31990R3500



Official Journal L 338 , 05/12/1990 P. 0003 - 0006
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 35 P. 0179
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 35 P. 0179


Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 3500/90

tas-27 ta’ Novembru, 1990

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2261/84 li jelenka regoli ġenerali dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u dwar għajnuna lil organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru, 1966 dwar il-formazzjoni ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet [1], kif l-aħħar emendati bir-Regolament (KEE) Nru 3499/90 [2], u partikolarment Artikolu 5(4) ta’ dan,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi Artikolu 5 tar-Regolament Nru 136/66/KEE jipprovdi għal għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li tingħata fuq il-bażi tal-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa effettivament prodott lil produtturi taż-żebbuġ li l-produzzjoni medja tagħhom hija tal-inqas 500 kilogramma għal kull sena ta’ bejgħ, u lil produtturi oħra taż-żebbuġ fuq il-bażi tal-għadd u l-potenzjal ta’ produzzjoni ta’ siġar taż-żebbuġ u taż l-ammont li jinġabar minn siġar bħal dawn, kif deċiżi skond metodu komuni, u sakemm iż-żebbuġ prodott ikun ġie effettivament proċessat;

Billi biex titjieb is-superviżjoni tal-attivitajiet kollha tal-imtieħen taż-żejt u tal-kwantitajiet eliġibbli għall-għajnuna, l-għoti ta’ għajnuna għandha tkun soġġetta fil-każi kollha mal-kundizzjoni li ż-żebbuġ ikun ippressat fi mtieħen approvati u li l-applikant jippreżenta ċertifikat tal-pressa;

Billi biex ikun stabbilizzat il-livell ta’ appoġġ provdut bl-għajnuna komuni billi jkunu evitati differenzi kbar fl-ammonti li jinġabru minn sena waħda ta’ bejgħ għal oħra, għandu jkun hemm dispożizzjoni biex l-għajnuna titħallas fuq il-bażi ta’ medja tal-ammont ta’ ġbir matul l-erba’ snin preċedenti ta’ bejgħ;

illi għar-rigward ta’ produtturi taż-żebbuġ li l-produzzjoni tagħhom hi tal-anqas 500 kg kull sena ta’ bejgħ, jidher li jkun aktar ġust li l-ħlas bil-quddiem isir fuq il-bażi tal-kwantità prodotta minn kull produttur taż-żebbuġ; billi għandha ssir dispożizzjoni wkoll biex ikun hemm sistema ta’ pagament aktar rapidu ta’ ħlas bil-quddiemlil produtturi assoċjati, skond l-obbligi li jivverifikaw id-dokumenti mwettqa mill-organizzazzjonijiet;

Billi biex titjieb it-tmexxija tas-sistema ta’ għajnuna, għandhom ikunu spjegati aħjar ix-xogħlijiet ta’ verifika li għalihom huwa responsabbli l-organizzazzjonijiet u l-iċċekkjar li għandu jsir mill-Istati Membri għall-finijiet ta’ ħlas tal-għajnuna;

Billi, meta titqies il-qagħda speċifika tal-Portugall, l-Istat Membru għandu jkun awtorizzat li jieħu, għal żmien limitat, miżuri speċjali għall-imtieħen approvati u għal każi ta’ bejgħ ta’ żebbuġ mill-produtturi;

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2261/84 [3], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KEE) Nru 1226/89 [4], għandu jkun emendat bl-istess mod,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2261/84 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. F’Artikolu 2:

(a) il-paragrafu 4 jitbiddel b’dan li ġej:

"4. Fil-każ ta’ produtturi taż-żebbuġ li l-produzzjoni medja tagħhom hi tal-anqas 500 kilogramma ta’ żejt kull sena ta’ bejgħ, l-għajnuna tingħata bi qbil ma’ l-ewwel inċiż ta’ Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 136/66/KEE rigward il-kwantità ta’ żejt effettivament prodotta f’mitħna approvata.

Fil-każ ta’ produtturi oħra, l-għajnuna tingħata bi qbil mat-tieni inċiż ta’ Artiklu 5 (2) tar-Regolament Nru 136/66/KEE u tkun l-istess għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-medji tal-ammonti ta’ żebbuġ u ta’ żejt miġbura, iffissati b’mod inklusiv matul l-aħħar erba’ snin ta’ bejgħ, bi qbil ma’ Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, skond l-għadd ta’ siġar taż-żebbuġ fil-produzzjoni u bil-kundizzjoni li l-bidla miż-żebbuġ għaż-żejt issir f’mitħna approvata’.; Fil-każ ta’ produtturi oħra, l-għajnuna tingħata bi qbil mat-tieni inċiż ta’ Artikolu 5(2) tar-Regolamenti Nru 136/66/KEE u tkun l-istess għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-medji tal-ammonti ta’ żebbuġ u ta’ żejt miġbura, matul l-aħħar erba’ snin ta’ bejgħ, bi qbil ma’ Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament; u l-għadd ta’ siġar taż-żebbuġ fil-produzzjoni u bil-kundizzjoni li l-bidla miż-żebbuġ għaż-żejt issir f’mitħna approvata’."

(b) fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu ċ-ċifra "400" titbiddel b "500".

2. F’Artikolu 3:

(a) il-paragrafu 3 jitbiddel b’dan li ġej:

"3. Produtturi taż-żebbuġ li jkunu membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, sa data li għad trid tkun deċiża, jgħaddu lill-organizzazzjoni applikazzjoni individwali għall-għajnuna li fiha jipprovdu prova li ż-żebbuġ kien ġie magħsur f’mitħna approvata";

(b) il-paragrafu 6 jitbiddel b’dan li ġej:

"6. Produtturi taż-żebbuġ li ma humiex membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, sa data li għad trid tkun deċiża, jgħaddu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konċernat, applikazzjoni għall-għajnuna li jkun fiha prova li ż-żebbuġ kien magħsur f’mitħna approvata."

3. Artikolu 6 jitbiddel b’dan li ġej:

"Artikolu 6

1. Organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti li ma humiex membri ta’ assoċjazzjoni kif imsemmi f’Artikolu 20ċ (2) tar-Regolament Nru 136/66/KEE:

- iressqu, bi qbil ma’ Artikolu 3(1), id-dikjarazzjonijiet dwar il-kultivazzjoni tal-membri kollha tagħhom,

- jissottomettu, darba fix-xahar, f’formola standardizzata li tkun addattata għall-ipproċessar mill-kompjuter kif provdut f’Artikolu 16 tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna tal-membri tagħhom. Tintalab l-għajnuna għall-kwantità prodotta minn dawk il-membri li jkunu spiċċaw il-produzzjoni tagħhom taż-żejt, bil-kundizzjoni li jkunu saru l-kontrolli speċifikati f’Artikolu 8(1) u jkunu twettqu l-obbligi li joħorġu minnhom.

L-applikazzjonijiet kollha relatati mal-produzzjoni ta’ sena waħda ta’ bejgħ għandhom, taħt piena li jitħallew barra, jitressqu qabel data li għandha tkun speċifikata;

- jirċievu mingħand l-Istat Membru konċernat ħlas bil-quddiem fuq l-għajnuna għall-produzzjoni, kif imsemmi f’Artikolu 12, u l-bilanċ tal-għajnuniet, u mingħajr dewmien jaqsmuhom fost il-produtturi membri taż-żebbuġ.

2. F’każi fejn organizzazzjoni tal-produtturi tkun tagħmel parti minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn, id-dikjarazzjonijiet dwar il-kultivazzjoni u l-applikazzjonijiet għal għajnuna tal-membri produtturi taż-żebbuġ għandhom ikunu sottomessi mill-assoċjazzjoni."

4. Artikolu 7 hu revokat.

5. Artikolu 8 jitbiddel b’dan li ġej:

"Artikolu 8

1. Qabel tissottometti l-applikazzjoni għall-għajnuna kull organizzazzjoni tal-produtturi tiċċekkja:

- il-konformità tal-file sottomess minn kull wieħed mill-membri tagħha mal-obbligi msemmija f’Artikolu 3, u partikolarment il-prova) li ż-żebbuġ kien pressat f’mitħna approvata,

- għar-rigward ta’ produtturi taż-żebbuġ li l-produzzjoni medja tagħhom hi tal-anqas 500 kilogramma ta’ żejt taż-żebbuġa għal kull sena ta’ bejgħ, li d-dettalji fornuti minn kull produttur dwar il-kwantitajiet ta’ żebbuġ pressat u l-kwantitajiet ta’ żejt miksub ikunu jikkorrispondu mal-kwantitajiet ta’ żebbuġ u żejt kif iddikjarat fil-prova tal-pressa.

2. L-organizzazzjoni tal-produtturi tgħaddi l-files dwar il-membri tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konċernat meta ma tkunx stabbilta l-korrispondenza msemmija fit-tieni inċiż tal-paragrafu 1."

6. F’Artikolu 10, l-ewwel inċiż jitbiddel f’dan li ġej:

"— jikkordinaw l-attivitajiet tal-organizzazzjoni li tagħha jiffurmaw parti u jassiguraw li dawn l-attivitajiet jaqblu ma’ dan ir-Regolament, u partikolarment jivverifikaw direttament u bi qbil ma’ perċentwali li għandu jkun deċiż il-mod li bih ikun twettaq l-iċċekkjar speċifikat f’Artikolu 8,".

7. Artikolu 12 jitbiddel b’dan li ġej:

"Artikolu 12

1. Kull produttur taż-żebbuġ li l-produzzjoni medja tiegħu hi tal-anqas 500 kilogramma ta’ żejt taż-żebbuġa kull sena ta’ bejgħ jista’ jirċievi ħlas bil-quddiem fuq l-ammont ta’ għajnuna mitluba.

2. Għal produtturi taż-żebbuġ li huma membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, il-ħlas bil-quddiem:

- ikun ugwali għall-ammont miksub meta jkun immultiplikat l-ammont tal-għajnuna ffissat skond Artikolu 17 a (2) b’90 % tal-kwantità ta’ żejt dikjarat fl-applikazzjoni għall-għajnuna,

- jista’ ma jingħatax jekk kemm-il darba ma jkunx sar l-iċċekkjar imsemmi f’Artikolu 8(1) u l-iċċekkjar fuq il-post imsemmi f’Artikolu 14 (3a) it-tieni inċiż, mingħajr preġudizzju għaċ-ċekkjar ieħor, jekk ikun meħtieġ.

3. Għal produtturi taż-żebbuġ li ma humiex membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi u għal dawk il-produtturi assoċjati taż-żebbuġ li ma jistgħux jirrikorru għall-paragrafu 2, il-ħlas bil-quddiem:

(a) ikun ugwali għas-somma miksuba billi jkun immultiplikat l-ammont ta’ għajnuna ffissat bi qbil ma’ Artikolu 17 a (2) bil-kwantità indikata fl-applikazzjoni għall-għajnuna;

(b) ma jistax jingħata sakemm:

- l-ammonti taż-żebbuġ u ż-żejt miġbura jkunu ġew iffissati għas-sena ta’ bejgħ bi qbil ma’ Artikolu 18,

- ikun sar l-iċċekkjar imsemmi f’Artikolu 8(1) u l-iċċekkjar fuq il-post imsemmi f’Artikolu 14 (3a)."

8. F’Artikolu 14:

(a) il-paragrafu 2 jibiddel b’dan li ġej:

"2. Stati Membri produtturi jivverifikaw l-attivitajiet ta’ kull organizzazzjoni u assoċjazzjoni tal-produtturi u, partikolarment, li x-xogħol dwar l-iċċekkjar ikun sar minn dawn il-korpi skond it-tifsira f’Artikolu 8(1) u Artikolu 10, l-ewwel inċiż";

(b) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"3a. Għall-finijiet ta’ ħlas tal-għajnuna lill-produtturi taż-żebbuġ li l-produzzjoni medja tagħhom hi tal-anqas 500 kilogramma ta’ żejt taż-żebbuġa kull sena ta’ bejgħ, l-Istati Membri produtturi jiċċekkjaw:

- l-eżattezza tad-dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni fuq il-bażi tal-kriterji li għandhom ikun deċiżi,

- il-qbil bejn il-kwantità ta’ żejt imdaħħla fl-applikazzjoni għall-għajnuna u dik dikjarata fir-reġistri dwar il-ħażniet ta’ mtieħen approvati,

- il-kompatibilità bejn il-produzzjoni ta’ żebbuġ kif dikjarat minn kull produttur taż-żebbuġ bħala li kien ġie pressat f’mitħna approvata u d-dettalji mogħtija fid-dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni fuq il-bażi tal-kriterji li għandhom ikunu deċiżi";

(ċ) il-paragrafu 4 jitbiddel b’dan li ġej:

"4. Rigward iż-żejt taż-żebbuġa msemmi fil-parti 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE u prodott minn produtturi taż-żebbuġ li l-produzzjoni medja tagħhom hi anqas minn 500 kilogramm ta’ żejt taż-żebbuġa għal kull sena ta’ bejgħ, l-iċċekkjar għandu jivverifika:

- l-eżattezza tad-dikjarazzjoni dwar il-kultivazzjoni fuq il-bażi tal-kriterji li għandhom ikunu deċiżi,

- l-eżistenza ta’ prova li ż-żebbuġ kien ġie ppressat f’mitħna approvata."

9. F’Artikolu 15, il-paragrafu 3 jitbiddel b’dan li ġej:

"3. Fejn l-iċċekkjar speċifikat f’Artikoli 13 u 14 ma jikkonfermax iċ-ċifri fir-reġistri dwar il-ħażna ta’ mitħna approvata, l-Istat Membru konċernat, mingħajr preġudizzju għal xi sanzjonijiet li jistgħu jkunu imposti fuq il-mitħna, jiddeċiedi, għal kull produttur li l-produzzjoni medja tiegħu hi tal-anqas 500 kilogramma ta’ żejt taż-żebbuġa kull sena ta’ bejgħ u li kellu ż-żebbuġ tiegħu ippressat fil-mitħna fil-kwistjoni, il-kwantità ta’ żejt li għalih tingħata għajnuna."

10. Artikolu 17a jitbiddel b’dan li ġej:

"Artikolu 17a

1. Il-Kummissjoni tiddeċiedi l-medja tal-ammonti ta’ żebbuġ u żejt miġbura matul l-erba’ snin preċedenti ta’ bejgħ, qabel l-1 ta’ Diċembru rigward is-sena kurrenti ta’ bejgħ.

2. Dawn li ġejjin ikunu deċiżibi qbil mal-proċedura mniżżla f’Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE, qabel l-1 ta’ April rigward is-sena kurrenti ta’ bejgħ:

- l-istima tal-produzzjoni,

- l-ammont tal-għajnuna għall-produzzjoni li tista’ titħallas minn qabel. Dak l-ammont għandu jkun tali li, skond il-kundizzjonijiet dwar il-produzzjoni tas-sena kurrenti ta’ bejgħ fil-kwistjoni, biex ikun evitat xi riskju ta’ pagament mhux mistħoqq lil produtturi taż-żebbuġ.

3. Mhux aktar minn sitt xhur wara t-tmiem tas-sena ta’ bejgħ, dawn li ġejjin ikunu deċiżi fir-rigward ta’ dik is-sena bi qbil mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2:

- il-kwantità effettivamentment prodotta li għalihajkun ġie rikonoxxut id-dritt għall-għajnuna,

- l-ammont tal-għajnuna għall-produzzjoni li hemm provdut f’(b) fil-ħames subparagrafu ta’ Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 136/66/KEE, li jkun pagabbli lil produtturi li l-produzzjoni medja tagħhom hi tal-anqas 500 kilogramma kull sena ta’ bejgħ,

- il-kwantità li għandha tinġarr għas-sena ta’ wara ta’ bejgħ, jekk il-kwantità prodotta msemmija fl-ewwel inċiż tkun anqas mill-kwantità massima stabbilita.

4. L-Istati Membri, mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu, jikkomunikaw mal-Kummissjoni l-estimi tagħhom dwar il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għas-sena kurrenti ta’ bejgħ. Il-Kummissjoni tista’ tuża għejjun oħra ta’ informazzjoni u, fejn meħtieġ, tagħmel studji jew stħarriġ marbuta mal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa."

11. F’Artikolu 21, id-data "l-1 ta’ Jannar, 1990" titbiddel għal "l-1 ta’ Jannar, 1995".

Artikolu 2

1. Biex tkun assigurata transizzjoni bla tfixkil mill-arranġamenti li huma bħalissa fis-seħħ għal dawk stabbiliti taħt dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi fuq xi miżuri meħtieġa għas-sena ta’ bejgħ 1990/91 bi qbil mal-proċedura msemmija f’Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

2. Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għas-snin ta’ bejgħ 1990/91 u 1991/92:

- tista’ tingħata approvazzjoni temporanja mill-Portugall għal imtieħen li qegħdin fit-territorju tagħha, bil-kundizzjoni li r-reġistri dwar il-ħażniet tagħhom ikollhom tal-anqas, għal kull persuna li kellha żebbuġ ippressat f’dawn l-imtieħen, dikjarazzjoni dwar il-kwantitajiet ta’ żebbuġ ippressat u ta’ żejt miksub,

- tista’ tingħata għajnuna fuq il-produzzjoni lil produttur taż-żebbuġ, fil-Portugall, bi qbil mat-tieni subparagrafu ta’ Artikolu 2(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2261/84 jekk, fil-każi ta’ bejgħ totali jew parzjali tal-produzzjoni tiegħu taż-żebbuġ, dak il-produttur taż-żebbuġ ma jkunx jista’ jipprovdi prova dwar ippressar f’mitħna approvata, bil-kundizzjoni li tkun sottomessa l-irċevuta ta’ bejgħ taż-żebbuġ.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament ikun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-27 ta’ Novembru, 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

V. Saccomandi

[1] ĠU Ċ 172, tat- 30.9.1966, p. 3025/66.

[2] Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[3] ĠU L 208, tat-3.8.1984, p. 3.

[4] ĠU L 128, tal-11.5.1989, p. 17.

--------------------------------------------------