31991R3499



Official Journal L 331 , 03/12/1991 P. 0001 - 0001
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 4 P. 0019
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 4 P. 0019


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3499/91

tat-28 ta' Novembru 1991

li jistabbilixxi qafas Komunitarju għal studji u proġetti-pilota għall-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 tal-25 ta' Jannar 1983 li jwaqqaf sistema Komunitarja għall-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tar-riżorsi tas-sajd [1], kif emendat bl-Att tas-Sħubija ta' Spanja u l-Portugall, u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 170/83, il-Kunsill irid, fid-dawl tal-pariri xjentifiċi disponibbli, jifformula l-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet dikjarati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament;

Billi l-implimentazzjoni ta' politika għall-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tar-riżorsi tas-sajd qiegħda ssir dejjem aktar vitali fir-reġjun tal-Mediterran sabiex jiġu ppreservati l-beni tas-sajd ta' ġo fih u sabiex jittejbu għall-benefiċċju, b'mod partikolari, tal-popolazzjonijiet kostali;

Billi għandhom jiġu mwettqa studji u proġetti-pilota fl-istadju inizjali tal-proċess tad-dħul ta' sistema komuni sabiex jiġu identifikati l-punti fejn il-miżuri tal-Komunità x'aktarx jipprovdu soluzzjoni għal problemi speċifiċi u b'mod partikolari immedjati;

Billi, għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli dettaljati sabiex jiġu applikati dawn il-miżuri, megħjuna mill-Kumitat Permanenti ta' l-Industrija tas-Sajd,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Bħala parti mid-dħul bil-mod il-mod ta' sistema komuni għall-amministrazzjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, tista’ tiġi mogħtija għajnuna finanzjarja Komunitarja għal studji u proġetti-pilota skond kondizzjonijiet li tistabbilixxi l-Kummissjoni.

Artikolu 2

L-istudji u l-proġetti-pilota msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikopru ż-żoni ta' prijorità li ġejjin:

- l-istrutturi tat-tipi tradizzjonali tas-sajd,

- l-iżvilupp ta' sajd speċjalizzat bħalma huwa s-sajd għall-isponoż, il-korall, ir-rizzi u l-ħaxix tal-baħar,

- il-kontroll ta' l-attivitajiet tas-sajd,

- l-iżvilupp ta' xibka ta' informazzjoni statistika,

- il-kordinament tar-riċerka u ta' l-użu ta' informazzjoni xjentifika.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-istudji u l-proġetti-pilota msemmija fl-Artikolu 1 wara li tikkonsulta l-Kumitat Permanenti ta' l-Industrija tas-Sajd.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta' Novembru 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Pronk

[1] ĠU L 24, tas-27.1.1983, pġ. 1.

--------------------------------------------------