31991R0595



Official Journal L 067 , 14/03/1991 P. 0011 - 0015
Finnish special edition: P. 0040
Swedish special edition: P. 0010


Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91

ta’ l-4 ta’ Marzu 1991

dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa ħażin b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tagħrif f’dan il-qasam u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 283/72

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [1], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 2048/88 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1676/85 tal-11 ta’ Ġunju 1985 dwar il-valur ta’ l-unità tal-kontijiet u r-rati tal-kambju li jridu jiġu applikati għall-iskopijiet tal-politika agrikola komuni [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2205/90 [4], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [5],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [6],

Billi l-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 jistabbilixxi l-prinċipji skond liema l-Komunità għandha l-ħsieb li tintensifika l-kampanja kontra l-irregolaritajiet u l-irkupru tas-somom ta’ flus mitlufa u billi, bi qbil mal-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu, il-Kunsill irid jadotta regoli ġenerali għall-adozzjoni tiegħu;

Billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 283/72 [7] jeħtieġu li jiġu aġġustati sabiex jarmonizzaw l-applikazzjoni tiegħu fl-Istati Membri u jintensifikaw il-kampanja kontra l-irregolaritajiet fid-dawl ta’ l-esperjenza; billi, għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa xieraq li jinbidel ir-Regolament (KEE) Nru 283/72 fl-intier tiegħu;

Billi, sabiex il-Komunità tkun aktar informata dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jiġġieldu kontra irregolaritajiet, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jridu jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni għandhom jiġu speċifikati;

Billi, bil-għan li jiġu aċċettati n-natura tal-prassi qarrieqa u l-effetti finanzjarji ta’ l-irregolaritajiet u sabiex jiġu irkuprati somom ta’ flus mħallsa ħażin, għandha ssir dispożizzjoni sabiex irregolaritajiet bħal dawn jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni kull tliet xhur; billi komunikazzjoni bħal din trid tiġi supplimentata minn tagħrif dwar il-progress ta’ proċeduri ġudizzjali jew amministrattivi;

Billi l-Kummissjoni għandha tiġi infurmata sistematikament dwar il-proċeduri ġudizzjali u amministrattivi kontra persuni li ikkommettew irregolaritajiet; billi jkun tajjeb ukoll jekk tiġi żgurata t-trasmissjoni sistematika ta’ tagħrif li jirrigwarda l-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Komunità;

Billi għandhom jiġu speċifikati l-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni f’każijiet fejn is-somom mitlufa permezz ta’ irregolarità ma jistgħux jiġu irkuprati;

Billi, f’każijiet meta l-Kummissjoni titlob lil Stat Membru sabiex jiftaħ inkjesta, il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa dwar it-tħejjija għall-inkjesta u l-eżitu tagħha; billi d-drittijiet ta’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni li jipparteċipaw f’dawn l-inkjesti għandhom jiġu definiti;

Billi r-regoli nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ proċedimenti kriminali jew assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fuq livell ġudizzjali fi kwistjonijiet kriminali m’għandhomx jiġu milquta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

Billi dispożizzjoni għandha ssir għall-kontribut tal-Komunità għall-ispejjeż ta’ l-inkjesta u ta’ l-irkupru bbażati fuq is-somom irkuprati; billi huwa xieraq ukoll li jipprovdu għal possibiltà li l-Komunità tagħmel kontribut għall-ispejjeż legali u għall-ispejjeż li joħorġu direttament minn proċeduri ġudizzjali;

Billi, sabiex jiġu evitati l-irregolaritajiet, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tiġi rinfurzata waqt li jiġi aċċertat li azzjoni bħal din titmexxa b’miżura kbira ta’ diskrezzjoni;

Billi r-riżultati ġenerali għandhom jiġu komunikati lill-Kumitat tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija kull tliet xhur u lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill kull sena;

Billi l-għatba minima li ’l fuq minnha każijiet ta’ irregolaritajiet iridu jiġu mgħarrfa awtomatikament mill-Istati Membri għandha tiġi mgħollija; billi dik l-għatba hija stabbilita, minkejja l-Artikolu 2(1) ta’ Regolament (KEE) Nru 1676/85, b’tali mod illi tikseb metodu uniformi u paragunabbli, li tista tiddaħħal fis-seħħ faċilment mill-amministrazzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ rata ta’ kambju li tirrifletti realtà ekonomika;

Billi għandu jiġi speċifikat li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw ukoll f’każijiet meta l-ħlas li suppost ikun sar minn operatur fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija, Taqsima ta’ Garanziji, minn issa ’il quddiem msejjaħ "il-Fond", ma jkunx sar minħabba xi irregolarità,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Il-miżuri li għalihom issir referenza f’dan ir-Regolament għandhom ikollhom x’jaqsmu ma’ l-infiq kollu li jsir mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija, Taqsima ta’ Garanziji.

Dan ir-Regolament għandu jkompli japplika fil-każ ta’ irregolaritajiet li għandhom x’jaqsmu man-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija, Taqsima ta’ Garanziji, u li ġew mgħarrfa qabel l-1 ta’ Jannar 1989.

Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni, fl-Istati Membri, ta’ regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ proċedimenti kriminali jew assistenza reċiproka bejn Stati Membri fuq livell ġudizzjali f’ kwistjonijiet kriminali.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament:

- id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-liġi, regolamenti jew azzjonijiet amministrattivi għall-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70, u

- il-lista ta’ awtoritajiet u korpi responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri u d-dispożizzjonijiet ewlenin li għandhom x’jaqsmu mas-sehem u l-funzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet u l-korpi u mal-proċeduri li huma responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni kull emenda għat-tagħrif mogħti skond il-paragrafu 1.

3. Il-Kummissjoni għandha tistudja l-komunikazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u għandha tgħarraf lill-Kumitat tal-Fond bil-konklużjonijiet li bi ħsiebha tinferixxi minnhom. Hija għandha żżomm kuntatt ma’ l-Istati Membri, fejn approprjat fi ħdan il-Kumitat tal-Fond, sal-punt meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

L-Artikolu 3

1. Matul ix-xahrejn li jiġu wara t-tmiem ta’ kull tliet xhur, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni lista ta’ irregolaritajiet li kienu s-suġġett ta’ sejbiet amministrattivi ewlenin u ġudizzjali ta’ fatt.

Għal dan l-iskop għandhom, safejn hu possibbli, jagħtu tagħrif dettaljat dwar:

- id-dispożizzjoni li ġiet miksura,

- in-natura u l-ammont ta’ l-infiq; f’każijiet meta ebda ħlas ma jkun sar, l-ammonti li kienu sejrin jiġu mħallsa ħażin kieku l-irregolarità ma ġietx skoperta, minbarra meta l-operatur huwa ħati ta’ żball jew negliġenza li nstabet qabel il-ħlas u li ma tirriżultax f’xi penali amministrattivi jew ġudizzjali,

- l-organizzazzjoni komuni tas-suq u l-prodott jew prodotti jew miżura involuta,

- il-perjodu li matulu, jew il-mument li fih, l-irregolarità ġiet kommessa,

- il-prassi adottati meta tiġi kommessa l-irregolarità,

- il-manjiera li biha ġiet skoperta l-irregolarità,

- l-awtoritajiet jew il-korpi nazzjonali li rreġistraw l-irregolarità,

- il-konsegwenzi finanzjarji u l-possibiltajiet ta’ rkupru,

- id-data u l-għajn ta’ l-ewwel tagħrif li wassal għal suspett li kienet teżisti xi irregolarità,

- id-data li fiha ġiet skoperta l-irregolarità,

- fejn xieraq, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi involuti,

- l-identità tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti, minbarra f’każijiet fejn tagħrif bħal dan ma huwa ta’ ebda rilevanza fil-ġlieda kontra l-irregolaritajiet minħabba fil-karattru ta’ l-irregolarità involuta.

2. Meta xi ftit minn dan it-tagħrif, u b’mod partikolari dak li jirrigwarda l-prattiċi adottati meta tiġi kommessa l-irregolarità u l-manjiera li biha ġiet skoperta, ma jkunx disponibbli, l-Istati Membri għandhom sa fejn ikun possibbli jipprovdu t-tagħrif nieqes meta jgħaddu listi sussegwenti ta’ kull tliet xhur ta’ irregolaritajiet lill-Kummissjoni.

3. Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-kunfidenzjalità ta’ investigazzjonijiet, il-komunikazzjoni ta’ dan it-tagħrif għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-qorti kompetenti.

L-Artikolu 4

Kull Stat Membru għandu jikkomunika mill-aktar fis lill-Istati Membri l-oħra involuti u lill-Kummissjoni dwar kull irregolaritajiet li ġew skoperti u li huma suspettati li dwarhom hemm il-biża’ li jista jkollhom effetti malajr ħafna barra t-territorju tiegħu jew li juru li prassi qarrieqa ġdida ġiet adottata.

L-Artikolu 5

1. Matul ix-xahrejn li jiġu wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ tliet xhur, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjonibil-proċeduri stabbiliti wara l-irregolaritajiet mgħarrfa taħt l-Artikolu 3 u dwar il-bidliet importanti kollha li jirriżultaw minnhom, inklużi:

- l-ammonti li kienu, jew li huma mistennija, li jiġu rkuprati,

- l-azzjoni kawtelatorja meħuda mill-Istati Membri sabiex jissalvagwardjaw l-irkupru ta’ somom mħallsa ħażin,

- il-proċeduri ġudizzjali u amministrattivi stabbiliti bil-ħsieb li jirkupraw somom imħallsa ħażin u sabiex jiġi applikati sanzjonijiet,

- ir-raġunijiet għal kull abbandun ta’ proċeduri ta’ irkupru; il-Kummissjoni għandha, safejn ikun possibbli, tiġi mgħarrfa qabel ma tittieħed deċiżjoni,

- kull abbandun ta’ prosekuzzjonijiet kriminali.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjali, jew il-punti prinċipali tagħhom, li jirrigwardaw it-temma ta’ dawn il-proċeduri.

2. Meta Stat Membru jidhirlu li ammont ma jistax jiġi rkuprat totalment, jew ma jistax jiġi mistenni li jiġi rkuprat totalment, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni, permezz ta’ notifika speċjali, bl-ammont mhux irkuprat u r-raġunijiet għaliex l-ammont għandu, fil-fehma tiegħu, jitħallas mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru.

Dan it-tagħriġ irid ikun dettaljat biżżejjed biex iħalli lill-Kummissjoni tiddeċiedi min għandu jitgħabba bil-konsegenzi finanzjarji, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

L-Artikolu 6

1. Meta l-Kummissjoni jidhrilha li seħħu xi irregolaritajiet f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri, għandha tgħarraf lill-Istat jew Stati Membri involuti u dak l-Istat jew dawk l-Istati għandhom, ma l-ewwel opportunità, iwettqu inkjesta li fiha l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem.

Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, "inkjesta" għandha tittieħed li tfisser kull spezzjoni, verifika jew azzjoni mwettqa minn uffiċjali ta’ l-amministrazzjoni nazzjonali bil-ħsieb li jistabbilixxu jekk kienx hemm irregolarità, bl-eċċezzjoni ta’ azzjoni mwettqa fuq talba jew taħt l-awtorità diretta ta’ qorti.

2. L-Istat Membru għandu, kemm jista’ jkun malajr, jikkomunika lill-Kummissjoni s-sejbiet ta’ l-inkjesta.

Meta inkjesta turi li kien hemm xi irregolarità, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni biha skond l-Artikoli 3, 4 u 5 u, fejn xieraq, l-Istati Membri l-oħra involuti, skond l-Artikolu 4.

3. Meta l-uffiċjali tal-Kummissjoni jieħdu sehem fl-inkjesta, l-Istat Membru involut għandu jiġi infurmat biha. Minbarra f’każijiet urġenti, l-Istat Membru għandu jikkomunika l-fatti bażiċi ta’ l-inkjesta lill-Kummissjoni ta’ mill-inqas ġimgħa bil-quddiem.

4. Meta l-uffiċjali tal-Kummissjoni jieħdu sehem f’inkjesta, dik l-inkjesta għandha f’kull ħin titmexxa mill-uffiċjali ta’ l-Istati Membri; L-uffiċjali tal-Kummissjoni ma jistgħux, fuq l-inizjattiva tagħhom stess, jużaw is-setgħat ta’ ispezzjoni mogħtija lill-uffiċjali nazzjonali; minn naħa l-oħra, għandu jkollhom aċċess għall-istess postijiet u għall-istess dokumenti bħal ma għandhom dawk l-uffiċjali.

Sakemm u safejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar proċedimenti kriminali jirriżervaw ċerti atti għal uffiċjali assenjati speċifikament mill-liġi nazzjonali, l-uffiċjali tal-Kummissjoni m’għandhomx jieħdu sehem f’atti bħal dawn. F’kull każ, m’għandhomx jieħdu sehem b’mod partikolari fit-tfittxija ta’ postijiet jew fl-interrogazzjonijiet formali magħmula lil persuni taħt il-liġi kriminali nazzjonali. Huma għandhom, madankollu, ikollhom aċċess għat-tagħrif miksub b’dak il-mod.

Sabiex jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1, l-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom jipproduċu struzzjonijiet bil-miktub fejn jiddikjaraw l-identitajiet u l-funzjonijiet tagħhom.

L-Artikolu 7

1. Meta l-ammonti rkuprati jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Fond, l-Istat Membru jista’ jżomm 20 % ta’ dawk l-ammonti meta r-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament ma ġewx miksura b’mod sinifikanti.

2. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jiddeċiedu, fuq talba espressa tal-Kummissjoni, li jagħtu bidu jew li jissoktaw bi proċeduri ġudizzjali bil-ħsieb li jirkupraw ammonti mħallsa ħażin, il-Kummissjoni tista’ tintrabat li tħallas lura lill-Istati Membri l-ispejjeż legali kollha jew parti minnhom u l-ispejjeż li jkunu saru fil-proċedimenti legali, malli tiġi preżentata xiehda dokumentata, anke jekk il-proċedimenti ma jirnexxux.

L-Artikolu 8

1. Il-Kummissjoni għandha żżomm kuntatti approprjati ma’ l-Istati Membri involuti bl-iskop li jissupplimentaw it-tagħrif mogħti dwar l-irregolaritajiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 3, dwar il-proċeduri li għalihom issir referenza fl-Artikolu 5,u, b’mod partikolari, dwar il-possibiltà ta’ irkupru.

2. Mingħajr preġudizzju għal dan il-kuntatt, il-kwistjoni għandha titpoġġa quddiem il-Kumitat tal-Fondi meta n-natura ta’ l-irregolarità hija tali li tissuġġerixxi li prattiċi identiċi jew simili jistgħu jseħħu fi Stati Membri oħra.

3. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat ta’ natura informattiva fuq livell Komunitarju għar-rappreżentanti approprjati ta’ l-Istati Membri sabiex jeżaminaw magħhom t-tagħrif miksub taħt l-Artikoli 3, 4 u 5 u l-paragrafu 1 t’hawn fuq, b’mod partikolari għar-rigward tal-lezzjonijiet li minnhom wieħed għandu jitgħallem dwar l-irregolaritajiet, il-miżuri preventivi u l-proċedimenti legali. Safejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat informat b’dan ix-xogħol u għandha tikkonsulta lill-Kumitat dwar kull proposti li tkun beħsiebha tissottometti lill-Kunsill għall-prevenzjoni ta’ l-irregolaritajiet.

4. Fuq talba ta’ Stat Membru jew, taħt l-arranġamenti stabbiliti fil-paragrafu 3, tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin, fejn approprjat fi ħdan il-Kumitat tal-Fondi jew xi korp kompetenti ieħor, bl-iskop li jingħalqu kull lakuni li jsiru apparenti matul l-applikazzjoni tad- dispożizzjonijiet fis-seħħ u li jippreġudikaw l-interessi tal-Komunità.

L-Artikolu 9

Il-Kumitat tal-Fondi għandu jiġi mgħarraf kull tliet xhur mill-Kummissjoni dwar il-kobor tas-somom involuti fl-irregolaritajiet li ġew skoperti u bid-diversi kategoriji ta’ irregolaritajiet, mqassma skond it-tip u b’dikjarazzjoni tan-numru. F’Kapitolu speċjali tar-rapport annwali dwar l-amministrazzjoni tal-Fond, stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70, il-Kummissjoni għandha tagħti n-numru ta’ każijiet li ġew mgħarrfa u dawk li ngħalqu, flimkien mas-somom rkuprati u s-somom imħassra.

L-Artikolu 10

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex jiżguraw li t-tagħrif li jpartu jibqa’ kunfidenzjali.

2. It-tagħrif li għalih issir referenza fil-paragrafu 1 ma jistax, b’mod partikolari, jintbagħat lil persuni oħra għajr dawk fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-Komunità li d-doveri tagħhom jeħtieġu li jkolhom aċċess għalih, ħlief jekk l-Istat Membru li fornih ikun qabel espressament.

3. L-ismijiet ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jiġu żvelati biss lill-Stat Membru ieħor ta’ l-istituzzjoni tal-Komunità sakemm u safejn dan ikun meħtieġ sabiex jipprevjenu jew sabiex jittieħdu passi kontra xi irregolarità jew sabiex jistabbilixxu jekk saritx irregolarità allegata.

4. It-tagħrif komunikat jew akkwistat f’kull forma taħt dan ir-Regolament għandu jiġi kopert mill-kunfidenzjalità professjonali u għandu jiġi protett bl-istess mod bħal ma hu tagħrif simili protett mill-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru li rċevih u mid-dispożizzjonijiet relattivi applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità.

Barra minn hekk, dak it-tagħrif ma jistax jintuża għal xi skopijiet oħra għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, ħlief jekk l-awtoritajiet li fornewh taw il-kunsens espress tagħhom u kemm-il darba d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih l-awtorità li rċevietu tinstab ma jipprojbixxux komunikazzjoni jew użu bħal dan.

5. Il-paragrafi 1 sa 4 m’għandhomx jimpedixxu l-użu, f’kull azzjoni legali jew proċedimenti preżentati sussegwentement għar-rigward tan-nuqqas ta’ konformita mal-liġi dwar kwistjonijiet agrikoli, ta’ tagħrif miksub skond dan ir-Regolament. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li pprovda dan it-tagħrif għandha tiġi mgħarrfa minnufih dwar użu bħal dan.

6. Meta Stat Membru jgħarraf lill-Kummissjoni li persuna fiżika jew ġuridika li isimha ġie kkomunikat lill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament ġġib prova waqt inkjesta ulterjuri li m’hi involuta f’ebda irregolarità, il-Kummissjoni għandha mill-ewwel tgħarraf lil dawk li lilhom tkun żvelat dak l-isem taħt dan ir-Regolament b’dak il-fatt. Malli jseħħ dan, din il-persuna m’għandhiex aktar titqies, fuq il-bażi tan-notifika ta’ qabel, bħala persuna involuta fl-irregolarità inkwestjoni.

L-Artikolu 11

F’każijiet ta’ ko-finanzjament mill-Fond u Stat Membru, l-ammonti rkuprati għandhom jitqassmu minn dak l-Istat Membru u mill-Komunità f’proporzjon ma l-infiq rispettiv tagħhom.

L-Artikolu 12

1. Meta l-irregolaritajiet jkollhom x’jaqsmu ma’ somom ta’ inqas minn 4000 ECU, l-Istati Membri m’għandhomx jibagħtu t-tagħrif imsemmi fl-Artikoli 3 u 5 lill-Kummissjoni sakemm dan ta’ l-aħħar ma jitolbux espressament.

2. L-ammont li għalih issir referenza fil-paragrafu 1 għandu jinqaleb f’munita nazzjonali billi jiġu applikati r-rati tal-kambju ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, serje Ċ, li huma validi fl-ewwel jum tax-xogħol tas-sena li fiha t-tagħrif dwar l-irregolaritajiet ġie kkomunikat.

L-Artikolu 13

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu applikabbli mutatis mutandis f’każijiet meta l-ħlas ta’ somma lill-fond ma jkunx sar bi qbil mad-dispożizzjonijiet inkwestjoni.

L-Artikolu 14

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 283/72 huwa hawnhekk imħassar.

2. Ir-referenzi għar-Regolament (KEE) Nru 283/72 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

L-Artikolu 15

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-aħħar erba’ inċiżi tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1) għandhom ikunu applikabbli mid-data tal-komunikazzjoni li tirigwarda t-tieni perjodu ta’ tliet xhur ta’ l-1991.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-4 ta’ Marzu 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Steichen

[1] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13.

[2] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 1.

[3] ĠU L 164, ta’ l-24.6.1985, p. 1.

[4] ĠU L 201, tal-31.7.1990, p. 9.

[5] ĠU C 138, tas-7.6.1990, p. 6.

[6] ĠU C 324, ta’ l-24.12.1990.

[7] ĠU L 36, ta’ l-10.2.1972, p. 1.

--------------------------------------------------