31991L0156



Official Journal L 078 , 26/03/1991 P. 0032 - 0037
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0066
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0066


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-18 ta’ Marzu 1991

li temenda d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart

(91/156/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 103o (/s) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-Direttiva 75/442/KEE [4] stabbiliet sett ta’ regoli Komunitarji dwar ir-rimi ta’ l-iskart; billi dawn iridu jiġu emendati biex iqisu l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri; billi l-emendi jieħdu bħala bażi livell għoli ta’ ħarsien ta’ l-ambjent;

Billi l-Kunsill impenja ruħu li jemenda d-Direttiva 75/442/KEE fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 1990 dwar il-politika ta’ l-iskart [5];

Billi jinħtieġu terminoloġija komuni u definizzjoni ta’ x’inhu l-iskart sabiex tittejjeb l-effiċjenza ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart fil-Komunità;

Billi, sabiex jinkiseb livell għoli fil-ħarsien ta’ l-ambjent, l-Istati Membri jridu, b’żieda ma l-azzjoni li jieħdu biex jiżguraw it-tneħħija b’ mod responsabbli u l-irkupru ta’ l-iskart, jieħdu miżuri biex jirrestrinġu l-produzzjoni ta’ l-iskart b’ mod parikolari billi jippromwovu teknoloġiji nodfa u prodotti li jistgħu jiġu rriċiklati u użati mill-ġdid, filwaqt li jqisu l-opportunitajiet eżistenti jew potenzjali tas-suq għall-iskart irkuprat;

Billi, barra minn hekk, kull nuqqas ta’ parità bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar ir-rimi ta’ l-iskart u l-irkupru tiegħu tista’ taffettwa l-kwalità ta’ l-ambjent u tfixkel il-funzjonament tas-suq intern;

Billi huwa mixtieq li jiġi inkoraġġit ir-riċiklaġġ ta’ l-iskart u l-użu mill-ġdid ta’ l-iskart bħala materja prima; billi huwa meħtieġ li jiġu adotatti regoli speċifiċi għall-iskart biex jiġi użat mill-ġdid;

Billi huwa importanti għall-Komunità in ġenerali li ssir iktar suffiċjenti fiha nfisha fir-rimi ta’ l-iskart u huwa mixtieq li l-Istati Membri individwalment jimmiraw għal din l-awto-suffiċjenza;

Billi, sabiex jinkisbu l-għanijiet immedjati msemmija hawn fuq, għandhom jiġu mfassla pjani ta’ l-imaniġġjar ta’ l-iskart fl-Istati Membri;

Billi għandu jiġi mnaqqas iċ-ċaqliq ta’ l-iskart u billi l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan fil-pjani tagħhom ta’ l-immaniġġjar;

Billi, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni u kontroll effettiv, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti l-awtorizzazzjoni u l-ispezzjonar ta’ l-impriżi li jwettqu r-rimi u l-irkupru ta’ l-iskart;

Billi, bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet, u basta iżda illi jikkonformaw mal-ħtiġiet tal-ħarsien ta’ l-ambjent, xi stabbilimenti li jipproċessaw l-iskart huma nfushom jew iwettqu l-irkupru ta’ l-iskart jistgħu jiġu eżentati mill-ħtiġiet ta’ permessi; billi dawn l-istabbilimenti għandhom ikunu bla ħsara għar-reġistrazzjoni;

Billi, sabiex l-iskart ikun jista’ jiġi kkontrollat mill-produzzjoni sar-rimi finali tiegħu, impriżi oħra involuti fl-iskart, bħalma huma l-kolletturi ta’ l-iskart, it-trasportaturi u s-sensara għandhom ikunu ukoll suġġetti għall-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni u għal spezzjonijiet xierqa;

Billi għandu jiġi stabbilit kumitat biex jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u biex jadattaha skond il-progress xjentifiku u tekniku,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 75/442/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikoli 1 to 12 jiġu mibdula b’dan li ġej:

"L-Artikolu 1

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "skart" għandu jfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi.

Il-Kummissjoni, hija u taġixxi b’mod konformi mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 18, għandha tfassal, mhux iktar tard mill-1 ta’ April 1993, lista ta’ l-iskartijiet li jappartjienu għall-kategoriji mniżżla fil-lista fl-Anness I. Din il-lista trid tiġi riveduta perjodikament u, jekk meħtieġ, riveduta bl-istess proċedura;

(b) "produttur" għandu jfisser dawk kollha li l-attivitajiet tagħhom jipproduċu l-iskart ("produttur oriġinali") u/jew dawk kollha li jwettqu ħidmiet ta’ qabel l-ipproċessar, it-taħlit, jew ħidmiet oħra li jirriżultaw f’bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart;

(ċ) "pussessur" għandu jfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li tippossjedih;

(d) "l-immaniġġjar" għandhom ifissru l-ġbir, il-ġarr, l-irkupru u r-rimi ta’ l-iskart, inkluża s-sorveljanza ta’ dawn l-operati u l-kura/attenzjoni li tiġi wara fuq il-postijiet tar-rimi ta’ l-iskart;

(e) "rimi (ta’ l-iskart)" għandu jfisser kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II, A;

(f) "irkupru" għandu jfisser kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II, B;

(g) "ġbir" għandu jfisser il-ġbir, il-għażil u/jew it-taħlit ta’ l-iskart bil-għan tal-ġarr.

Artikolu 2

1. Dawn li ġejjin għandhom jitħallew barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva:

(a) l-effluwenti tal-gassijiet rilaxxati fl-atmosfera;

(b) fejn ikunu diġà koperti b’ liġijiet oħra:

(i) l-iskart radjo-attiv;

(ii) l-iskart li jirriżulta mit-tfittix, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ riżorsi minerali u mix-xogħol tal-barrieri;

(iii) il-karkassi ta’ l-annimali u l-iskart tal-biedja li ġej: materjal ta’ ħmieġ u sustanzi oħra naturali imma mhux ta’ perikolu u li jintużaw fil-biedja;

(iv) skart ta’ tipi ta’ ilma, minbarra l-iskart fil-għamla ta’ likwidu;

(v) splussivi li jkunu ġew imwarrba ("decommissioned").

2. Jistgħu jiġu preskritti regoli għal okkażjonijiet partikolari jew li jissupplimentaw dawk ta’ din id-Direttiva għal kategoriji partikolari ta’ skart permezz ta’ Direttivi individwali.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jinkoraġġixxu:

(a) l-ewwelnett il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-produzzjoni ta’ l-iskart u tal-ħsara tiegħu, b’ mod partikolari bl-:

- iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa li bl-użu tagħhom jiffrankaw iktar ir-riżorsi naturali,

- l-iżvilupp tekniku u l-bejgħ fis-suq ta’ prodotti ddisinjati hekk li ma jagħmlu l-ebda kontribuzzjoni jew li jagħmlu l-iċken kontribuzzjoni possibbli, bin-natura tal-manifattura tagħhom, fl-użu jew ir-rimi finali, biex iżidu l-ammont jew il-ħsara ta’ l-iskart u r-riskji tat-tniġġis,

- l-iżvilupp ta’ metodi tat-teknika xierqa għar-rimi aħħari ta’ sustanzi perikolużi li jkunu jinsabu fi skart iddestinat għall-irkupru;

(b) it-tieni:

(i) l-irkupru ta’ l-iskart permezz tar-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew it-treġġigħ lura (riklamazzjoni) jew kull proċess ieħor bil-ħsieb li jiġu estratti materji primi sekondarji, jew

(ii) l-użu ta’ l-iskart bħala sors ta’ enerġija.

2. Għajr fejn tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tippreskrivi proċedura għall-provvista ta’ tagħrif fil-qasam tal-livelli stabbiliti u ta’ regolamenti tekniċi [6], l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummisjoni b’kull miżura li jkun beħsiebhom jieħdu biex jiksbu l-miri ddikjarati fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-kumitat irriferit fl-Artikolu 18 b’ dawn il-miżuri.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’ mod partikolari:

- mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,

- mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,

- mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta’ interess speċjali.

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri l-oħra, fejn ikun meħtieġ jew fuq parir, li jistabbilixxu xibka ta’ komunikazzjoni integrata u adekwata ta’ l-istallazzjonijiet tar-rimi ta’ l-iskart, filwaqt li jagħmlu użu ta’ l-aħħar teknoloġija disponibblili li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi. Ix-xibka ta’ komunikazzjoni għandha tgħin lill-Komunità kollha biex issir aktar suffiċjenti fiha nfisha fir-rimi ta’ l-iskart u lill-Istati Membri biex jimxu lejn din il-mira individwalment, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ġeografiċi jew il-ħtieġa ta’ stallazzjonijiet speċjalizati għal ċerti tipi ta’ skart.

2. Ix-xibka ta’ komunikazzjoni trid tgħin ukoll sabiex l-iskart jiġi mormi f’waħda mill-eqreb stallazzjoni xierqa, permezz ta’ l-iktar metodi u teknoloġiji xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jinnominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li jidħu responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 7

1. Sabiex jinkisbu l-għanijiet immedjati msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6 għandhom ikunu meħtieġa li jfasslu malajr kemm jista’ jkun pjan jew pjani għall-immaniġġjar ta’ l-iskart. Tali pjani għandhom b’ mod partikolari jkollhom x’ jaqsmu ma’:

- it-tip, il-kwantità u l-oriġini ta’ l-iskart li jrid jiġi rkuprat jew mormi;

- il-ħtiġiet ġenerali tekniċi,

- kull arranġament speċjali għal skart partikolari,

- il-postijiet jew l-istallazzjonijiet xierqa għar-rimi (ta’ l-iskart).

Tali pjani jistgħu, per eżempju, ikopru::

- il-persuni naturali u legali mogħtija l-poter li jwettqu l-immaniġġjar ta’ l-skart,

- l-ispejjeż stmati għax-xogħol ta’ l-irkupru u r-rimi (ta’ l-iskart),

- il-miżuri xierqa sabiex tiġi inkoraġġita r-razzjonaliżżazzjoni tal-ġbir, l-għażla u t-trattament ta’ l-iskart.

2. L-Istati Membri għandhom jikkollaboraw kif xieraq ma’ l-Istati Membri l-oħra interessati u mal-Kummissjoni biex ifasslu dawn il-pjani. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

3. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjienu ċ-ċaqliq ta’ l-iskart li ma jkunx b’mod konformi mal-pjani tagħhom ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b’dawn il-miżuri kollha.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-pussessur ta’ l-iskart:

- ikun qandlu permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku ta’ l-iskart jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Annes II A jew B, jew

- ikopri jew jiddisponi minnu huwa nnifsu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 9

1. Għall-għanijiet biex jiġu implimentati l-Artikoli 4, 5 u 7, kull stabbiliment jew impriża li jwettqu x-xogħlijiet speċifikati fl-Anness II A għandhom jiksbu permess mingħand l-awtorità kompetenti riferita fl-Artikolu 6.

Dan il-permess għandu jkopri:

- it-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart,

- il-ħtiġiet tekniċi,

- il-prekawzjonijiet tas-sigurtà li jridu jittieħdu,

- il-post tar-rimi,

- il-metodu tat-trattament.

2. Il-permessi jistgħu jingħataw għal perjodu speċifikat ta’ żmien, jistgħu jiġġeddu, jistgħu ikunu soġġetti għal kondizzjonijiet u obbligi, jew, notabbilment, jekk il-metodu maħsub għar-rimi ma jkunx aċċettabbli mil-lat tal-ħarsien ta’ l-ambjent, jistgħu jiġu rrifjutati.

Artikolu 10

Għall-għanjiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 4, kull stabbiliment jew impriża li jwettqu x-xogħlijiet imsemmija fl-Anness II B iridu jiksbu permess.

Artikolu 11

1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 78/319/KEE tal-20 ta’ Marzu 1978 dwar l-iskart tossiku u perikoluż [7], kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ Spanja u tal-Portugall, dawn li ġejjin jistgħu jiġu eżentati mill-ħtieġa tal-permess impost bl-Artikolu 9 jew bl-Artikolu 10:

(a) l-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu huma stess ir-rimi ta’ l-iskart minn fuq il-post tal-produzzjoni;

u

(b) l-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu l-irkupru ta’ l-iskart.

Din l-eżenzjoni tista’ tapplika biss:

- jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu adottaw ir-regoli ġenerali għal kull tip ta’ attività li tippreskrivi t-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart u l-kondizzjonijiet li fuqhom l-attività in kwistjoni tista’ tiġi eżentata mill-ħtiġiet ta’ permess,

u

- jekk it-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart u l-metodi tar-rimi jew ta’ l-irkupru huma tali illi l-kondizzjonijiet imposti bl-Artikolu 4 jiġu mħarsa.

2. L-istabbilimenti jew l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati ma’ l-awtoritajiet kompetenti.

3. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bir-regoli ġenerali adottati skond il-paragrafu 1.

Artikolu 12

L-istabbilimenti jew l-impriżi li jiġbru jew iġorru l-iskart fuq bażi professjonali jew li jagħmlu arranġamenti għall-ġbir jew il-ġarr ta’ l-iskart fuq bażi professjonali f’ isem ħaddieħor (negozjanti jew sensara), u ma kienux soġġetti għall-awtorizzazzjoni, għandhom jiġu rreġistrati ma’ l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 13

L-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu x-xogħlijiet imsemmija fl-Artikoli 9 sa 12 għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet xierqa perjodikament mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 14

L-istabbilimenti jew l-impriżi kollha imsemmija fl-Artikoli 9 u 10 għandhom:

- iżommu reġistru dwar il-kwantità, in-natura, l-oriġini u, fejn rilevanti, id-destinazzjoni, il-frekwenza tal-ġbir, il-mod tal-ġarr u l-metodu tat-trattament rigward l-iskart irriferit fl-Anness I u dwar ix-xogħlijiet imsemmija fl-Anness II A jew B,

- jagħmlu dan it-tagħrif disponibbli, fuq talba, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu lill-produtturi li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 15

B’mod konformi mal-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas", in-nefqa fuq ir-rimi ta’ l-iskart trid tinġarr mill-:

- pussessur li l-iskart tiegħu jiġi mqandel minn kollettur ta’ l-iskart jew minn impriża kif irriferit fl-Artikolu 9,

u/jew

- il-pussessuri ta’ qabel jew il-produttur tal-prodott minn fejn ikun ġie l-iskart.

Artikolu 16

1. Kull tliet snin, u għall-ewwel darba fil-1 ta’ April 1995, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar il-miżuri li jkunu ħadu sabiex jimplimentaw din id-Direttiva. Dan ir-rapport għandu jiġi msejjes fuq kwestjonarju, imfassal b’mod konformi mal-proċedura rriferita fl-Artikolu 18, li l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri sitt xhur qabel id-data msemmija hawn fuq.

2. Fuq il-bażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummisjoni għandha tippubblika rapport ikkonsolidat kull tliet snin, u għall-ewwel darba fl-1 ta’ April 1996.

Artikolu 17

L-emendi meħtieġa biex jadattaw l-Annesi ma’ din id-Direttiva skond il-progress xjentifiku u tekniku għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

Artikolu 18

Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat kompost minn rappreżentati ta’ l-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien li jista’ jippreskrivi l-President skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza preskritta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat tal-KEE fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom ikunu mwieżna fil-manjiera ddikjarata f’dan l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jew li jkunu konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li jkollha x’taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, mat-tmiem ta’ perjodu taż-żmien ta’ tliet xhur mid-data meta l-proposta tkun ġiet irriferita lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni."

2. L-Artikoli 13, 14 u 15 isiru l-Artikoli 19, 20 and 21.

3. Jiżdiedu l-Annessi li ġejjin:"

L-ANNESS I

IL-KATEGORIJI TA’ L-ISKART

Q1 Il-fdalijiet mill-produzzjoni jew mill-konsum mhux speċifikati xorta oħra hawn taħt

Q2 Il-prodotti li jaqgħu barra mill-ispeċifikazzjoni

Q3 Il-prodotti li d-data tagħhom għal użu xieraq tkun intemmet

Q4 Il-materjali li jkunu ġew imxerrda, mitlufa jew għaddew minn xi diżgrazzja oħra, inklużi kull materjal, tagħmir, eċċ. kkontaminat b'riżultat tad-disgrazzja

Q5 Il-materjali kkontaminati jew imħammġa b'riżultat ta' azzjonijiet ippjanati (p.e. il-fdalijiet minn xogħlijiet ta' tindif, mill-ippakkjar ta' materjali, mill-kontenituri, eċċ.)

Q6 Partijiet li ma jistgħux jintużaw (p.e. batteriji mormija, katalisti eżawsti, eċċ.)

Q7 Sustanzi li ma jaqdux iktar xogħlhom sodisfaċentement (p.e. aċidi kkontaminati, solventi kkontaminati, melħ tat-tempra maħdum, eċċ.)

Q8 Fdalijiet ta' l-iproċessar industrijali (p.e. gagazza, il-fond fil-qiegħ tad-distillatur, eċċ.)

Q9 Il-fdalijiet minn proċessi tat-titfija mit-tniġġis (p.e. ħama mill-għorik, trab tal-boroż tal-knis, filtrijiet li jkun għadda xogħlhom, eċċ.)

Q10 Il-fdalijiet miIl-maċinar/irfinar (p.e. bċejjeċ jew serratura li jinħolqu mill-użu tat-torn, qxur tal-mitħna, eċċ.)

Q11 Il-fdalijiet mill-estrazzjoni tal-materji primi u mill-proċessar (p.e. fdalijiet mill-minjieri, rqajja’ ta' l-oqsma taż-żejt, eċċ.)

Q12 Materjali adulterati (p.e. żjut ikkontaminati bil-PCB — jiet, eċċ.)

Q13 Kull materjal, sustanza jew prodott li l-użu tagħhom ikun ġie pprojbit bil-liġi

Q14 Il-prodotti li għalihom il-pussessur ma jkollux iktar użu (p.e. l-iskart mill-biedja, mid-djar, mill-uffiċċji, mill-kummerċ u mill-ħwienet, eċċ.)

Q15 Il-materjali kkontaminati, is-sustanzi jew il-prodotti li jirriżultaw minn azzjonijiet ta' rimedju rigward l-art

Q16 Kull materjal, sustanza jew prodott li ma jkunux inklużi fil-kategopriji ta' hawn fuq.

L-ANNESS IIA

XOGĦOLIJIET TA’ RIMI

NB:

Dan l-Anness huwa maħsub biex iniżżel fil-lista x-xogħlijiet ta’ rimi bħalma jiġru fil-prattika. B’mod konformi ma’ l-Artikolu 4, l-iskart irid jintrema mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew metodi li x’aktarx ikunu ta’ ħsara għall-ambjent.

D1 It-tfigħ fuq l-art jew taħtha (p.e. radam ("landfill"), eċċ.)

D2 It-trattament ta’ l-art (p.a. il-bio-degradazzjoni ta’ skart likwidu jew ħama fil-ħamrija, eċċ.)

D3 L-injezzjonijiet fil-fond (p.e. it-tfigħ ta’ skart li jista’ jiġi ppumpjat fi bjar, f’koppli taħt l-art tal-melħ jew f’repożitorji li jinħolqu min-natura, eċċ.)

D4 Il-konfiska tal-wiċċ ta’ l-art (p.e. it-tfigħ ta’ skartijiet likwidi jew tal-ħama f’ħofor, għadajjar jew laguni, eċċ.)

D5 Ir-radam(landfill) magħmula apposta bl-inġinerjia (p.e. it-tfigħ fi ġwiebi miksija u separati li jkunu mgħottija u iżolati minn xulxin u mill-ambjent, eċċ.)

D6 It-tfigħ ta’ skart solidu f’korp ta’ l-ilma għajr fl-ibħra/oċeani

D7 It-tfigħ (ta’ skart) fl-ibħra/oċeani inkluż l-injezzjoni taħt qiegħ il-baħar

D8 It-trattamenti bioloġiċi li ma huma speċifikati mkien ieħor f’dan l-Anness li jirriżultaw f’komposti jew taħlitiet ta’ l-aħħar li jintremew permezz ta’ xi wieħed mix-xogħlijiet imsemmija f’dan l-Anness

D9 It-trattamenti fiżiko-kimiċi li ma huma speċifikati mkien ieħor f’dan l-Anness li jirriżultaw f’komposti jew taħlitiet ta’ l-aħħar li jintremew permezz ta’ xi wieħed mix-xogħlijiet msemmija f’dan l-Anness (p.e. evaporazzjoni, tnixxif, kalċifikazzjoni, eċċ.)

D10 L-inċinerazzjoni (ħruq) fuq l-art

D11 L-inċinerazzjoni (ħruq) fil-baħar

D12 Il-ħażna permanenti (p.e. it-tqegħid f’kontenituri ġewwa minjiera, eċċ)

D13 It-twaħħil flimkien jew it-taħlit qabel ma’ jsir kull xogħol fuqhom imsemmi f’dan l-Anness

D14 L-ippakkjar mill-ġdid qabel ma jsir kull xogħol fuqhom imsemmi f’dan l-Anness

D15 Il-ħażna sakemm isir fuqha xi wieħed mix-xogħlijiet imsemmija f’dan l-Anness, għajr ħażniet temporanji, sakemm isir il-ġbir, fuq il-lok fejn ikun prodott.

L-ANNESS II B

IX-XOGĦLIJIET LI JISTGĦU JWASSLU GĦALL-IRKUPRU

NB:

Dan l-Anness huwa maħsub biex jagħti lista ta' xogħlijiet ta' rkupru kif jiġu mwettqa fil-prattika. B'mod konformi ma’ l-Artikolu 4, l-iskart irid jiġi rkuprat mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr l-użu ta' proċessi jew metodi li x'aktarx ikunu ta' ħsara għall-ambjent.

R1 Ir-riklamazzjoni/riġenerazzjoni tas-solventi

R2 Ir-riċiklaġġ/riklamazzjoni ta' sustanzi organiċi li ma jintużawx bħala solventi

R3 Ir-riċiklaġġ/riklamazzjoni tal-metalli u l-komposti tal-metalli

R4 Ir-riċiklaġġ/riklamazzjoni ta' materjali inorganiċi oħra

R5 Ir-riġenerazzjoni ta' aċidi jew bażijiet

R6 L-irkupru tal-komponenti użati għat-titfija tat-tniġġiż

R7 L-irkupru ta' komponenti minn katalisti

R8 Ir-raffinazzjoni taż-żjut jew użi oħra mill-ġdid taż-żjut

R9 L-użu prinċipalment bħala karburant u mezzi oħra li jiġġeneraw l-enerġija

R10 It-tifrix fuq l-art li jirriżulta ta' benediċċju għall-biedja jew f' titjib ekoloġiku inklużi l-ikkompostjar u proċessi oħra ta' trasformazzjoni bioloġika, għajr fil-każ ta' l-iskart eskluż taħt l-Artikolu 2(1)(b) (iii)

R11 L-użu ta' l-iskart miksub minn kull xogħol bin-numri R1 — R10

R12 L-iskambju ta' l-iskart sabiex jgħaddi minn kull xogħol bin-numri R1 — R11

R13 Il-ħażna tal-materjali maħsuba biex jgħaddu minn kull xogħol f'dan l-Anness, għajr ħażniet temporanji, sakemm isir il-ġbir, fuq il-post fejn jiġi prodott.

"

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta’ April 1993. Għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn il-miżuri għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-riferenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-18 ta’ Marzu 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Bodry

[1] ĠU C 295, tad-19.11.1988, p. 3 and {U Nru C 326, tat-30.12.1989, p. 6.

[2] ĠU C 158, tas-26.6.1989, p. 232 u l-opinjoni mogħtija fit-22 ta’Frar 1991 (għadha mhix ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 56, tas-6.3.1989, p. 2.

[4] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 47.

[5] ĠU C 122, tat-18.5.1990, p. 2.

[6] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8.

[7] U Nru L 84, tal-31.3.1978, p. 43.

--------------------------------------------------