31990R2204



Official Journal L 201 , 31/07/1990 P. 0007 - 0008
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 33 P. 0078
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 33 P. 0078


Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 2204/90

ta’ l-24 ta’ Lulju 1990

li jippreskrivi regoli ġenerali addizzjonali dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u l-prodotti mill-ħalib f’dak li jirrigwarda l-ġobon

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u l-prodotti mill-ħalib [3], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3879/89 [4], li jipprovdi għall-konċessjoni ta’ għajnuna, mid-dħul ta’ din l-organizzazzjoni, għal ħalib xkumat prodott fil-Komunità u proċessat bil-ħsieb li jiġu fabbrikati l-kaseina u l-kaseinati; billi din l-għajnuna dwar l-użu tagħhom trid tiżgura għall-produtturi interessati tal-Komunità, sitwazzjoni fis-suq identika għal dik tal-produtturi tal-kaseina u l-kaseinati li mhumiex fil-Komunità, li l-prodotti tagħhom, wara r-rabta tad-dazji tad-dwana, ikunu disponibbli fis-suq tal-Komunità bil-prezzijiet tas-suq dinji;

Billi l-progress tekniku kkombinat ma’ l-arranġamenti għall-kontroll tal-produzzjoni tal-ħalib, irriżultaw fl-iżvilupp ta’ l-użu tal-kaseina u l-kaseinati fi prodotti li l-għan ewlieni ta’ l-għajnuna ma kienx maħsub għalihom; billi dawn l-operati ta’ sostituzzjoni irriżultaw billi affettwaw l-istabbilità tas-suq tal-ħalib; billi filwaqt li jidher vitali, għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni, sabiex jinżammu l-prinċipji ta’ l-għajnuna f’ammont suffiċjenti, illi jiġu adottati miżuri li jiżguraw li l-konċessjoni ta’ għajnuna ma ttellifx il-bilanċ tas-suq tal-ħalib u li l-kaseina u l-kaseinati ta’ oriġini Komunitarja u mhux Komunitarja jirċievu l-istess trattament;

Billi l-karatteristiċi tal-kaseina u l-kaseinati u dawk tal-ġobon jixxiebħu, hekk li l-prodotti minn dan ta’ l-aħħar huma partikolarment vulnerabbli għall-operati tas-sostituzzjonit msemmija hawn fuq; billi l-użu tal-kaseina u l-kaseinati fil-ġobon biss, għandhom, konsegwentement jiġu regolati b’regoli tal-Komunità;

Billi l-operat idoneu ta’ dawn l-arranġamenti jeħtieġ, min-naħa ta’ l-Istati Membri, kontrolli li jiżguraw il-konformità ma’ l-obbligi preskritti: billi, għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni partikolarment għall-kontrolli u l-penalitajiet rilevanti: billi l-penali jridu jkunu tali li għall-inqas jinnewtralizzaw il-benefiċċju ekonomiku li joħroġ minn utilizzazzjoni mhux awtorizzata,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-użu tal-kaseina u l-kaseinati fil-fabbrikazzjoni tal-ġobon għandu jkun suggett għal awtorizzazzjoni minn qabel, li għandha tiġi konċessa biss jekk dan l-użu huwa kondizzjoni meħtieġa għall-fabbrikazzjoni tal-prodotti.

Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/86, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li fuqhom l-Istati għandhom jikkonċedu l-awtorizzazzjonijiet u l-perċentwali massimi li jridu jiġu inkorporati, fuq bażi ta’ kriterji oġġettivi preskritti, li jieħdu inkonsiderazzjoni dak li huwa tekonoloġikament meħtieġ.

L-Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) "ġobon" ifisser il-prodotti msemmija fil-kodiċi tan-NK 0406 u fabbrikati ġewwa t-territorju tal-Komunità;

(b) "kaseina u kaseinati" jfissru l-prodotti mesmmija fil-kodiċijiet tan-NK 35011090 u 35019090 u użati kif preskritt fl-imsemmija kodiċijiet jew f’għamla ta’ taħlita.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jintroduċu kontrolli amministrattivi u fiżiċi li jinvolvu l-miżuri li ġejjin:

(a) l-obbligu li jiġu dikjarati l-kwantitajiet u t-tipi ta’ ġobon fabbrikati u l-kwantitajiet ta’ kaseina u kaseinati inkorporati fl-imsemmija prodotti;

(b) l-obbligu fuq kull waħda mil-impriżi li żżomm kontijiet tal-ħażna li jgħinu r-reġistrazzjoni tal-kwantitajiet u t-tipi ta’ ġobon fabbrikati, il-kwantitajiet ta’ kaseina u kaseinati mixtrija u/jew fabbrikati u d-destinazzjoni u/jew l-utilizzazzjoni tagħhom;

(ċ) kontrolli/eżamijiet spissi u mingħajr pre-avviż, sabiex jsiru kontrolli/eżamijiet inkroċjati, tal-kontijiet tal-ħażna min-naħa l-waħda u tad-dokumenti relattivi kummerċjali u tal-ħażna effettivament miżmuma, min-naħa l-oħra; dawn il-kontrolli/eżamijiet għandhom jittiehdu inrelazzjoni ma’ numru rappreżentattiv ta’ dikjarazzjonijiet riferiti f(a) sabiex jiġu eżaminati l-fatti.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati skond dan ir-Regolament u dawk li jiżguraw li l-partjiet interessati jiġu mgħarrfa bil-penali amministrattivi jew kriminali li għalihom huma suġġetti f’każ ta’ nuqqas li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, osservati

- jew skond il-miżuri addottati skond il-paragrafu 1,

- jew matul xi wieħed mill-kontrolli li jirrigwardaw l-impriżi li jiffabbrikaw il-ġobon, imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi, imma li m’humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

3. Mingħajr preġudizzju għall-penali preskritti, jew li jridu jiġu preskritti, mill-Istat Membru interessat, għandha titħallas somma ugwali għad-differenza bejn il-valur tal-ħalib xkumat li jirriżulta mill-prezz ta’ l-intervent għat-trab tal-ħalib xkumat minn banda waħda u l-prezz tas-suq tal-kaseina u l-kaseinati mill-banda l-oħra, flimkien ma’ 10 % għall-kaseina u kaseinati użati mingħajr awtorizzazzjoni.

Dawn il-valuri għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68.

L-Artikolu 4

Wara li l-arranġamenti pprovduti b’dan ir-Regolament ikunu ġew applikati għal sena, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport, flimkien ma’ kull proposta xierqa, dwar l-operat u l-impatt ta’ l-arranġamenti.

L-Artikolu 5

Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68.

L-Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-15 ta’ Ottubru 1990. Sa din id-data d-dispożizzjonijiet fis-seħħ, u partikolarment l-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 987/68 tal-15 ta’ Lulju 1968 li jippreskrivi regoli ġenerali sabiex tiġi konċessa għajnuna għall-ħalib xkumat proċessat f’kaseini u kaseinati [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1435/90 [6], għandhom ikomplu japplikaw.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-24 ta’ Lulju 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Mannino

[1] Opinjoni mogħtija fit-13 ta’ Lulju 1990 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] Opinjoni mogħtija fl-4 ta’ Lulju 1990 (għadha mhix ippubblikata fl-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 13.

[4] ĠU L 378, tas-27.12.1989, p. 1.

[5] ĠU L 169, tat-18.7.1968, p. 6.

[6] ĠU L 138, tal-31.5.1990, p. 8.

--------------------------------------------------