31990R3314



Official Journal L 318 , 17/11/1990 P. 0020 - 0021
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0221
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0221


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3314/90

tas-16 ta' Novembru 1990

li jadatta għall-progress tekniku r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq [1], u b'mod partikolari l-Artikoli 17 u 18 tiegħu

Billi huwa neċessarju li jiġi eliminati l-possibiltajiet ta' frodi fl-użu ta' apparat elettroniku ta' reġistrazzjoni fit-trasport fuq it-triq b'mod partikolari dawk kawżati bl-interruzzjoni tal-provvista tad-dawl jew tas-sensor tad-distanza u tal-veloċità;

Billi fid-dawl ta' esperjenza u in vista ta' l-istat attwali ta' l-arti huwa possibbli li tindika dawn l-interruzzjonijiet b'mod ċar fuq il-folji ta' reġistrazzjoni sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament u sabiex jiġi skuraġġit dan it-tip ta' użu qarrieqi;

Billi huwa possibbli li din it-teknoloġija ġdida tiġi implimentata fl-istandards tal-Komunità fil-kostruzzjoni u installazjoni għal apparat ta' reġistrazzjoni elettroniku;

Billi sabiex jiġi żgurat kontroll effettiv u reġistrazzjoni korretta tal-ħin ta' sewqan b'mod partikolari, il-ħin ta' sewqan għandu jiġi reġistrat awtomatikament u l-perjodi l-oħra, meta s-sewwieq ma jkunx qiegħed isuq il-vettura, għandu jiġi reġistrat skond is-sinjali indikati fuq il-mekkaniżmu ta' l-iswiċċ;

Billi l-apparat ta' reġistrazzjoni presenti diġa jippermetti li ssir reġistrazzjoni awtomatika ta' ħin ta' sewqan u għalhekk fid-dawl ta' l-esperjenza u ta' l-istat attwali ta' l-arti l-istandards ta' kostruzzjoni għall-apparat ta' reġistrazzjoni għandhom jiġu hekk adattati;

Billi l-miżuri mniżżla f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-adattamenti tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 għall-progress tekniku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 huwa emendat kif ġej:

1. Fil-Kapitolu II, il-punt li ġej huwa mdaħħal:

"7. Fir-rigward ta' tagħmir elettroniku ta' reġistrazzjoni li huwa tagħmir li jaħdem b'sinjali trasmessi elettrikament mis-sensor tad-distanza u l-veloċità, kull interruzzjoni li taqbeż il-100 millisekonda fil-provvista tad-dawl ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni (ħlief għat-tidwil), fil-power supply tas-sensor tad-distanza u l-veloċità u kull interruzzjoni fis-sinjal iwasslu għat-tagħmir sensorjali tad-distanza u veloċità."

2. Fil-Kapitolu III taħt (a)

"Punti ġenerali"

, il-punt 1.3 huwa mibdul b'dan li ġej:

"1.3 Kull mezz ta' mmarkar li turi fuq il-folja ta' reġistrazzjoni individwalment:

- kull ftuħ tal-kaxxa li jkun fiha dik il-folja ta' reġistrazzjoni,

- fir-rigward ta' tagħmir ta' reġistrazzjoni elettroniku, kif definit fil-punt 7 tal-Kapitolu II, kull interruzzjoni li taqbeż il-100 millisekonda fil-provvista ta' dawl ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni (ħlief għat-tidwil), mhux iktar tard minn meta il-provvista tad-dawl terġa' tixgħel,

- fir-rigward ta' tagħmir ta' reġistrazzjoni elettroniku, kif definit fil-punt 7 tal-Kapitolu II, kull interruzzjoni li taqbeż il-100 millisekonda fil-power supply tas-sensor tad-distanza u l-veloċità u kull interruzzjoni fis-sinjal iwasslu għas-sensor tad-distanza u l-veloċità."

3. Fil-Kapitolu III taħt (ċ)

"Strumenti ta' Reġistrazzjoni"

, il-punt 4.1 huwa mibdul b'dan li ġej:

"4.1 It-tagħmir ta' reġistrazzjoni jrid jinbena b'mod li l-perjodu ta' ħin ta' sewqan huwa dejjem reġistrat awtomatikament u li huwa possibbli, permezz ta' l-użu fejn dan ikun meħtieġ ta' kull swiċċ li jirreġistra separatament il-perjodi ta' ħin oħrajn kif indikat fl-Artikolu 15(3), tieni inċiż (b), (ċ), u (d) tar-Regolament."

L-Artikolu 2

Sa mill-1 ta' Lulju 1991 l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu approvazzjoni tal-KEE fir-rigward ta' tagħmir ta' reġistrazzjoni li ma jaqbilx mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, kif emendat minn dan ir-Regolament.

L-Artikolu 3

Sa mill-1 ta' Jannar 1996 l-apparat ta' reġistrazzjoni ta' kull vettura ġdida li tibda tagħti servizz għall-ewwel darba trid tikkonforma mar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, kif emendat minn dan ir-Regolament.

L-Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta' Novembru 1990.

Għall-Kummissjoni

Karel VAN MIERT

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 370, tal-31.12.1985, p. 8.

--------------------------------------------------