhom bżonn awtorizzazzjoni partikolari jew li jkunu membri ta’ organizzazzjoni partikolari fil-pajjiż ta’ l-oriġini sabiex jkunu jistgħu jwettqu s-servizz ikkonċernat, l-awtorità kontraenti tista’ teħtieġhom jippruvaw li huma jkunu t-titolari ta’ din l-awtorizzazzjoni jew sħubija. 2. Kull kandidat jew offerent jista’ jkun mitlub biex jipprova s-sħubija tiegħu, kif preskritt fil-pajjiż ta’ l-istabbiliment tiegħu, f’wieħed mir-reġistri professjonali jew kummerċjali jew biex jipprovdi dikjarazzjoni jew ċertifikat kif deskritt fil-paragrafu 3 hawn taħt. 3. Ir-reġistri professjonali jew kummerċjali jew id-dikjarazzjonijiet jew iċ-ċertifikati relevanti huma: - fil-Belġju, ir-"registre du commerce — Hendelsregister" u l-"ordres professionels — Beroepsorden", - fid-Danimarka, l-"Erhvervs — og selskabstyrelsen", - fil-Ġermanja, il-"Handelsregister", il-"Handwerksrolle" u il-"Vereinsregister", - fil-Greċja, il-fornitur tas-servizz jista’ jkun mitlub jipprovdi dikjarazzjoni dwar l-eżerċizzju tal-professjoni kkonċernata magħmula taħt ġurament quddiem nutar; fil-każ previst mill-leġislazzjoni nazzjonali eżistenti, għad-dispożizzjoni tas-servizzi ta’ riċerka msemmija fl-Anness IA, ir-registru professjonali "Μητρώο Μελετητών αωδ Μητρώο Γραφείων Μελετών", - fi Spanja, ir-"Registro Central de Empresas Consultoras y de Servicios del Ministerio de Economia y Hacienda", - Fi Franza, ir-"registre du commerce" u ir-"répertoire des métiers", - fl-Italja, ir-"Registro della Camera di commercio, industria, agricoltura e artigianato", ir-"Registro delle commissioni provinciali per l'-artigianato" jew il-"Consiglio nazionale degli ordini professionali", - fil-Lussemburgu, ir-"registre aux firmes" u r-"rôle de la Chambre des métiers", - fl-Olanda, il-"Handelsregister", - fil-Portugall, ir-"Registro nacional das Pessoas Colectivas", - fir-Renju Unit u l-Irlanda, il-fornitur tas-servizz jista’ jintalab biex jipprovdi ċertifikat mir-Registrar of Companies jew mir-"Registrar of Friendly Societies" jew jekk ma jkunx hekk iċċertifikat, ċertifikat li jiddikjara li l-persuna kkonċernata tkun iddikjarat taħt ġurament li hija ingaġġata fil-professjoni in kwistjoni fil-pajjiż li fih hija stabbilita f’post speċifiku taħt isem ta’ negozju partikolari. L-Artikolu 31 1. Prova tal-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-fornitur tas-servizz tista’, bħala regola ġenerali, tkun provduta minn waħda jew iktar mir-referenzi li ġejjin: (a) dikjarazzjonijiet approprjati minn banek jew prova ta’ l-assigurazzjoni ta’ l-indennità tar-riskju professjonali relevanti; (b) il-preżentazzjoni tal-balance sheets tal-fornitur tas-servizz jew estratti minnhom, meta l-pubblikazzjoni tal-balance sheets tkun meħtieġa taħt il-liġi tal-kumpannija fil-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit; (ċ) dikjarazzjoni tal-valur tal-bejgħ globali ta’ l-impriża u l-valur tal-bejgħ tagħha fir-rigward tas-servizzi li l-kuntratt jirrelata għalihom għat-tliet snin finanzjarji preċedenti. 2. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jispeċifikaw fin-notifika tal-kuntratt jew fl-istedina għal offerta liema referenza jew referenzi msemmija fil-paragrafu 1 huma jkunu għażlu u liema referenzi oħrajn għandhom jkunu prodotti. 3. Jekk, għal kwalunkwe raġuni valida, il-formitur tas-servizz ma jkunx jista’, jipprovdi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, huwa jista jipprova l-qagħda ekonomika u finanzjarja tiegħu bi kwalunkwe dokument ieħor li l-awtorità kontraenti tikkonsidra approprjat. L-Artikolu 32 1. L-abilta tal-fornitur tas-servizzi biex iwettqu servizzi tista’ tiġi evalwata b’mod partikolari fir-rigward għall-kapaċità, l-effiċjenza, l-esperjenza u l-affidabilità tagħhom. 2. Prova tal-kapaċità teknika tal-fornitur tas-servizz tista’ tkun fornita b’mezz wieħed jew aktar skond in-natura, il-kwantità u l-iskop tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti: (a) il-kwalifiki edukattivi u professjonali tal-fornitur tas-servizz u/jew dawk ta’ l-istaff amministrattiv tad-ditta u, b’mod partikolari, dawk tal-persuna jew persuni responsabbli biex jipprovdu s-servizzi; (b) lista tas-servizzi prinċipali pprovduti fl-aħħar tliet snin, bis-somom, id-dati u r-riċevituri, pubbliċi u privati, tas-servizzi pprovduti; - meta pprovdut lill-awtoritajiet kontraenti, prova li għandha tkun f’forma ta’ ċertifikati maħruġa jew kontraffirmati mill-awtorità kompetenti, - meta pprovdut lil xerrejja privati, il-kunsinna li għandha tkun iċċertifikata mix-xerrej jew, fin-nuqas ta’ dan, sempliċement iddikjarata mill-fornitur tas-servizz li ġiet effettwata; (ċ) indikazzjoni tat-tekniċi jew tal-korpi tekniċi involuti, kemm jekk jappartienu kif ukoll jekk le għall-fornitur tas-servizz, speċjalment dawk responsabbli għall-kontroll tal-kwalità; (d) dikjarazzjoni tal-manpower annwali medju tal-fornitur tas-servizz u n-numru ta’ l-istaff amministrattiv għall-aħħar tliet snin; (e) dikjarazzjoni ta’ l-għodda, l-impjant jew it-tagħmir tekniku disponibbli għall-fornitur tas-servizz għat-twettiq tas-servizzi; (f) deskrizzjoni tal-miżuri tal-fornitur tas-servizz sabiex tiġi assigurata l-kwalità u l-faċilitajiet ta’ l-istudju u r-riċerka tiegħu; (g) meta s-servizzi li għandhom jkunu fornuti jkunu kumplessi jew, eċċezzjonalment, huma meħtieġa għall-skop speċjali, kontroll imwettaq mill-awtorità kontraenti jew f’isimha minn korp uffiċjali kompetenti tal-pajjiż li fih ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz, soġġett għall-ftehim ta’ dak il-korp, dwar il-kapaċitajiet tekniċi tal-fornitur tas-servizz u, jekk neċessarju, dwar il-faċilitajiet ta’ studju u riċerka tiegħu u l-miżuri tal-kwalità ta’ kontroll; (h) indikazzjoni tal-proporzjon tal-kuntratt li l-fornitur tas-servizz jista’ jkollu fi ħsiebu li jissubkuntratta. 3. L-awtorità kontraenti għandha tispeċifika, fin-notifika jew fl-istedina għal offerta, liema preferenzi hija tixtieq tirċievi. 4. L-estent ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 31 u fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun limitat għas-suġġett tal-kuntratt; l-awtoritajiet kontraenti għandhom jieħdu inkonsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-fornituri tas-servizz fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti tekniċi jew kummerċjali tagħhom. L-Artikolu 33 Meta l-awtoritajiet kontraenti jitolbu l-produzzjoni ta’ ċertifikati mfassla minn korpi indipendenti biex jiċċertifikaw konformità tas-servizz ma’ ċerti standards ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità, huma għandhom jirreferu għal sistemi ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità bbażati fuq is-serje relevanti ta’ l-istandards Ewropej EN 29000 ċertifikati minn korpi li jikkonformaw għas-serje ta’ l-istandards Ewropej EN 45000. Għandhom jirrikonoxxu ċertifikati ekwivalenti minn korpi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn. Għandhom ukoll jaċċettaw xhieda oħra ta’ miżuri ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità ekwivalenti minn fornituri ta’ servizz li m’għandhomx aċċess għal dawn iċ-ċertifikati, jew ebda possibbiltà li jottenuhom fil-limiti taż-żmien relevanti. L-Artikolu 34 Fil-limiti ta’ l-Artikoli 29 sa 32, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jistiednu lill-fornituri tas-servizz biex jissupplimentaw iċ-ċertifikati u d-dokumenti sottomessi jew biex jikkjarifikawhom. L-Artikolu 35 1. L-Istati Membri li jkollhom listi uffiċjali ta’ fornituri tas-servizz rikonoxxuti għandhom jadottawhom għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 29(a) sa (d) u (g) u ta’ l-Artikoli 30, 31 u 32. 2. Il-fornituri tas-servizz irreġistrati fil-listi uffiċjali jistgħu, għal kull kuntratt, jissottomettu lill-awtorità kontraenti ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-awtorità kontraenti. Dan iċ-ċertifikat għandu jiddikjara r-referenza li ppermettitilhom jiġu rreġistrati fil-lista u l-klassifika mogħtija f’din il-lista. 3. Reġistrazzjoni ċċertifikata f’listi uffiċjali ta’ fornituri ta’ servizz mill-korpi kompetenti għandha, għall-awtoritajiet kontraenti ta’ Stati Membri oħra, tikkostitwixxi preżunzjoni ta’ abbiltà li tikkorrispondi għall-klassifika tal-fornitur tas-servizz biss rigward l-Artikolu 29(a) sa (d) u (g), l-Artikolu 30, L-Artikolu 31(b) u (ċ) u l-Artikolu 32(a). Informazzjoni li tista’ tiġi dedotta minn reġistrazzjoni f’listi uffiċjali ma tistax tkun iddubitata. Madanakollu, rigward il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ċertifikat addizzjonali jista’ jkun mitlub minn kwalunkwe fornitur tas-servizz irreġistrat kull meta jkun offert kuntratt. L-awtoritajiet kontraenti ta’ Stati Membri oħrajn għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq biss afavur fornituri tas-servizz stabbiliti fl-Istati Membri li jkollhom il-lista uffiċjali. 4. Meta jkunu rreġistrati fornituri tas-servizz minn Stati Membri oħrajn f’lista uffiċjali, ebda prova jew dikjarazzjoni ma tkun meħtieġa b’żieda għal dawk meħtieġa minn fornituri tas-servizz nazzjonali u, fi kwalunkwe każ, xejn b’żieda għal dawk meħtieġa fl-Artikoli 29 sa 33. 5. L-Istati Membri li jkollhom listi uffiċjali għandhom jkunu obbligati jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħrajn bl-indirizz tal-korp li lilu għandhom jintbagħtu applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni. IL-KAPITOLU 3 Kriterji għall-għoti ta’ kuntratti L-Artikolu 36 1. Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għar-rimunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtorità kontraenti għandha tibbaża l-għoti tal-kuntratti jistgħu jkunu: (a) meta l-għoti jsir lill-oferta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, varji kriterji li jirrelataw għall-kuntratt: per eżempju, kwalità, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, assistenza teknika u servizz ta’ wara l-bejgħ, data ta’ kunsinna, perjodu ta’ kunsinna jew perjodu tal-kompletazzjoni, prezz; jew (b) l-iktar prezz baxx biss. 2. Meta l-kuntratt għandu jingħata lill-oferta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tiddikjara fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika ta’ offerta il-kriterja ta’ l-għoti li hija jkollha l-intenzjoni tapplika, meta possibbli f’ordni dixxendenti ta’ importanza. L-Artikolu 37 Jekk, għal kuntratt partikolari, offerti jidhru li jkunu anormalment baxxi f’relazzjoni għas-servizz li għandu jiġi pprovdut, l-awtorità kontraenti għandha, qabel ma tiċħad dawk l-offerti, titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li hija tikkunsidra relevanti u għandha tivverifika dawk l-elementi kostitwenti u tieħu kont ta’ l-ispjegazzjonijiet riċevuti. L-awtorità kontraenti tista’ tieħu inkonsiderazzjoni spjegazzjonijiet li huma ġġustifikati fuq bażi oġġettiva inkluża l-ekonomija tal-metodu li bih jiġi pprovdut is-servizz, jew is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula, jew il-kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għall-offerent għad-dispożizzjonijiet tas-servizzi, jew l-oriġinalità tas-servizz propost mill-offerent. Jekk id-dokumenti relatati mal-kuntratt jipprovdu għall-għoti tiegħu bl-iktar prezz baxx offert, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lill-Kummissjoni ċ-ċaħda ta’ offerti li hija tikkunsidra li jkunu baxxi wisq. IT-TITOLU VII Dispożizzjonijiet finali L-Artikolu 38 Il-kalkolu tal-limiti ta’ żmien għandu jsir skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jiddetermina r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta’ żmien [11]. L-Artikolu 39 1. Sabiex tiġi permessa l-istima tar-riżultati ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta’ Ottubru 1995 fl-iktar tard, għas-sena preċedenti u wara dan sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull tieni sena, jibagħtu lill-Kummissjoni rapport statistiku dwar il-kuntratti tas-servizz mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti. 2. Dan ir-rapport għandu juri fid-dettal almenu n-numru u l-valur tal-kuntratti mogħtija minn kull awtorità kontraenti jew kategorija ta’ awtorità kontraenti’l fuq mill-għatba, suddiviżi sa fejn hu possibbli minn proċedura, kategorija ta’ servizz u ċ-ċittadinanza tal-fornitur tas-servizz li lilu jkun ingħata l-kuntratt u, fil-każ ta’ proċeduri negozjati, suddiviżi skond l-Artikolu 11, li jelenkaw in-numru u l-valur tal-kuntratti mogħtija lil kull Stat Membru u lill-pajjiżi terzi. 3. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(3) n-natura ta’ kull informazzjoni statistika li hija meħtieġa skond din id-Direttiva. L-Artikolu 40 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv għal Kuntratti Pubbliċi stabbilit bid-Deċiżjoni 71/306/KEE. 2. Fir-rigward tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet li jaqgħu fil-kategorija 5 ta’ l-Anness IA, il-Kummissjoni għandha tkun ukoll assistita mill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist tat-Telekomunikazzjonijiet stabbilit bid-Direttiva 90/531/KEE. 3. Meta ssir referenza għall-proċedura stabbilita f’dan il-paragrafu, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jkollhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni dwar l-abbozz fil-limitu ta’ żmien li l-president jista jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja, jekk neċessarju billi jittieħed vot. L-opinjoni għandha tiġi rreġistrata fil-minuti; barra minn dan, kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt biex jitlob li jkollu l-pożizzjoni tiegħu rreġistrata fil-minuti. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra bir-reqqa l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Hija għandha tinforma lill-Kumitat bil-mod li bih tkun ġiet ikkunsidrata l-opinjoni tiegħu. 4. Il-Kumitati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jeżaminaw, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ Stat Membru, kull kwistjoni relatata ma’ l-applikazzjoni tad-Direttiva. L-Artikolu 41 L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma’ l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubbliku u għal kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [12] għandhom jinbidlu b’li ġej: "1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt li jaqgħu taħt l-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE, 77/62/KEE, u 92/50/KEE [13] deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu rriveduti effettivament u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’jkunskond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew ir-regoli tan-nazzjon li jimplimentaw dik il-liġi." . L-Artikolu 42 1. "(ċ) il-valur ta’ l-għetiebi fil-muniti nazzjonali u l-għatba tal-Ftehim tal-GATT espress f’ecus għandu fil-prinċipju jiġi rivedut kull sentejn b’effett milfl-1 ta’ Jannar 1988. Il-kalkolu ta’ dawn il-valuri għandu jkun ibbażat fuq il-valuri medji ta’ kuljum ta’ dawn il-muniti espressi f’ecus u ta’ l-ecu espress f’SDRs tul l-24 xahar li jintemmu fl-aħħar jum ta’ Awwissu immedjatament qabel ir-reviżjoni ta’ l-1 ta’ Jannar. Dawn il-valuri għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-bidu ta’ Novembru." 2. "2. (a) Il-valur ta’ l-għatba fil-muniti nazzjonali għandu jkun normalment irrivedut kull sentejn b’effett mill-1 ta’ Jannar 1992. Il-kalkolu ta’ dan il-valur għandu jkun ibbażat fuq il-valur medju ta’ kuljum ta’ dawn il-muniti espressi f’ecus tul l-24 xahar li jintemmu fl-aħħar jum ta’ Awwissu immedjatament qabel ir-reviżjoni ta’ l-1 ta’ Jannar. Dawn il-valuri għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-bidu ta’ Novembru. (b) il-metodu tal-kalkolu stabbilit fis-subparagrafu (a) għandu jiġi rrivedut, fuq proposta mill-Kummissjoni, mill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi fil-prinċipju sentejn wara l-applikazzjoni inizjali tiegħu." L-Artikolu 43 Mhux iktar tard minn tliet snin wara l-limitu taż-żmien għall-konformità ma’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitati msemmija fl-Artikolu 40(1) u (2), għandha tirrevedi l-mod li bih operat din id-Direttiva, inklużi l-effetti ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva għall-akkwist tas-servizzi elenkati fl-Anness IA u d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw standards tekiniċi. Hija għandha tevalwa, b’mod partiolari, il-prospetti għall-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva għall-akkwist tas-servizzi l-oħrajn elenkati fl-Anness IB, u l-effetti tat-twettiq ta’ servizzi in-house dwar il-ftuħ effettiv ta’ akkwist f’dan il-qasam. Għandha tagħmel il-proposti neċessarji biex din id-Direttiva tkun adattata kif xieraq. L-Artikolu 44 1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel fl-1 ta’ Lulju 1993. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva. L-Artikolu 45 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 1992. Għall Kunsill Il-President Vitor Martins [1] ĠU C 23, tal-31.1.1991, p. 1, uĠU C 250, tal-25.9.1991, p. 4 [2] ĠU C 158, tas-17.6.1991, p. 90, uĠU C 150, tal-15.6.1992. [3] ĠU C 191, tat-22.7.1991, p. 41. [4] ĠU L 185, tas-16.8.1971, p. 5. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/531/KEE, (ĠU L 297, tad-29.10.1990, p. 1). [5] ĠU L 13, tal-15.1.1977, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/531/KEE, (ĠU L 297, tad-29.10.1990, p. 1). [6] ĠU L 297, tad-29.10.1990, p. 1. [7] ĠU L 185, tas-16.8.1971, p. 15. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 77/63/KEE, (ĠU L 13, tal-15.1.1977, p. 15). [8] ĠU L 217, tal-5.8.1986, p. 21. Emendata bid-Direttiva 91/263/KEE (ĠU L 128, tat-23.5.1991, p.1). [9] ĠU L 36, tas-7.2.1987, p. 31. [10] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 12. [11] ĠU L 124, tat-8.6.1971, p. 1. [12] ĠU L 395, tat-30.2.1989, p. 33. [13] ĠU L 209, ta’ l-24.7.1992, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS I A Servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 8 Kategorija Nru | Suġġett | Numru ta’ Referenza CPC | 1. | Servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija | 6112, 6122, 633, 886 | 2. | Servizzi ta’ trasport ta’ l-art [1], inklużi servizzi ta’ karrozzi armati, u servizzi tal-courier, ħlief it-trasport tal-posta | 712 (ħlief 71235), 7512, 87304 | 3. | Servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u merkanzija, ħlief it-trasport tal-posta | 73 (ħlief 7321) | 4. | It-trasport tal-posta bl-art [1] u bl-ajru | 71235, 7321 | 5. | Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet [2] | 752 | 6. | Servizzi finanzjarji (a)Servizzi ta’ assigurazzjoni(b)Servizzi ta’ bankar u investiment [3] | ex 81 812, 814 | 7. | Servizzi tal-kompjuter u relatati | 84 | 8. | Servizzi R & D [4] | 85 | 9. | Servizzi ta’ kontabbiltà, verifika u book-keeping | 862 | 10. | Riċerka tas-suq u servizzi ta’ polling ta’ l-opinjoni pubblika | 864 | 11. | Servizzi ta’ konsultazzjoni amministrattiva [5] u servizzi relatati | 865, 866 | 12. | Servizzi arkittettoniċi, servizzi ta’ inġinerija u servizzi integrati ta’inġinerija; servizzi ta’ ppjanar urban u servizzi arkitettoniċi ta’ landscape; servizzi relatati xjentifiċi u ta’ konsulenza teknika; servizzi ta’ kontroll tekniku u ta’ analiżi | 867 | 13. | Servizzi ta’ reklamar | 871 | 14. | Servizzi ta’ tindif tal-bini u ta’ mmaniġġar ta’ proprjetà | 874 82201 sa 82206 | 15. | Servizzi ta’ pubblikazzjoni u stampar fuq bażi ta’ ħlas jew kuntratt | 88442 | 16. | Servizzi ta’ drenaġġ u ta’ skart; iġjene u servizzi simili | 94 | [1] Ħlief għal servizzi ta’ trasport bil-ferrovija koperti bil-Kategorija 18. [2] Ħlief servizzi ta’ telefonija, telex, radjutelefonija, paging u servizzi tas-satellita. [3] Ħlief kuntratti għal servizzi finanzjarji in konnessjoni mal-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħrajn, u servizzi tal-bank ċentrali. [4] Ħlief kuntratti ta’ riċerka u servizz ta’ żvilupp barra minn dawk meta l-benefiċċji jakkumulaw esklużivament għall-awtorità kontraenti għall-użu tagħha fil-kondotta ta’ l-affarijiet proprji tagħha, bil-kondizzjoni li s-servizz ipprovdut huwa kollu kemm hu rimunerat mill-awtorità kontraenti. [5] Ħlief servizzi ta’ arbitraġġ u servizzi ta’ konċiljazzjoni. -------------------------------------------------- L-ANNESS I B Servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 9 Kategorija Nru | Suġġett | Numru ta’ Referenza CPC | 17. | Servizzi ta’ lukandi u ristoranti | 64 | 18. | Servizzi ta’ trasport bil-ferrovija | 711 | 19. | Servizzi ta’ trasport ta’ l-ilma | 72 | 20. | Servizzi ta’ trasport ta’ sostenn u awżiljarju | 74 | 21. | Servizzi legali | 861 | 22. | Servizzi ta’ postazzjoni ta’ persunal u ta’ provvista | 872 | 23. | Servizzi ta’ investigazzjoni u sigurtà, ħlief servizzi ta’ karrozzi armati | 873 (ħlief 87304) | 24. | Servizzi edukattivi u edukattivi professjonali | 92 | 25. | Servizzi tas-saħħa u soċjali | 93 | 26. | Servizzi rikreazzjonali, kulturali u sportivi | 96 | 27. | Servizzi oħrajn | | -------------------------------------------------- L-ANNESS II Id-definizzjoni ta’ ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi Għall-iskop ta’ din id-Direttiva l-espressjonijiet li ġejjin għandhom jiġu definiti kif ġej: 1. Speċifikazzjonijiet tekniċi: it-totalità tal-preskrizzjonijiet tekniċi li hemm partikolarment fid-dokumenti ta’ offerta, li jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ xogħol, materjal, prodott jew provvista, li tippermetti xogħol, materjal, prodott jew provvista biex jiġi deskritt b’mod tali li hu jissodisfa l-użu li għalih huwa intenzjonat mill-awtorità kontraenti. Dawn il-preskrizzjonijiet tekniċi għandhom jinkludu livell ta’ kwalità, twettiq, sigurtà jew dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet applikabbli għall-materjal, il-prodott jew il-fornitura fir-rigward ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità, terminoloġija, simboli, kontroll u modi ta’ kontroll, ippakkjar, immarkar jew ittikkettar. Għandhom jinkludu wkoll regoli relatati mad-disinn u l-ispiża, it-test, l-ispezzjoni u l-kondizzjonijiet ta’ aċċettazzjoni għal xogħlijiet u metodi jew tekniċi ta’ kostruzzjoni u l-kondizzjonijiet tekniċi l-oħrajn kollha li l-awtorità kontraenti tinsab f’pożizzjoni li tippreskrivi, taħt regolamenti ġenerali jew speċifiċi, f’relazzjoni max-xogħlijiet lesti u għall-materjal jew partijiet li huma jinvolvu. 2. Standard: speċifikazzjoni teknika approvata minn korp ta’ standardizzazzjoni rikonoxxut għal applikazzjoni ripetuta u kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex fil-prinċipju ta’ bil-fors. 3. Standard Ewropew: standard approvat mill-Kumitat Ewropew Għall-Istandardizzazzjoni (CEN) jew mill-Kumitat Ewropew Għall-Istandarizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) bħala "Standards Ewropej (EN)" jew "Dokumenti ta’Armonizzazzjoni (HD)" skond ir-regoli komuni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jew mill-Istitut ta’ l-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet Ewropej (ETSI) bħala "Standard ta’ Telekomunikazzjoni Ewropea" (ETS). 4. Approvazzjoni teknika Ewropea: Stima teknika favorevoli għall-adattabilità għal użu ta’ prodott, ibbażata fuq is-sodisfazzjon tal-ħtiġiet essenzjali għal xogħlijiet ta’ bini, permezz tal-karatteristiċi inerenti tal-prodott u l-kondizzjonijiet definiti ta’ applikazzjonijiet u użu. Approvazzjoni Ewropea għandha tinħareġ minn korp ta’ approvazzjoni intiż għal dan l-iskop mill-Istat Membru; 5. Speċifikazzjoni teknika komuni: Speċifikazzjoni teknika stabbilita skond proċedura rikonoxxuta mill-Istati Membri biex tassigura applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 6. Ħtiġiet essenzjali: ħtiġiet li jirrigwardaw is-sigurtà, saħħa u ċerti aspetti oħra fl-interess ġenerali, li x-xogħlijiet tal-kostruzzjoni jistgħu jissodisfaw. -------------------------------------------------- L-ANNESS III Notifiki ta’ kuntratt mudell A. Informazzjoni minn qabel 1. Isem, indirizz, indirizz telgrafiku, telefon, telex u numru tal-fax ta’ l-awtorità kontraenti, u, jekk differenti, tas-servizz li minnu tista’ tinkiseb informazzjoni addizzjonali. 2. Akkwist totali intiża f’kull waħda mill-kategoriji tas-servizz elenkati fl-Anness IA. 3. Data stmata għall-bidu tal-proċedura ta’ l-għoti, għal kull kategorija. 4. Informazzjoni oħra. 5. Data tal-kunsinna tan-notifika. 6. Data ta’ l-irċevuta tan-notifika mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. B. Proċedura miftuħa 1. Isem, indirizz, indirizz telegrafiku, telefon, telex u numri tal-fax ta’ l-awtorità kontraenti. 2. Kategorija ta’ servizz u deskrizzjoni. Numru ta’ referenza CPC. 3. Post tal-kunsinna. 4. (a) indikazzjoni ta’ jekk l-eżekuzzjoni tas-servizz hijiex riservata b’liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva għal professjoni partikolari. (b) Referenza tal-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva. (ċ) Indikazzjoni ta’ jekk persuni ġuridiċi għandhomx jindikaw l-ismijiet u l-kwalifiki professjonali ta’ l-istaff li għandu jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-servizz. 5. Indikazzjoni ta’ jekk il-fornituri tas-servizz jistgħux jjoffru għal parti mis-servizzi kkonċernati. 6. Meta applikabbli, in-nonaċċettazzjoni ta’ varjanti. 7. It-tul tal-kuntratt jew limitu taż-żmien għall-kompletazzjoni tas-servizz. 8. (a) Isem u indirizz tas-servizz li minnu jistgħu jintalbu d-dokumenti neċessarji. (b) Id-data finali biex isiru dawn it-talbiet. (ċ) Meta applikabbli, l-ammont u t-termini tal-ħlas ta’ kull somma pagabbli għal dawn id-dokumenti. 9. (a) Persuni awtorizzati li għandhom ikunu preżenti fil-ftuħ ta’ l-offerti. (b) Data, ħin u post tal-ftuħ. 10. Meta applikabbli, kull depożitu u garanzija meħtieġa. 11. It-termini ewlenin rigward l-iffinanzjar u l-ħlas u/jew referenzi għad-dispożizzjonijiet relevanti. 12. Meta applikabbli, il-forma legali li għandha tittieħed mill-iggruppar tal-fornituri tas-servizz li jirbħu l-kuntratt. 13. Informazzjoni li tikkonċerna l-pożizzjoni proprja ta’ l-istess fornitur tas-servizz, u informazzjoni u formalitajiet neċessarji għal valutazzjoni ta’ l-istandards minimi ekonomiċi u tekniċi meħtieġa minnu. 14. Il-perjodu li matulu l-offerent ikun marbut li jżomm miftuħa l-offerta tiegħu. 15. Kriterji għall-għoti tal-kuntratt u, jekk possibbli, l-ordni ta’ importanza tagħhom. Kriterja oħra minbarra dik ta’ l-iktar prezz baxx għandha tissemma jekk ma tidhirx fid-dokumenti tal-kuntratt. 16. Informazzjoni oħra. 17. Data tal-kunsinna tan-notifika. 18. Data ta’ l-irċevuta tan-notifika mill-uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Ċ. Proċedura ristretta 1. Isem, indirizz, indirizz telegrafiku, telefon, telex u numru tal-fax ta’ l-awtorità kontraenti. 2. Kategorija ta’ servizz u deskrizzjoni. Numru ta’ referenza CPC. 3. Post ta’ kunsinna. 4. (a) indikazzjoni ta’ jekk l-eżekuzzjoni tas-servizz hix riservata bil-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva għal professjoni partikolari. (b) Referenza tal-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva. (ċ) Indikazzjoni ta’ jekk persuni ġuridiċi għandhomx jindikaw l-ismijiet u l-kwalifiki professjonali ta’ l-istaff li għandu jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-servizz. 5. Indikazzjoni ta’ jekk il-fornitur tas-servizz jistax jagħmel offerta għal parti mis-servizzi kkonċernati. 6. Numru pronostikat jew firxa ta’ fornituri tas-servizz li ikunu mistiedna għal offerta. 7. Meta applikabbli, in-nonaċċettazzjoni ta’ varjanti. 8. It-tul tal-kuntratt, jew limitu taż-żmien għat-twettieq tas-servizz. 9. Meta applikabbli, il-forma ġuridika li għandha tkun assunta mill-iggruppar tal-fornituri tas-servizz li jirbħu l-kuntratt. 10. (a) Meta applikabbli, il-ġustifikazzjoni għall-użu tal-proċedura aċċellerata. (b) Id-data finali għall-irċevuta tat-talbiet għal parteċipazzjoni. (ċ) L-indirizz li għandhom jintbagħtu lilu. (d) Il-lingwa/lingwi li biha/bihom għandhom jitfasslu. 11. Id-data finali għall-kunsinna ta’ l-istediniet għal offerta. 12. Meta applikabbli, kull depożitu u garanzija meħtieġa. 13. Informazzjoni li tikkonċerna il-pożizzjoni proprja tal-fornitur tas-servizz, u l-informazzjoni u l-formalitajiet neċessarji għal valutazzjoni ta’ l-istandards minimi ekonomiċi u tekniċi meħtieġa minnu. 14. Kriterji għall-għoti tal-kuntratt u, jekk possibbli, l-ordni ta’ importanza tagħhom kemm-il darba dawn mhumiex dikjarati fl-istedina għal offerta 15. Informazzjoni oħra. 16. Data tal-kunsinna tan-notifika. 17. Data ta’ l-irċevuta tan-notifika mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. D. Proċedura negozjata 1. Isem, indirizz, indirizz telegrafiku, telefon, telex u numru tal-fax ta’ l-awtorità kontraenti. 2. Kategorija ta’ servizz u deskrizzjoni. Numru ta’ referenza CPC. 3. Post tal-kunsinna. 4. (a) indikazzjoni ta’ jekk l-eżekuzzjoni tas-servizz hijiex riservata b’liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva għal professjoni partikolari. (b) Referenza tal-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva. (ċ) Indikazzjoni ta’ jekk persuni ġuridiċi għandhomx jindikaw l-ismijiet u l-kwalifiki professjonali ta’ l-istaff li għandu jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-servizz. 5. Indikazzjoni ta’ jekk il-fornitur tas-servizz jistax jagħmel offerta għal parti mis-servizzi kkonċernati. 6. Numru ppronostikat jew firxa ta’ fornituri tas-servizz li jkunu mistiedna għal offerta. 7. Meta applikabbli, in-nonaċċettazzjoni ta’ varjanti. 8. It-tul tal-kuntratt, jew il-limitu ta’ żmien għall-kompletazzjoni tas-servizz. 9. Meta applikabbli, il-forma legali li għandha tkun assunta mill-iggruppar ta’ fornituri tas-servizz li jirbħu l-kuntratt. 10. (a) Meta applikabbli, il-ġustifikazzjoni għall-użu tal-proċedura aċċellerata. (b) Id-data finali għall-irċevuta ta’ talbiet għal parteċipazzjoni. (ċ) L-indirizz li lilu għandhom jintbgħatu. (d) Il-lingwa/lingwi li biha/bihom għandhom jitfasslu. 11. Meta applikabbli, kull depożitu u garanzija meħtieġa. 12. Informazzjoni rigward il-pożizzjoni proprja tal-fornituri tas-servizz, u l-informazzjoni u l-formalitajiet neċessarji għall-valutazzjoni ta’ l-istandards minimi ekonomiċi u tekniċi meħtieġa minnu. 13. Meta applikabbli, l-ismijiet u l-indirizzi ta’ fornituri tas-servizz li diġà ntgħażlu mill-awtorità kontraenti. 14. Informazzjoni oħra. 15. Data tal-kunsinna tan-notifika. 16. Id-data ta’ l-irċevuta tan-notifika mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 17. Data/dati preċedenti ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. E. Notifika ta’ l-għoti tal-kuntratt 1. Isem u indirizz ta’ l-awtorità kontraenti 2. Proċedura ta’ l-għoti magħżula. Fil-każ tal-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ offerta, ġustifikazzjoni (l-Artikolu 11(3)). 3. Il-Kategorija ta’ servizz u deskrizzjoni. Numru ta’ referenza CPC. 4. Data ta’ l-għoti tal-kuntratt. 5. Kriterja għall-għoti ta’ kuntratti 6. Numru ta’ offerti riċevuti. 7. Isem u indirizz tal-fornitur/i tas-servizz. 8. Prezz jew firxa ta’ prezzijiet (minimu/massimu) imħallas/imħallsa. 9. Meta approprjat, il-valur u l-proporzjon tal-kuntratt li jista’ jiġi subkuntrattat lil terzi partijiet. 10. Informazzjoni oħra. 11. Data tal-pubblikazzjoni tan-notifika tal-kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 12. Data tal-kunsinna tan-notifika. 13. Data ta’ l-irċevuta tan-notifika mill-Uffiċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 14. Fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi elenkati fl-Anness IB, il-ftehim mill-awtorità kontraenti għall-pubblikazzjoni tan-notifika (l-Artikolu 16(3)). -------------------------------------------------- L-ANNESS IV A. Notifika tal-kuntest tad-disinn 1. Isem, indirizz, indirizz telgrafiku, telefon, telex u numru tal-fax ta’ l-awtorità kontraenti u tas-servizz li minnu jistgħu jinkisbu dokumenti addizzjonali. 2. Deskrizzjoni tal-proġett. 3. Natura tal-kuntest: miftuħ jew ristrett. 4. Fil-każ ta’ kuntesti miftuħa: id-data finali għall-irċevuta tal-proġetti. 5. Fil-każ ta’ kuntesti ristretti: (a) in-numru ta’ parteċipanti mistenni; (b) meta applikabbli, l-ismijiet tal-parteċipanti diġà magħżula; (ċ) il-kriterji għas-selezzjoni tal-parteċipanti; (d) id-data finali ta’ l-irċevuta ta’ talbiet għal parteċipazzjoni. 6. età applikabbli, indikazzjoni ta’ jekk il-parteċipazzjoni hijiex riservata għal professjoni partikolari. 7. Il-kriterji li għandha tkun applikata fl-evalwazzjoni tal-proġetti. 8. Meta applikabbli, l-ismijiet tal-membri magħżula tal-ġurija. 9. Indikazzjoni ta’ jekk id-deċiżjoni tal-ġurija tkunx torbot fuq l-awtorità kontraenti. 10. Meta applikabbli, in-numru u l-valur tal-premijiet. 11. Meta applikabbli, dettalji dwar pagamenti lill-parteċipanti kollha. 12. Indikazzjoni ta’ jekk ir-rebbieħa tal-premijiet ikunux permessi kuntratti ta’ segwitu. 13. Informazzjoni oħra. 14. Data tal-kunsinna tan-notifika. 15. Data ta’ l-irċevuta tan-notifika mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. B. Riżultati tal-kuntest tad-disinn 1. Isem, indirizz, indirizz telegrafiku, telefon, telex u numri tal-fax ta’ l-awtorità kontraenti. 2. Deskrizzjoni tal-proġett. 3. In-numru totali tal-parteċipanti. 4. In-numru tal-parteċipanti barranin. 5. Rebbieħ/a tal-kuntest. 6. Meta applikabbli, il-premju/premijiet. 7. Informazzjoni oħra. 8. Referenza tan-notifika tal-kuntest tad-disinn. 9. Data tal-kunsinna tan-notifika. 10. Id-Data ta’ l-irċevuta tan-notifika mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. --------------------------------------------------