31991L0308



Official Journal L 166 , 28/06/1991 P. 0077 - 0083
Finnish special edition: Chapter 10 Volume 1 P. 0068
Swedish special edition: Chapter 10 Volume 1 P. 0068


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta' l-10 ta' Ġunju 1991

dwar il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus

(91/308/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 57(2), l-ewwel u t-tielet sentenzi, u l-Artikolu 100a ta' l-istess,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

F'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi meta l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji jintużaw biex jaħslu d-dħul minn attivitajiet kriminali (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "ħasil tal-flus"), is-sigurtà u l-istabbiltà ta' l-istituzzjoni kkonċernata u l-kunfidenza fis-sistema finanzjarja fl-intier tagħha jistgħu jitpoġġew f'riskju serju, u b'hekk jitilfu l-fiduċja tal-pubbliku;

Billi n-nuqqas ta' azzjoni tal-Komunità kontra l-ħasil tal-flus, jista’ jwassal lill-Istati Membri, biex jadottaw miżuri li jistgħu jkunu inkonsistenti mat-twettiq ta' suq uniku, għall-iskop li jipproteġu s-sistemi finanzjarji tagħhom; billi sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet kriminali tagħhom, il-ħassiela jistgħu jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-ħelsien tal-moviment tal-kapital u l-ħelsien tal-provvista tas-servizzi finanzjarji involuti fil-qasam finanzjarju integrat, jekk ċerti miżuri ta' kordinazzjoni ma jkunux adottati fil-livell tal-Komunità;

Billi l-ħasil tal-flus għandu influwenza evidenti fuq iż-żieda tal-kriminalità organizzata u b'mod partikolari fl-ittraffikar tad-droga, billi hemm iktar u iktar għarfien li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hija waħda mill-mezzi l-iktar effettivi ta' oppożizzjoni għal din il-forma ta' attività kriminali, li tikkostitwixxi theddida partikolari għas-soċjetajiet ta' l-Istati Membri;

Billi l-ħasil tal-flus għandu jiġi miġġieled fil-biċċa l-kbira b'mezzi penali u fl-ambitu tal-koperazzjoni internazzjonali fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u ta' l-infurzar tal-liġi, kif qiegħed isir, fil-qasam tad-droga, mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fid-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi, adottata fid-19 ta' Diċembru ta' l-1988 fi Vjenna (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni ta' Vjenna") u iktar ġenerali fir-rigward ta' l-attivitajiet kriminali kollha, mill-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-ħasil, l-ittraċċjar, il-qbid u l-konfiska tad-dħul mill-kriminalità, miftuħa għall-firma fit-8 ta' Novembru ta' l-1990 fi Strasbourg;

Billi l-approċċ penali m'għandux, però, ikun l-uniku mod biex jiġi kkumbattut il-ħasil tal-flus, ġaladarba s-sistema finanzjarja jista’ jkollha rwol effettiv ħafna; billi għandha ssir riferenza f'dan il-kuntest għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-27 ta' Ġunju ta' l-1980 u għad-dikjarazzjoni ta' prinċipji adottata f'Diċembru ta' l-1988 f'Basle mill-awtoritajiet tas-superviżjoni tal-banek tal-Grupp ta' l-Għaxra, li t-tnejn li huma jikkostitwixxu passi importanti lejn il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus;

Billi l-ħasil tal-flus huwa normalment imwettaq f'kuntest internazzjonali sabiex l-oriġini kriminali tal-fondi tista’ tiġi moħbija aħjar; billi l-miżuri li jiġu adottati biss f'livell nazzjonali, mingħajr ma jikkunsidraw il-kordinazzjoni u l-koperazzjoni internazzjonali, ikollhom biss effetti limitati ħafna;

Billi kwalunkwe miżuri adottati mill-Komunità f'dan il-qasam għandu jkun konsistenti ma’ azzjonijiet oħra meħuda f'oqsma oħra internazzjonali; billi f'dan ir-rigward kwalunkwe azzjoni tal-Komunità għandha tikkunsidra b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet adottati mit-task force ta' azzjoni finanzjarja dwar il-ħasil tal-flus, stabbilita f'Lulju ta' l-1989 mis-Summit ta' Pariġi tas-seba’ pajjiżi l-iktar żviluppati;

Billi l-Parlament Ewropew talab f'diversi riżoluzzjonijiet, li jiġi stabbilit programm globali tal-Komunità biex jikkumbatti t-traffikar tad-droga, u li jinkludi disposizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus;

Billi għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva d-definizzjoni ta' ħasil tal-flus ittieħdet minn dik adottata fil-Konvenzjoni ta' Vjenna; billi, però, ġaladarba l-ħasil tal-flus jiġri mhux biss fir-rigward tal-qligħ minn reati relatati mad-droga imma wkoll fir-rigward tal-qligħ minn attivitajiet kriminali oħra (bħal ngħidu aħna l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu), l-Istati Membri jmisshom, fit-tifsira tal-leġislazzjoni tagħhom, jestendu l-effetti tad-Direttiva sabiex jinkludu l-qligħ minn tali attivitajiet, sal-punt li x'aktarx jirriżultaw f'operazzjonijiet ta' ħasil li jiġġustifikaw is-sanzjonijiet fuq tali bażi;

Billi l-projbizzjoni tal-ħasil tal-flus fil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri sostnuta minn miżuri u penalitajiet xierqa hija kondizzjoni meħtieġa biex tikkumbatti dan il-fenomenu;

Billi li jiġi assigurat li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji jitolbu l-identifikazzjoni tal-klijenti tagħhom meta jidħlu f'relazzjonijiet ta' negozju jew jidħlu f'operazzjonijiet, li jeċċedu ċerti limiti, hija meħtieġa biex jiġi evitat li l-ħassiela jieħdu vantaġġ mill-anonimità sabiex iwettqu l-attivitajiet kriminali tagħhom; billi tali disposizzjonijiet għandhom ukoll jiġu estiżi, sa fejn ikun possibbli, għal kwalunkwe proprjetarji benefiċjarji;

Billi l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji għandhom iżommu ta' l-inqas għal ħames snin il-kopji jew riferenzi tad-dokumenti ta' identifikazzjoni mitluba kif ukoll kull xhieda li ssostni u r-rekords li jikkonsistu f'dokumenti relatati ma’ transazzjonijiet jew kopji tagħhom li b'mod simili jkunu ammissibbli fil-proċedimenti tal-qorti taħt il-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli sabiex jintużaw bħala xhieda fi kwalunkwe investigazzjoni fil-ħasil tal-flus;

Billi li jiġi assigurat li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji jeżaminaw b'attenzjoni speċjali kwalunkwe operazzjoni li huma jqisu li hija b’mod partikolari aktarx, min-natura tagħha, marbuta mal-ħasil tal-flus hija meħtieġa sabiex jiġu ppreservati s-sigurtà u l-integrità tas-sistema finanzjarja kif ukoll sabiex tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu; billi għal dan il-għan huma għandhom jagħmlu attenzjoni speċjali għall-operazzjonijiet ma’ pajjiżi barra l-Komunità li ma japplikawx standards komparabbli kontra l-ħasil tal-flus għal dawk stabbiliti mill-Komunità jew għall-i standards oħrajn ekwivalenti stabbiliti minn fora internazzjonali u endorsjati mill-Komunità;

Billi, għal dawk l-għanijiet, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji biex jirrekordjaw bil-kitba r-riżultati ta' eżami li huma mitluba li jwettqu u biex jassiguraw li dawk ir-riżultati jkunu disponibbli għall-awtoritajiet responsabbli għall-isforzi biex jiġi eliminat il-ħasil tal-flus;

Billi li jiġi evitat li s-sistema finanzjarja tiġi użata għall-ħasil tal-flus hija biċċa xogħol li ma tistax titwettaq mill-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra dan il-fenomenu mingħajr il-koperazzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji u l-awtoritajiet ta' superviżjoni tagħhom; billi s-segretezza bankarja għandha titneħħa f'każijiet bħal dawn; billi sistema obbligatorja ta' rapportar ta' l-operazzjonijiet suspettużi li jassiguraw li l-informazzjoni tiġi mgħoddija lill-awtoritajiet fuq imsemmija mingħajr ma jallarmaw lill-klijenti konċernati, hija l-iktar mod effettiv biex titwettaq tali operazzjoni; billi hija meħtieġa klawsola ta' protezzjoni speċjali biex teżenta lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji, lill-impjegati u d-diretturi tagħhom mir-responsabbiltà għall-ksur tar-restrizzjonijiet dwar il-kxif ta' l-informazzjoni;

Billi l-informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet skond din id-Direttiva tista’ tintuża biss in konnessjoni mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; billi l-Istati Membri jistgħu madankollu jipprovdu li din l-informazzjoni tista’ tintuża għal skopijiet oħra;

Billi l-istabbiliment mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji ta' proċeduri ta' kontroll intern u ta' programmi ta' taħriġ f'dan il-qasam huma disposizzjonijiet kumplimentarji li mingħajrhom il-miżuri l-oħra li jinsabu f'din id-Direttiva jistgħu jsiru ineffettivi;

Billi, ġaladarba l-ħasil tal-flus jista’ jitwettaq mhux biss permezz ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji iżda wkoll permezz ta' tipi oħra ta' professjonijiet u kategoriji ta' impriżi, l-Istati Membri għandhom jestendu d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva fl-intier jew in parti, sabiex jinkludu dawk il-professjonijiet u impriżi li l-attivitajiet tagħhom huma b'mod partikolari probabbli li jiġu użati għal skopijiet ta' ħasil tal-flus;

Billi huwa importanti li l-Istati Membri għandhom joqogħdu attenti sabiex jassiguraw li tittieħed azzjoni kordinata fil-Komunità fejn hemm raġunijiet sodi sabiex wieħed jemmen li l-professjonijiet jew l-attivitajiet li l-kondizzjonijiet li jiggvernaw is-segwitu ta' liema kienu ġew armonizzati fil-livell tal-Komunità qegħdin jintużaw għall-ħasil tal-flus;

Billi l-effikaċja ta' l-isforzi sabiex jiġi eliminat il-ħasil tal-flus huwa b'mod partikolari dipendenti fuq il-kordinazzjoni mill-qrib u l-armonizzazzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali; billi tali kordinazzjoni u armonizzazzjoni li tkun qed titwettaq f'korpi internazzjonali varji jitolbu, fil-kuntest tal-Komunità, koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-ambitu ta' kumitat tal-kuntatt;

Billi huwa l-funzjoni ta' kull Stat Membru li jaddotta l-miżuri xierqa u li jippenalizza l-ksur ta' tali miżuri b'mod xieraq sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni sħiħa ta' din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għall-iskop ta' din id-Direttiva:

- "istituzzjoni ta' kreditu" tfisser istituzzjoni ta' kreditu, kif definita fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/780/KEE [4] kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 89/646/KEE [5], u tinkludi l-friegħi fi ħdan it-tifsira tat-tielet inċiż ta' dak l-Artikolu u jkunu jinstabu fil-Komunità, ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu li għandhom l-uffiċċji ewlenin tagħhom barra l-Komunità,

- "istituzzjoni finanzjarja" tfisser impriża li mhix istituzzjoni ta' kreditu li l-attività prinċipali tagħha hija li twettaq waħda jew iktar mill-operazzjonijiet inklużi fin-numri 2 sa 12 u fin-numru 14 tal-lista annessa mad-Direttiva 89/646/KEE, jew kumpanija ta' l-assigurazzjoni awtorizzata kif imiss skond id-Direttiva 79/267/KEE [6], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/619/KEE [7], sakemm hija twettaq l-attivitajiet koperti minn dik id-Direttiva; din id-definizzjoni tinkludi l-friegħi ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fil-Komunità li l-uffiċċji ewlenin tagħhom huma barra l-Komunità,

- "ħasil tal-flus" tfisser il-kondotta segwenti meta ssir intenzjonalment:

- il-konverżjoni jew it-trasferiment tal-proprjetà, meta taf li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn att ta' parteċipazzjoni f'tali attività, għall-iskop li tinħeba jew tiġi travestita l-oriġini illeċita tal-proprjetà jew li tassisti kwalunkwe persuna li hija involuta fil-Kummissjoni ta' tali attività biex tevadi l-konsegwenzi legali ta' l-azzjoni tagħha,

- il-ħabi jew it-travestiment tal-vera natura, sors, post, disposizzjoni, moviment, drittijiet fir-rigward ta', jew dritt ta' proprjetà fuq il-proprjetà, meta taf li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn att ta' parteċipazzjoni f'tali attività,

- l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta' proprjetà, meta taf, li fiż-żmien tar-riċeviment, tali proprjetà ġiet minn attività kriminali jew minn att ta' parteċipazzjoni f'tali attività,

- il-parteċipazzjoni fi, l-assoċjazzjoni sabiex tikkommetti, l-attentati biex tikkommetti jew biex tgħin, l-inkuraġġiment, l-iffaċilitar u d-deliberazzjoni fit-twettiq ta' kwalunkwe mill-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafi ta' qabel.

L-għarfien, l-intenzjoni jew l-iskop meħtieġa bħala element ta' l-attivitajiet fuq imsemmija jistgħu jiġu dedotti minn ċirkustanzi fattwali oġġettivi.

Il-ħasil tal-flus għandu jitqies bħala tali anki fejn l-attivitajiet li ġġeneraw il-proprjetà sabiex tkun maħsula saru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew f'dak ta' pajjiż barra l-Komunità.

- "Proprjetà" tfisser beni ta' kull tip, kemm jekk b'forma materjali kif ukoll jekk mingħajr forma materjali, mobbli kif ukoll immobbli, tanġibbli jew intanġibbli, u dokumenti legali jew strumenti li jixhdu t-titolu għal jew l-interessi f'tali beni.

- "Attività kriminali" tfisser reat stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna u kwalunkwe attività kriminali oħra maħsuba bħala tali għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva minn kull Stat Membru.

- "Awtoritajiet kompetenti" tfisser l-awtorità nazzjonali mogħtija l-poter mil-liġi jew mir-regolament sabiex tgħasses l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew finanzjarji.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus kif iddefinit f'din id-Direttiva jkun ipprojbit.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji jitolbu l-identifikazzjoni tal-klijenti tagħhom permezz ta' xhieda li ssostni meta jidħlu f'relazzjonijiet ta' negozju, b'mod partikolari meta jinfetaħ kont jew kontijiet tat-tfaddil, jew meta jiġu offruti faċilitajiet ta' kustodja rassikuranti.

2. Il-ħtieġa ta' identifikazzjoni għandha tapplika wkoll għal kwalunkwe operazzjoni ma’ klijenti li ma jkunux dawk imsemmija fil-paragrafu 1, li jinvolvu somma li tammonta għal 15000 ECU jew iktar, kemm jekk l-operazzjoni titwettaq f'operazzjoni waħdanija jew f'diversi operazzjonijiet li jkunu jidhru li huma konnessi ma’ xulxin. Fejn is-somma ma tkunx magħrufa fil-ħin meta ssir l-operazzjoni, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tgħaddi għall-identifikazzjoni hekk kif tiġi infurmata bis-somma u tistabbilixxi li l-limitu jkun intlaħaq.

3. Bħala deroga mill-paragrafi 1 u 2, il-ħtiġiet għall-identifikazzjoni fir-rigward tal-poloz ta' l-assigurazzjoni miktuba minn impriżi ta' l-assigurazzjoni fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 79/267/KEE, fejn huma jwettqu attivitajiet li jaqgħu fl-iskop ta' dik id-Direttiva m'għandhomx ikunu meħtieġa fejn l-ammont tal-premium perjodiku jew l-ammonti li għandhom jitħallsu fi kwalunkwe sena indikata jeċċedu jew ma jeċċedux l-1000 ECU jew fejn jitħallas premium wieħed li jammonta għal 2500 ECU jew inqas. Jekk l-ammont jew l-ammonti perjodiċi tal-premium li għandhom jitħallsu fi kwalunkwe sena indikata jkun jew ikunu miżjuda sabiex jeċċedu l-limitu ta' 1000 ECU, l-identifikazzjoni tkun meħtieġa.

4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ħtieġa ta' l-identifikazzjoni ma tkunx obbligatorja għall-poloz ta' l-assigurazzjoni fir-rigward ta' skemi ta' pensjoni maħruġa permezz ta' kuntratt ta' impjieg jew ta' l-okkupazzjoni ta' l-assigurat, sakemm tali poloz ma jkun fihom ebda klawsola ta' ċediment u ma jkunux jistgħu jintużaw bħala kollaterali għal self.

5. Fil-każ li jkun hemm dubju dwar jekk il-klijenti msemmija fil-paragrafi ta' hawn fuq humiex qegħdin jaġixxu f'isimhom, jew fejn huwa ċert li m'humiex jaġixxu f'isimhom, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji għandhom jieħdu miżuri raġonevoli sabiex jiksbu informazzjoni dwar l-identità vera tal-persuni li f'isimhom qegħdin jaġixxu dawk il-klijenti.

6. L-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji għandhom iwettqu tali identifikazzjoni, anke fejn l-ammont ta' l-operazzjoni jkun inqas mil-limitu stabbilit, kull meta jkun hemm suspett ta' ħasil tal-flus.

7. L-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji m'għandhomx ikunu suġġetti għall-ħtiġiet ta' l-identifikazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu fejn il-klijent huwa wkoll istituzzjoni ta' kreditu u finanzjarja koperta minn din id-Direttiva.

8. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ħtiġiet ta' l-identifikazzjoni fir-rigward ta' l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 jkunu mwettqa meta jiġi stabbilit li l-ħlas għall-operazzjoni għandu jiġi debitat minn kont miftuħ f'isem il-klijent ma’ istituzzjoni ta' kreditu suġġetta għal din id-Direttiva skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji jżommu dan li ġej sabiex jintuża bħala evidenza fi kwalunkwe investigazzjoni f’ħasil ta' flus:

- fil-każ ta' l-identifikazzjoni, kopja tar-riferenzi ta' l-evidenza meħtieġa, għall-perjodu ta' mill-inqas ħames snin wara li r-relazzjoni mal-klijent tkun spiċċat,

- fil-każ ta' l-operazzjonijiet, ix-xhieda li ssostni u r-rekords, li jikkonsistu fid-dokumenti oriġinali jew f'kopji ammissibbli fil-proċedimenti tal-qorti taħt il-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli għall-perijodu ta' mill-inqas ħames snin wara li jkunu saru l-operazzjonijiet.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji jeżaminaw b'attenzjoni speċjali kwalunkwe operazzjoni li huma jqisu probabbli, minħabba n-natura tagħha, li hija relatata mal-ħasil ta' flus.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji u d-diretturi u l-impjegati tagħhom jikkoperaw bis-sħiħ ma’ l-awtoritajiet responsabbli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus:

- billi jinfurmaw lil dawk l-awtoritajiet, fuq inizjattiva tagħhom stess, bi kwalukwe fatt li jista’ jkun indikazzjoni ta' ħasil ta' flus,

- billi jfornu lil dawk l-awtoritajiet, fuq it-talba tagħhom, l-informazzjoni kollha meħtieġa, skond il-proċeduri stabbiliti mil-leġislazzjoni applikabbli.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tintbagħat lill-awtoritajiet responsabbli sabiex jikkumbattu l-ħasil ta' flus ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab l-istituzzjoni li tibgħat l-informazzjoni. Il-persuna jew persuni ddisinjati mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 11(1) għandhom normalment jibagħtu l-informazzjoni.

L-informazzjoni li tiġi pprovduta lill-awtoritajiet skond l-ewwel paragrafu tista’ tintuża biss f'konnessjoni mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Madankollu l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tali informazzjoni tista’ wkoll tintuża għal skopijiet oħra.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji jżommu milli jwettqu operazzjonijet li huma jafu jew jissuspettaw li huma relatati mal-ħasil tal-flus sakemm ikunu avżaw lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6. Dawk l-awtoritajiet jistgħu, taħt il-kondizzjonijiet li jiġu ddeterminati mil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, jagħtu struzzjonijiet sabiex ma titwettaqx l-operazzjoni. Fejn tali operazzjoni tkun issuspettata li tagħti lok għal ħasil ta' flus u fejn li titwaqqaf b'tali manjiera huwa impossibbli jew huwa probabbli li tiffrustra l-isforzi sabiex jiġu segwiti l-benefiċjarji ta' l-operazzjoni tal-ħasil tal-flus issuspettata, l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom javżaw lill-awtoritajiet immedjatament wara.

Artikolu 8

L-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji u d-diretturi u l-impjegati tagħhom ma jistgħu jgħidu xejn lill-klijent ikkonċernat u lanqas lil terzi persuni li ġiet trasmessa informazzjoni lill-awtoritajiet skond l-Artikoli 6 u 7 jew li qiegħda titwettaq investigazzjoni dwar il-ħasil ta' flus.

Artikolu 9

Il-kxif ġenwin lill-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus minn impjegat jew direttur ta' istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja ta' l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 6 u 7 ma tikkostitwixxix ksur ta' kwalunkwe restrizzjoni dwar il-kxif ta' l-informazzjoni imposta bil-kuntratt jew b'xi disposizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva, u m'għandhiex tinvolvi lill-istituzzjoni ta' kreditu u finanzjarja, lid-diretturi u lill-impjegati tagħha f'xi obbligu ta' kwalunkwe xorta.

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jekk, waqt li jkunu qegħdin isiru spezzjonijiet imwettqa f'istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji mill-awtoritajiet kompetenti, jew b'xi mod ieħor, dawk l-awtoritajiet jiskopru l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu xhieda ta' ħasil ta' flus, huma għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji:

1. jistabbilixxu l-proċeduri adegwati ta' kontroll u komunikazzjoni interni sabiex jipprevedu u jevitaw operazzjonijiet relatati mal-ħasil ta' flus,

2. jieħdu l-miżuri xierqa sabiex l-impjegati tagħhom ikunu jafu sewwa id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Dawn il-miżuri jkunu jinkludu l-partiċipazzjoni ta' l-impjegati rilevanti tagħhom fi programmi speċjali ta' taħriġ li jgħinuhom jagħrfu l-operazzjonijiet li jistgħu jkunu relatati ma’ ħasil ta' flus kif ukoll biex jgħallmuhom kif għandhom jipproċedu f'tali każijiet.

Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jiġu estiżi fl-intier jew f'parti lill-professjonijiet u l-kategoriji ta' l-impriżi, li ma jkunux l-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji msemmija fl-Artikolu 1, li jidħlu f'attivitajiet li huma b'mod partikolari probabli li jiġu użati għall-iskopijiet tal-ħasil ta' flus.

Artikolu 13

1. Għandu jitwaqqaf Kumitat tal-Kuntatt (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsemmi bħala "il-Kumitat") taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni. Il-funzjoni tiegħu għandha tkun:

(a) mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 169 u 170 tat-Trattat, sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni armonizzata ta' din id-Direttiva permezz ta' konsultazzjoni regolari dwar kwalunkwe problemi prattiċi li jinqalgħu mill-applikazzjoni tagħha u fuq liema l-bdil ta' l-opinjonijiet huma meqjus utli;

(b) sabiex jiffaċilita konsultazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet li jissikkaw l-iktar jew li jkunu addizzjonali u dwar l-obbligazzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu f'livell nazzjonali;

(ċ) biex javża lill-Kummissjoni, jekk ikun meħtieġ, dwar kwalunkwe supplimenti jew emendi li jkunu se jsiru għal din id-Direttiva jew dwar kwalunkwe tibdil li jiġi meqjus li huwa meħtieġ, b'mod partikolari sabiex jarmonizza l-effetti ta' l-Artikolu 12;

(d) sabiex jeżamina jekk xi professjoni jew kategorija ta' impriża għandhiex tiġi inkluża fl-iskop ta' l-Artikolu 12 fejn ikun ġie stabbilit li tali professjoni jew kategorija ta' impriża ntużat fi Stat Membru għal ħasil ta' flus.

2. M'għandhiex tkun il-funzjoni tal-Kumitat li jivvaluta l-meriti tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti f'każijiet individwali.

3. Il-Kumitat għandu jiġi ffurmat minn persuni maħtura mill-Istati Membri u mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Is-segretarjat għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. Il-President ikun rappreżentant tal-Kummissjoni. Dan għandu jissejjaħ mill-president tiegħu, jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tad-delegazzjoni ta' Stat Membru.

Artikolu 14

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiżgura l-applikazzjoni sħiħa tad-disposizzjonijiet kollha ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari jiddetermina l-penali li għandhom jiġu applikati għall-ksur tal-miżuri adottati skond din id-Direttiva.

Artikolu 15

L-Istati Membri jistgħu jaddottaw jew iżommu fis-seħħ disposizzjonijiet li jkunu iktar iebsin fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jevitaw il-ħasil tal-flus.

Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu jaqblu ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta'Jannar 1993 fl-iktar tard.

2. Fejn Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom iżommu riferenza għal din id-Direttiva jew inkella jiġu akkumpanjati b'tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif ssir tali riferenza għandhom jiġu stabbiliti minn l-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bit-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 17

Sena wara l-1 ta' Jannar 1993, kull meta jkun meħtieġ u ta' l-inqas f'intervalli ta' tliet snin minn hemm ‘il quddiem, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-10 ta' Ġunju 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-C. Juncker

[1] ĠU C 106, tat-28.4.1990, pġ. 6;u C 319, tad-19.12.1990, pġ. 9.

[2] ĠU C 324, ta' l-24.12.1990, pġ. 264;u C 129, ta' l-20.5.1991.

[3] ĠU C 332, tal-31.12.1990, pġ. 86)

[4] ĠU L 322, tas-17.12.1977, pġ. 30.

[5] ĠU L 386, tat-30.12.1989, pġ. 1.

[6] ĠU L 63, tat-13.3.1979, pġ. 1.

[7] ĠU L 330, tad-29.11.1990, pġ. 50.

--------------------------------------------------