31991L0376



Official Journal L 203 , 26/07/1991 P. 0108 - 0110
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 38 P. 0078
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 38 P. 0078


Id-Direttiva Tal-Kummissjoni

tal-25 ta’ Ġunju 1991

li temenda d-Direttiva 86/109/KEE li tillimita t-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa ta’ ċerti speċi ta’ pjanti ta’ l-għalf u żejt u pjanti tal-fibri li tkun ġiet uffiċjalment ċertifikata bħala "żerriegħa bażika" jew "żerriegħa ċertifikata"

(91/376/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa tal-pjanta ta’ l-għalf [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/654/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kummissjoni 86/109/KEE [3], kif emendata bid-Direttiva 89/424/KEE [4], u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi d-Direttiva 66/401/KEE tippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa bażika, żerriegħa ċertifikata u żerriegħa kummerċjali ta’ ċerti speċi ta’ pjanti ta’ l-għalf;

Billi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 66/401/KEE tawtorizza lill-Kummissjoni li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa kemm-il darba ma tkunx ġiet ċertifikata uffiċjalment bħala "żerriegħa bażika" jew "żerriegħa ċertifikata";

Billi, għalhekk, id-Direttiva 86/109/KEE [5], fost ħwejjeġ oħra, tillimita t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ speċi partikolari ta’ pjanti ta’ l-għalf għal żerriegħa li tkun ġiet ċertifikata uffiċjalment bħala "żerriegħa bażika" jew "żerriegħa ċertifikata";

Billi għal xi wħud mill-ispeċi li għalihom tirreferi d-Direttiva 86/109/KEE din ir-restrizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tapplika mill-1 ta’ Lulju 1991; billi issa jidher li, għal numru ta’ dawn l-ispeċi, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni, f’dik id-data, li jipproduċu żerriegħa bażika u żerriegħa ċertifikata suffiċjenti biex jissodisfaw it-talba għaż-żerriegħa fil-Komunità;

Billi, madankollu, l-Istati Membri li uffiċjalment aċċettaw varjetajiet ta’ l-ispeċi rilevanti imisshom iħajjru l-produzzjoni ta’ żerriegħa tagħhom għaċ-ċertifikazzjoni uffiċjali bħala "żerriegħa bażika" jew "żerriegħa ċertifikata";

Billi l-Kummissjoni għandha teżamina l-mezzi xierqa biex tħajjar it-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa hekk prodotta;

Billi huwa għalhekk xieraq li jiġu pprovduti arranġamenti transitorji sakemm żerriegħa bażika u żerriegħa ċertifikata suffiċjenti ta’ dawn l-ispeċi jistgħu jiġu prodotti;

Billi l-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, Ortikultura u Forestrija,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 86/109/KEE qegħda b’dan tiġi emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"L-Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li mill-1 ta’ Lulju 1991 ma jkunx permess li titqiegħed fis-suq żerriegħa ta’:

—Alopecurus pratensis L. | —meadow foxtail |

—Arrhenatherum elatius (L.) Beauv. ex J. S. and K. B. Presl | —tall oatgrass |

—Bromus catharticus Vahl | —rescu grass |

—Bromus sitchensis Trin. | —Alaska brome-grass |

—Lupinus luteus | —yellow lupin, varjetajiet oħra barra minn qarsa |

—Lupinus angustifolius L. | —blue lupin |

—Poa nemoralis L. | —wood meadowgrass |

—Trisetum flavescens (L.) Beauv. | —golden oatgrass |

—Phacelia tanacetifolia Benth. | —California bluebell |

—Sinapis alba L. | —white mustard |

kemm-il darba ma tkunx ġiet iċċertifikata uffiċjalment bħala "żerriegħa bażika" jew "żerriegħa ċertifikata"."

2. Għandu jiżdied l-Artikolu li ġej:

"L-Artikolu 3a

1. Ħlief fejn ipprovdut xort’oħra fil-paragrafu 5, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li mill-1 ta’ Lulju 1991 ma jkunx permess li titqiegħed fis-suq żerriegħa ta’

—Agrostis canina L. | —velvet bent |

—Festuca ovina L. | —sheep’s fescue |

—Lupinus albus L. | —white lupin, varjetajiet qarsa |

—Lupinus luteus L. | —yellow lupin, varjetajiet qarsa |

—Trifolium alexandringum L. | —Egyptian clover |

—Trifolium incarnatum L. | —crimson clover |

—Trifolium resupinatum L. | —Persian clover |

—Vicia sativa L. | —common vetch |

—Vicia villosa Roth. | —hairy vetch |

kemm-il darba ma tkunx ġiet iċċertifikata uffiċjalment bħala "żerriegħa bażika" jew "żerriegħa ċertifikata".

2. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni, qabel id-data msemmija fil-paragrafu 1, bl-ammont ta’ żerriegħa ta’ l-ispeċi li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 li huwa meħtieġ għaż-żrigħ fit-territorji tagħhom qabel il-31 ta’ Diċembru 1991, sa fejn x’aktarx ma jkunx kopert biż-żerriegħa disponibbli ċertifikata uffiċjalment bħala "żerriegħa bażika" jew "żerriegħa ċertifikata".

3. L-Istati Membri li jkunu avżaw lill-Kummissjoni, skond il-paragrafu 2, b’nuqqas potenzjali ta’ żerriegħa ċertifikata uffiċjalment bħala "żerriegħa bażika" jew "żerriegħa ċertifikata",

- għandhom jiġbru t-tagħrif kollu disponibbli li jirrelata ma’ l-adattament fit-territorju tagħhom ta’ varjetajiet ta’ l-ispeċji rilevanti elenkati fil-katalogu komuni ta’ varjetajiet ta’ l-ispeċji ta’ pjanti agrikoli u javżaw bihom minnufih lill-Kummissjoni, u sa l-1 ta’ Ottubru l-aktar tard,

- għandhom iħajjru li jinżammu kif jixraq l-ekotipi eżistenti ta’ l-ispeċji rilevanti biex iħarsu l-kondizzjonijiet għall-aċċettazzjoni uffiċjali tagħhom bħala varjetajiet.

4. L-Istati Membri li jkunu uffiċjalment aċċettaw varjetajiet ta’ l-ispeċji rilevanti għandhom iħajjru l-produzzjoni ta’ żerriegħa tagħhom għaċ-ċertifikazzjoni uffiċjali bħala "żerriegħa bażika" jew "żerriegħa ċertifikata"; Il-Kummissjoni għandha tesplora l-mezzi xierqa biex tħajjar it-tqegħid fis-suq taż-żżerriegħa hekk prodotta;

5. L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 3 huma b’dan awtorizzati li jippermettu t-tqegħid fis-suq, sal-31 ta’ Diċembru 1991, ta’ żerriegħa uffiċjalment kontrollata bħala "żerriegħa kummerċjali" sa ammont li jkun ikopri n-nuqqas indikat skond il-paragrafu 2. B’żieda mat-tagħrif meħtieġ mill-Anness IV tad-Direttiva 66/401/KEE, it-tikketta uffiċjali għandha turi:

- it-tip dikjarat tal-materjal konċernat, u

- li ż-żerriegħa hija esklużivament maħsuba għall-Istat Membru konċernat.

6. Fil-każ li jseħħu nuqqasijiet wara l-31 ta’ Diċembru 1991 għandhom jgħoddu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva 66/401/KEE."

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom javżaw minnufih b’dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’dik ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta’ Ġunju 1991.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 125, tal-11.7.1966, p. 2298/66.

[2] ĠU L 353, tas-17.12.1990, p. 48.

[3] ĠU L 93, tat-8.4.1986, p. 21.

[4] ĠU L 196, tat-12.7.1989, p. 50.

[5] ĠU L 93, tat-8.4.1986, p. 21.

--------------------------------------------------