31991L0688



Official Journal L 377 , 31/12/1991 P. 0018 - 0019
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 40 P. 0044
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 40 P. 0044


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tal-11 ta’ Diċembru 1991

li temenda d-Direttiva 72/462/KEE dwar il-problemi tas-saħħa u l-ispezzjonijiet veterinarji fl-importazzjoni ta’ l-ifrat, tan-nagħaġ u tal-mogħoż u majjali, il-laħam frisk jew il-prodotti tal-laħam minn pajjiżi terzi

(91/688/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-Direttiva 72/462/KEE [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/266/KEE [5], tiddiffenixxi b’mod partikolari l-kondizzjonijiet li għandhom jitħarsu fir-rigward tal-mard klassiku tal-majjali ma’ l-importazzjoni ta’ majjali ħajjin, il-laħam frisk tal-majjal u l-prodotti tal-laħam minn pajjiżi terzi;

Billi, meqjusa s-sitwazzjoni tas-saħħa fi ħdan il-Komunità fir-rigward tal-mard klassiku tal-majjali kien hemm titjib dwarha u l-vaċċinazzjoni sistematika kontra l-mard kienet twaqqfet, huwa xieraq li jkunu emendati l-kondizzjonijiet stabbiliti għall-importazzjoni ta’ majjali ħajjin, il-laħam frisk tal-majjal u l-prodotti tal-laħam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 72/462/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu ma’ l-Artikolu 6:

"4. Fir-rigward tal-mard klassiku tal-majjali l-ħnieżer iridu li jiġu mit-territorju ta’ pajjiż terz li:

- kien ħieles mill-mard klassiku tal-majjali għal ta’ l-anqas 12-il xahar,

- ma jkunx ippermetta l-vaċċinazzjoni għat-tnax-il xahar preċedenti,

- ma jippermettix fit-territorju tiegħu majjali li kienu ġew ivvaċċinati anqas minn tnax-il xahar qabel.

5. Bħala deroga mill-paragrafu 4, jista’ jkun deċiż, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29, li tkun awtorizzata l-importazzjoni ta’ majjali ġejjin minn parti tat-territorju ta’ pajjiż terz basta li l-vaċċinazzjoni kontra l-marda klassika tal-majjali tkun ipprojbita mat-territorju kollu ta’ dak il-pajjiż u li l-parti tat-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat tkun twettaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4.

6. Bħala deroga mill-paragrafu 4, fil-każ tal-marda klassika tal-majjali li sseħħ f’pajjiż terz li jkun iwettaq il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 4, jista’ jkun deċiż, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29, li l-perjodu ta’ 12-il xahar li hemm referenza dwaru fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 4 jista jitnaqqas għall-sitt xhur jekk:

(a) ikun hemm tfaqqigħ jew għadd ta’ tfaqqigħ epiżotjoloġikament ikkorrelatat f’żona ġeografikament illimitata; u

(b) it-tfaqqigħ wieħed jew ħafna jkunu eliminati, f’perjodu ta’ tliet xhur u mingħajr rikors għall-vaċċinazzjoni.";

2. is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 14(2):

"(ċ) li fih l-ebda marda klassika tal-majjali ma tkunx instabet għal ta’ l-anqas it-12-il xahar preċedenti, il-vaċċinazzjoni kontra l-marda klassika tal-majjali ma tkunx ġiet awtorizzata għal ta’ l-anqas it-12-il xahar preċedenti u l-ebda majjali ma jkunu ġew ivvaċċinati kontra l-marda klassika tal-majjali fit-12-il xahar preċedenti.";

3. is-sentenza li ġejja għandha tiżdied ma’ l-Artikolu 15:

"Bi qbil mal-proċedura stabilita fl-Artikolu 29, jista’ jkun deċiż li ssir deroga mill-Artikolu 14(2)(ċ)."

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 1992. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta dawn il-miżuri jkunu adottati mill-Istati Membri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-riferenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tkunadottata mill-Istati Membri.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-11 ta’ Diċembru 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Bukman

[1] ĠU C 226, tal-31.8.1991, p. 21.

[2] ĠU C 326, tas-16.12.1991.

[3] L-opinjoni mogħtija fit-28 ta’ Novembru 1991 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28.

[5] ĠU L 134, tad-29.5.1991, p. 45.

--------------------------------------------------