Official Journal L 376 , 31/12/1991 P. 0038 - 0038
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 40 P. 0026
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 40 P. 0026
Id-Direttiva Tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1991 li temenda d-Direttiva Nru 89/437/KEE dwar l-iġjene u problemi tas-saħħa li jeffettwaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li joriġinaw mill-bajd (91/684/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara l-kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/437/KEE ta' l-20 ta' Ġunju 1989 dwar l-iġjene u l-problemi tas-saħħa li jeffettwaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li joriġinaw mill-bajd [1], kif emendata mid-Direttiva Nru 89/662/KEE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi ċerti dispożizzjonijiet ta' l-Anness għandhom jiġu addattati għall-progress xjentifiku u teknoloġiku, skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva Nru 89/437/KEE, rigward l-ittestjar għall-istaphylococci fi prodotti li joriġinaw mill-bajd u t-temperatura tal-magazzinaġġ għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-bajd, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 L-Anness mad-Direttiva 89/437/KEE qiegħed b'hekk jiġi emendat kif ġej: 1. It-tielet inċiż tal-punt 1(b) tal-Kapitlu VI għandu jinbidel b'dan li ġej: "— Staphylococcus aureus: in-nuqqas tiegħu fi gramma waħda ta' prodott li joriġina mill-bajd." 2. Ir-raba' inċiż tal-punt 3 tal-Kapitlu IX għandu jitħassar. L-Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1991. Dawn għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura biex issir din ir-referenza għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri. L-Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Diċembru 1991. Għall-Kunsill Il-President P. Dankert [1] ĠU L 212, tat-22.7.1989, p. 87. [2] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13. --------------------------------------------------