31991L0675



Official Journal L 374 , 31/12/1991 P. 0032 - 0033
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0115
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0115


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tad-19 ta’ Diċembru 1991

li tistabbilixxi Kumitat ta’ Assigurazzjoni

(91/675/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari it-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 57(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Kunsill għandu jagħti lill-Kummissjoni poteri għall-implimentazzjoni tar-regoli li l-Kunsill jistabbilixxi;

Billi l-miżuri ta’ implimentazzjoni huma neċessarji għall-applikazzjoni ta’ direttivi tal-Kunsill dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja u assugurazzjoni tal-ħajja; billi, b’mod partikolari, l-addattamenti tekniċi jistgħu minn żmien għal żmien ikunu neċessarji biex jieħdu akkont ta’ żviluppi fis-settur ta’ l-assigurazzjoni; billi huwa approprjat li dawn il-miżuri jittieħdu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2, il-proċedura III, il-varjant (b), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/373/KEE tat-13 ta’ Lulju 1987 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizju ta’ poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [4];

Billi huwa neċessarju għal dan l-iskop li jkun stabbilit Kumitat ta’ Assigurazzjoni;

Billi l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Assigurazzjoni ma jħassarx għal kollox tipi oħrajn ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet li jissorveljaw il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni, u b’mod partikolari kooperazzjoni fil-Konferenza ta’ l-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza ta’ l-Assigurazzjoni, li hija b’mod partikolari kompetenti għall-abbozzar ta’ protokolli li jimplementaw direttivi tal-Komunità; billi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kumitat u l-Konferenza kienu jkunu partikolarment utili;

Billi l-eżami ta’ problemi li joriġinaw f’assigurazzjoni mhux tal-ħajja u assigurazzjoni tal-ħajja jagħmel il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni xi ħaġa desiderabbli; billi huwa approprjat li dan ix-xogħol jingħata lill-Kumitat ta’ Assigurazzjoni; billi għandu barraminhekk jiġi assigurat li jkun hemm koordinazzjoni mingħajr intoppi ta’ l-attivitajiet ta’ dan il-Kumitat ma’ dawk ta’ kumitati oħrajn ta’ natura simili stabbiliti b’atti Komunitarji,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Il-Kumissjoni għandha tkun assistita minn kumitat imsejjaħ "il-Kumitat ta’ Assigurazzjoni", hawnhekk iżjed ’il quddiem magħruf bħala "Il-Kumitat", kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Il-Kumitat għandu jadotta ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

L-Artikolu 2

1. Meta l-Kunsill, fl-atti li hu jadotta fil-qasam ta’ assigurazzjoni diretta mhux tal-ħajja u assigurazzjoni diretta tal-ħajja, jagħti lill-Kummissjoni poteri għall-implimentazzjoni tar-regoli li hu jistabbilixxi, il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2 għandha tapplika.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lil Kumitat abbozz tal miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fi żmien limitat li l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu peżati skond kif stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tissottometti lill-Kunsill proposta marbuta mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, meta jiskadi l-perijodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha s-suġġett ikun ġie rreferut lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, ħlief meta l-Kummissjoni tkun iddeċidiet kontra l-miżuri msemmija b’maġġoranza sempliċi.

L-Artikolu 3

1. Il-Kumitat għandu jeżamina kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li jikkonċernaw is-settur ta’ l-assigurazzjoni, u b’mod partikolari Direttivi dwar assigurazzjoni diretta.

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Kumitat dwar proposti ġodda li hi jkollha l-ħsieb li tissottometti lill-Kunsill fir-rigward ta’ aktar koordinazzjoni fl-isfera ta’ assigurazzjoni diretta tal-ħajja u assigurazzjoni diretta mhux tal-ħajja.

2. Il-Kumitat m’għandux jikkunsidra problemi speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ intrapriżi individwali ta’ assigurazzjoni.

L-Artikolu 4

Il-Kumitat għandu jassumi l-funzjonijiet tiegħu fl-1 ta’ Jannar 1992.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha bħala d-destinatarji tagħha l-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta’ Diċembru 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Dankert

[1] ĠU C 230, tal-15.9.1990, p. 5.

[2] ĠU C 240, tas-16.9.1991, p. 117 u ĠU C 305, tal-25.11.1991.

[3] ĠU C 102, tat-18.4.1991, p. 11.

[4] ĠU L 197, tat-18.7.1987, p. 33.

--------------------------------------------------