Official Journal L 057 , 02/03/1992 P. 0027 - 0028
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0072
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0072
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE ta' l-10 ta' Frar 1992 dwar l-istallazzjoni u l-użu ta' apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta' vetturi tal-mutur fil-Komunità IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kommissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3], Billi wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni tat-trasport huwa li jistabbilixxi r-regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali ġewwa l-Komunità u li jħaffef iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku; Billi kif kiber it-traffiku fit-toroq u ż-żieda li tirriżulta minn dan fil-perikoli u l-inkonvenjenzi tippreżenta lill-Istati Membri kollha problemi ambjentali u dwar is-sigurtà fit-toroq ta' natura serja; Billi l-qawwa disponibbli tal-magni għall-vetturi li jġorru merkanzija tqila u l-karozzi tal-linja meħtieġa sabiex jitilgħu it-tlajja' tgħinhom biex fit-toroq għall-wita jinsaqu b'veloċitajiet eċċessivi li mhumiex kompatibbli ma' l-ispeċifikazzjonijiet ta' partijiet oħra ta' dawn il-vetturi bħall-brejkijiet u t-tyres; billi, għal din ir-raġuni u għar-raġunijiet tal-protezzjoni ambjentali f'ċerti Stati Membri, il-mezzi li jillimitaw il-veloċità saru obbligatorji għal ċerti kategoriji ta' vetturi tal-mutur; Billi jekk dawn il-mezzi jibdew jintużaw b'mod ġenerali jiżdiedu l-effetti ta' benefiċċju tal-mezzi li jillimitaw il-veloċità rigward il-protezzjoni ta' l-ambjent u l-konsum ta' l-enerġija, rigward l-użu u l-ħsara lill-magna u lit-tyres u rigward is-sigurtà fit-toroq; Billi l-użu tal-mezzi li jillimitaw il-veloċità ma jservi għalxejn għajr jekk l-apparat li jitwaħħal ikun ta' livell tekniku perfett hekk li jipprovdi garanzija adegwata li l-ebda frodi ma tkun possibbli; Billi, bħala l-ewwel pass, għandhom jiddaħħlu ħtiġiet fil-każ biss ta' l-itqal kategoriji tal-vetturi tal-mutur li huma l-iktar involuti fit-trasport internazzjonali u wara dan, jiddependi mill-possibbiltajiet tekniċi u l-esperjenzi fl-Istati Membri, dawn jistgħu jiġu estiżi għal kategoriji eħfef ta' vetturi tal-mutur; Billi, f'ċerti Stati Membri, il-vetturi maħsuba esklussivament għall-ġarr ta' l-oġġetti perikolużi jrid ikollhom mezzi li jillimitaw il-veloċità stabbiliti fuq il-veloċitajiet massimi inqas minn dawk maħsuba f'din id-Direttiva; billi, f'dan il-każ speċifiku, l-Istati Membri fil-kwistjoni għandhom jitħallew iżommu dawn ir-regolamenti għall-vetturi rreġistrati fit-territorju tagħhom għaliex iżidu s-sigurtà fuq it-triq u l-protezzjoni ċivili tal-pubbliku, skond il-għanijiet ta' din id-Direttiva; Billi l-istallazzjoni tal-mezzi illi jillimitaw il-veloċità fuq il-vetturi tal-kategoriji M3 u N3 koperti b'din id-Direttiva, irreġistrati qabel ma tidħol fis-seħħ u maħsuba esklussivament għax-xogħol tat-trasport nazzjonali tista' twassal għal spejjeż eċċessivi f'ċerti Stati Membri; billi għandu għalhekk ikun possibbli għal dawn l-Istati Membri li jipposponu l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Direttiva għall-vetturi interessati; Billi din id-Direttiva ma taffettwax il-prerogattivi ta' l-Istati Membri rigward id-dispożizzjonijiet tar-restrizzjonijiet tal-veloċità tat-traffiku, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Għall-għan ta' din id-Direttiva, "vettura bil-mutur" hija kull vettura b'magna li taħdem bl-enerġija li tidħol f'waħda mill-kategoriji mniżżla fil-lista hawn taħt, maħsuba sabiex tintuża fuq it-triq u li jkollha mill-inqas erba' roti u veloċità massima ddisinjata li taqbeż il-25 km/s: - il-vetturi tal-kategorija M3 li jkollhom piż massimu li jaqbeż l-10 tunnellati metriċi, - il-vetturi tal-kategorija N3, il-kategoriji M3 u N3 huma meqjusa bħala dawk definiti fl-Anness I tad-Direttiva 70/156/KEE [4]. L-Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-vetturi tal-mutur tal-kategorija M3 riferiti fl-Artikolu 1 għandhom jintużaw biss fuq it-triq jekk il-mezzi li jillimitaw il-veloċità jkunu installati u li l-veloċità massima tagħhom tkun stabbilita għal 100 km/h. L-Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-vetturi tal-mutur tal-kategorija N3 għandhom jintużaw biss fuq it-triq jekk ikunu mgħammra b'mezz imqiegħed f'manjiera hekk li l-veloċità tagħhom ma tistax taqbeż id-90 km/h; filwaqt li tinżamm fil-moħħ it-tolleranza teknika li hija permessa, fl-istat preżenti tat-teknoloġija, bejn il-valur regolatorju u l-veloċità attwali tat-traffiku, il-veloċità massima fuq dan il-mezz għandha tkun stabilita għal 85 km/h. 2. L-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati li jistabilixxu l-veloċità massima tal-mezz għal inqas minn 85 km/h fuq il-vetturi użati esklussivament għat-trasport ta' merkanzija perikolużi u reġistrati fit-territorju tagħhom. L-Artikolu 4 1. L-Artikoli 2 u 3 għandhom japplikaw għall-vetturi rreġistrati mill-1 ta' Jannar 1994. 2. L-Artikoli 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1995, għall-vetturi rreġistrati bejn l-1 ta' Jannar 1988 u l-1 ta' Jannar 1994. Madankollu, fejn dawn il-vetturi huma użati esklussivament għax-xogħol tat-trasport nazzjonali, l-Artikoli 2 u 3 jistgħu jiġu applikati sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1996. L-Artikolu 5 1. Sakemm jiġu applikati d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar dawn il-materji, il-mezzi li jillimitaw il-veloċità riferiti fl-Artikoli 2 u 3 iridu jissodisfaw il-ħtiġiet tekniċi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. 2. Il-mezzi li jillimitaw il-veloċità jridu jiġu installati minn ħwienet tax-xogħol jew minn korpi approvati mill-Istati Membri. L-Artikolu 6 Il-ħtiġiet ta' l-Artikoli 2 u 3 ma japplikawx għall-vetturi tal-mutur użati mill-forzi armati, mid-difiża ċivili, mis-servizzi tat-tifi tan-nar u mis-servizzi l-oħra ta' emerġenza u mill-forzi responsabbli miż-żamma ta' l-ordni pubblika. L-istess għandu japplika għall-vetturi tal-mutur li: - minħabba l-binja tagħhom, ma jistgħux isuqu b'ħeffa iktar mil-limiti pprovduti fl-Artikoli 2 u 3, - huma użati għal testijiet xjentifiċi fuq it-toroq, - humauwżati biss għas-servizzi pubbliċi f'żoni urbani. L-Artikolu 7 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 1993. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b'dan. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura sabiex issir din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri jridu jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva. L-Artikolu 8 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fl-10 ta' Frar 1992. Għall-Kunsill Il-President Jorge Braga de Macedo [1] ĠU C 225 tat-30.8.1991, p. 11. [2] ĠU C 13 ta' l-20.1.1992. [3] ĠU C 40, tas-17.2.1992. [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-mutur u t-trailers tagħhom (ĠU L 42 tat-23.2.1970, p. 1). Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 87/403/KEE (ĠU L 220 tat-8.8.1987, p. 44). --------------------------------------------------