31991L0659



Official Journal L 363 , 31/12/1991 P. 0036 - 0038
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 21 P. 0193
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 21 P. 0193


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-3 ta’ Diċembru 1991

li taddatta skond il-progress tekniku l-Anness I mad-Direttiva 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (l-asbestos)

(91/659/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi [1] kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 86/339/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2a tagħha, imdaħħal bid-Direttiva 89/678/KEE [3],

Billi l-użu ta’ l-asbestos u saħansitra tal-prodotti li jkun fihom minnu jistgħu, bir-rilaxx tal-fibri, jikkawżaw l-asbestosi u l-kanċer tal-pulmun; billi t-tqegħid fis-suq u l-użu tagħhom għandhom għalhekk ikunu bla ħsara għall-eħrex restrizzjonijiet possibbli;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 83/478/KEE [4] li temenda għall-ħames darba d-Direttiva 76/769/KEE speċifikat illi t-tip kroċidoli tal-fibri ta’ l-asbestos u l-prodotti li jkun fihom minnu illi ma jistgħux, bi tliet eċċezzjonijiet possibbli, jitqiegħdu fis-suq u jiġu wżati; billi din l-istess Direttiva stabbilixxiet it-tikkettjar obbligatorju fuq il-prodotti kollha li jkun fihom il-fibri ta’ l-asbestos;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 85/610/KEE [5] li temenda għas-seba’ darba d-Direttva 76/769/KEE speċifikat illi l-fibri ta’ l-asbestos ma jistgħux jitqiegħdu iktar fis-suq u jiġu wżati fil-ġugarelli, fil-materjali u l-preparazzjonijiet applikati bil-bexx bl-isprej, fil-prodotti fil-għamla ta’ trab li jinbiegħu bl-imnut, fl-aċċessorji tat-tipjip, fil-heaters katalitiċi, fiż-żebgħa u fil-verniċijiet;

Billi huwa meħtieġ monitorjar imtejjeb tal-marketing u ta’ l-użu tal-fibri perikolużi ta’ l-asbestos għalbiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem, b’mod speċjali għaliex jeżistu għal ċerti użi prodotti ta’ sostituzzjoni li huma kkunsidrati, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji, bħala inqas perikolużi;

Billi mod effettiv ħafna għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent huwa li jiġi pprojbit l-użu ta’ ċerti fibri, bħal dawk ta’ l-asbestos amfibolu, li skond uħud mis-sorsi xjentifiċi huma partikolarment perikolużi; billi għal raġunijiet prattiċi din il-projbizzjoni ma’ tistax għalissa tiġi estiża għall-materjali li jinsabu fin-natura bħalma huma l-metalli u r-ramel li jkun fihom l-asbestos bħala impurità naturali;

Billi għadu mhux disponibbli fil-wisa’ eżami dwar l-istat fiss tal-fibra sabiex jistma l-perikoli li joħorġu minn prodotti partikolari li jkun fihom l-asbestos; billi, minkejja dan, għandhom jitmexxew ’il quddiem il-prodotti li jnaqqsu r-riskju ġenerali lill-bniedem u lill-ambjent;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 91/382/KEE [6] temenda d-Direttva 83/477/KEE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-espożizzjoni għall-asbestos waqt ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttva 80/107/KEE);

Billi l-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Addattament mal-Progress Tekniku tad-Direttivi dwar it-Tneħħija ta’ Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ fis-Sustanzi u l-Preparazzjonijiet Perikolużi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Anness I mad-Direttiva 76/769/KEE huwa hawnhekk addattat għall-progress tekniku kif iddikjarat fl-Anness ma’ hawn.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 1993,u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih. Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 1993.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn 18-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva t-test tad-dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-3 ta’ Diċembru 1991.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Viċi-President

[1] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201.

[2] ĠU L 186, tat-12.7.1991, p. 64.

[3] ĠU L 398, tat-30.12.1989, p. 24.

[4] ĠU L 263, ta’ l-24.9.1983, p. 33.

[5] ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 1.

[6] ĠU L 206, tad-29.7.1991, p. 16.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Fl-Anness I mad-Direttiva 76/769/KEE il-punt 6 għandu jiġi mibdul bil-punt li ġej:

"6.1.Il-Kroċidolit, Nru tas-SAK 12001-28-4L-Amosit, Nru tas-SAK 12172-73-5L-Asbestos antofillit, Nru tas-SAK 77536-67-5L-Asbestos aktinolit, Nru tas-SAK 77536-66-4L-Asbestos tremolit, Nru tas-SAK 77536-68-6 | 6.1.It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dawn il-fibri u tal-prodotti li jkun fihom dawn il-fibri miżjuda b’mod maħsub għandhom jiġu pprojbiti. |

6.2.Il-Krisotil, Nru tas-SAK 12001-29-5 | 6.2.It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti li jkun fihom din il-fibra għandhom jiġu pprojbiti għal:(a)il-ġuġarelli;(b)il-materjali u l-preparazzjonijiet maħsuba sabiex jiġu applikati bil-bexx bl-isprej;(ċ)il-prodotti mlestija li jiġu mibjugħa lill-pubbliku bl-imnut fil-għamla ta’ trab;(d)l-oġġetti tat-tipjip bħall-pipi tat-tabakk u l-bokkini tas-sigaretti u tas-sigarri;(e)il-filtri katalitiċi u l-mezzi ta’ l-iżolazzjoni għalbiex jiġu inkorporati f’heaters li jużaw il-gass illikwifikat;(f)iż-żebgħa u l-verniċijiet;(g)il-filtri għal-likwidi.Bħala deroga, din il-projbizzjoni m’għandhiex tapplika għall-filtri għall-użu mediku sal-31 ta’ Diċembru 1994;(h)il-materjal għall-kisi ta’ l-uċuh tat-toroq fejn il-kontenut tal-fibri huwa ikbar minn 2 %;(i)il-ġir tat-tikħil, il-kisi protettiv, l-oġġetti tal-mili, l-oġġetti li ma jħallux l-ilma jgħaddi, il-komposti li jagħmlu l-ġonot, il-gomma (użata fil-verniċ), il-kolla, it-trab tat-tiżjin u l-finituri;(j)il-materjali ta’ densità baxxa sabiex jiżolaw jew ineħħu l-ħoss (ta’ densità inqas minn 1 g/cm3);(k)il-filtri ta’ l-arja u l-filtri fit-tqassim tat-trasport u l-utilizzazzjoni tal-gass naturali u l-gass ta’ l-aċitilena;(l)il-kisi ta’ taħt għall-pavimenti u għall-għata tal-ħitan;(m)it-tessuti lesti fil-għamla maħsuba li jiġu forniti lill-aħħar konsumatur għajr jekk ikunu ttrattati għalbiex jevitaw ir-rilaxx tal-fibri.Bħala deroga, din il-projbizzjoni m’għandhiex tapplika għad-dijaframmi fil-proċessi bl-elettrolisi sal-31 ta’ Diċembru 1994;(n)il-feltru għall-kisi tas-soqfa.Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra Komunitarji dwar il-klassifika, il-pakkeġġjar u t-tikkettjar tas-sustanzi u l-preparazzjonijiet perikolużi, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti li jkun fihom dawn il-fibri jistgħu jiġu permessi biss jekk il-prodotti jġorru tikketta skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness II mad-Direttiva 76/769/KEE." |

--------------------------------------------------