31990L0605



Official Journal L 317 , 16/11/1990 P. 0060 - 0062
Finnish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0107
Swedish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0107


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tat-8 ta’ Novembru 1990

li temenda d-Direttiva 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali u d-Direttiva 83/349/KEE dwar il-kontijiet ikkonsolidati rigward il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-Direttivi

(90/605/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 54 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-Direttiva 78/660/KEE [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/604/KEE [5], tapplika għall-kontijiet annwali tal-kumpanniji pubbliċi u privati ta’ responsabbiltà limitata b’mod partikolari minħabba li dawn it-tipi ta’ kumpanniji ma joffru l-ebda salvagwardji lil partijiet terzi lil hinn mill-ammonti ta’ l-attiv nett tagħhom;

Billi, skond id-Direttiva 83/349/KEE [6], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/604/KEE, l-Istati Membri għandhom il-ħtieġa biss li l-kumpanniji koperti bid-Direttiva 78/660/KEE ifasslu kontijiet ikkonsolidati;

Billi, fi ħdan il-Komunità, jeżisti numru sostanzjali u dejjem jikber ta’ soċjetajiet u soċjetajiet limitati li l-membri kollha responsabbli għal kollox tagħhom huma kkostitwiti jew bħala kumpanniji pubbliċi jew bħala privati b’responsabbiltà limitata;

Billi dawn il-membri responsabli għal kollox jistgħu wkoll ikunu kumpanniji li ma jaqgħux taħt il-liġijiet ta’ Stat Membru iżda li għandhom status legali li jista’ jitqabbel ma’ dak riferit fid-Direttiva 68/151/KEE [7];

Billi jkun imur kontra l-ispirtu u l-għanijiet ta’ dawn id-Direttivi li dawn is-soċjetajiet u s-soċjetajiet b’responsabbiltà limitata jitħallew li ma jkunux bla ħsara għar-regoli Komunitarji;

Billi d-dispożizzjonijiet li jkopru il-qasam ta’ applikazzjoni taż-żewġ Direttivi fil-kwistjoni għandhom għalhekk ikunu ssupplimentati b’mod espliċitu;

Billi huwa ta’ importanza illi l-isem, l-uffiċċju prinċipali u l-istatus legali ta’ kull impriża li tagħha kumpannija ta’ responsabbiltà limitata hija membru responsabbli għal kollox għandhom jiġu indikati fin-noti mal-kontijiet ta’ dan il-membru,

Billi l-obbligu ta’ tfassil, pubblikazzjoni u verifika l-kontijiet ta’ soċjetajiet u tas-soċjetajiet ta’ responsabbiltà limitata jista’ jiġi impost ukoll fuq il-membru responsabbli għal kollox; billi għandu jkun possibbli wkoll illi dawn il-kumpanniji jiġu inklużi fil-kontijiet ikkonsolidati, imfassla minn dan il-membru jew stabbiliti f’livell ogħla;

Billi wħud mis-soċjetajiet koperti b’din id-Direttiva mhumiex bla ħsara, fl-Istat Membru fejn għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom, li jiddaħħlu f’reġistru, li jagħmilha diffiċli li jiġu applikati għalihom l-obbligi tal-kontijiet; billi, b’mod partikolari f’dawn il-każijiet, huma meħtieġa regoli speċjali dwar jekk il-membri responsabbli għal kollox humiex impriżi li jaqgħu taħt il-liġijiet ta’ l-istess Stat Membru, ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 78/660/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu ma’ l-Artikolu 1(1):

"Il-miżuri ta’ kordinament stabbiliti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għall-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membrili fejn jidħlu t-tipi ta’ kumpanniji li ġejjin:

(a) fil-Ġermanja:

die offene Handelsgesellschaft, die Kommanditgesellschaft;

(b) fil-Belġju:

la société en nom collectifde vennootschap onder firma,

la société en commandité simplede gewone commanditaire vennootschap;

(ċ) fid-Danimarka:

interessentskaber, kommanditselskaber;

(d) fi Franza:

la société en nom collectif, la société en commandite simple;

(e) fil-Greċja:

η ομόρρυθμος εταιρεία, η ετερόρρυθμος εταιρεία;

(f) fi Spanja:

sociedad colectiva, sociedad en comandita simple;

(g) fl-Irlanda:

partnerships, limited partnerships, unlimited companies;

(h) fl-Italja:

la società in nome collettivo, la società in accomandita semplice;

(i) fil-Lussemburgu:

la société en nom collectif, la société en commandite simple;

(j) fl-Olanda:

de vennootschap onder firma, de commanditaire vennootschap;

(k) fil-Portugall:

sociedade em nome colectivo, sociedade em comandita simples;

(l) fir-Renju Unit:

partnerships, limited partnerships, unlimited companies,

meta l-membri kollha li għandhom responsabbiltà mhux limitata huma kumpanniji tat-tipi ddikjarati fl-ewwel subparagrafu jew kumpanniji li mhumiex irregolati bil-liġijiet ta’ Stat Membru iżda li għandhom forma legali li tista’ titqabbel ma’ dawk riferiti fid-Direttiva 68/151/KEE.

Din id-Direttiva għandha tappplika wkoll għat-tipi ta’ kumpanniji jew ditti riferiti fit-tieni subparagrafu meta l-membri kollha li jkollhom responsabbiltà mhux limitata jkunu huma nfushom kumpanniji tat-tipi ddikjarati f’dan jew fl-ewwel subparagrafu.";

2. is-subparagrafu li ġej jiżdied mal-punt 2 ta’ l-Artikolu 43(2):

"l-isem, l-uffiċċju prinċipali jew irreġistrat u l-forma legali ta’ kull waħda mill-impriżi li tagħhom il-kumpannija jew ditta huma membru li għandu responsabbiltà mhux limitata. Dan it-tagħrif jista’ jitħalla barra meta għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2(3) huwa ta’ importanza negliġibbli";

3. il-paragrafu li ġej jiddaħħal fl-Artikolu 47:

"1a. L-Istat Membru ta’ kumpannija jew ditta riferiti fit-tieni u t-tielet subparagrafi (l-entità interessata) fl-Artikolu 1(1), jista’ jeżenta lil din l-entità mill-pubblikazzjoni tal-kontijiet tagħha skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE, sakemm dawn il-kontijiet ikunu disponibbli għall-pubbliku fl-uffiċċju prinċipali tagħha; meta:

(a) il-membri kollha li għandhom responsabbiltà mhux limitata mill-entità interessata huma l-kumpanniji riferiti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(1) irregolati bil-liġijiet ta’ l-Istati Membri għajr l-Istat Membru li l-liġijiet tiegħu jirregolaw lil din l-entità u ħadd minn dawn il-kumpanniji ma jippubblika l-kontijiet ta’ l-entità interessata mal-kontijiet tiegħu stess; jew

(b) il-membri kollha li għandhom responsabbiltà mhux limitata huma kumpanniji li mhumiex irregolati bil-liġijiet ta’ Stat Mmebru iżda li għandhom forma legali li tista’ titqabbel ma’ dawk riferiti fid-Direttiva 68/151/KEE.

Kopji tal-kontijiet għandhom ikunu jistgħu jinkisbu fuq talba. Il-prezz ta’ din il-kopja ma jistax jaqbeż l-ispiża amministrattiva tagħha. Għandhom jiġu pprovvduti s-sanzjonijiet approprjati għan-nuqqas tal-konformità ma’ l-obbligu tal-pubblikazzjoni impost f’dan il-paragrafu.";

4. jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"L-Artikolu 57a

1. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-kumpanniji riferiti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(1) irregolati bil-liġijiet tagħhom, li huma membri li għandhom responsabbiltà mhux limitata ta’ xi waħda mill-kumpanniji u d-ditti elenkati fit-tieni u t-tielet subparagrafi (l-entità interessata) ta’ l-Artikolu 1(1), li jfasslu, jivverifikaw u jippubblikaw, mal-kontijiet tagħhom stess, il-kontijiet ta’ l-entità interessata skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

F’dan il-każ, il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva ma japplikawx għall-entità interessata.

2. L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva għall-entità interessata meta:

(a) il-kontijiet ta’ din l-entità jitfasslu, jiġu vverifikati u ppubblikati skond id-disposizzjonjiet ta’ din id-Direttiva minn kumpannijia li hija membru li għandha responsabbiltà mhux limitata ta’ l-entità u li tkun irregolata bil-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor;

(b) l-entità interessata tkun inkluża fil-kontijiet ikkonsolidati mfassla, ivverifikati u ppubblikati skond id-Direttiva 83/349/KEE minn membru li għandu responsabbiltà mhux limitata jew meta l-entità interessata tkun inkluża fil-kontijiet ikkonsolidati ta’ korp ikbar ta’ impriżi mfassla, ivverifikati u ppubblikati skond id-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE minn impriża parent irregolata bil-liġijiet ta’ Stat Membru. L-eżenzjoni għandha tintwera fin-noti mal-kontijiet ikkonsolidati.

3. F’dawn il-każijiet, l-entità interessata għandha tiżvela lil kull min jitlob hekk l-isem ta’ l-entità li tippubblika l-kontijiet."

Artikolu 2

Id-Direttiva 83/349/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. Is-subparagrafu li ġej jiddaħħal fl-Artikolu 4(1):

"L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll meta jew l-impriża parent jew waħda jew iktar mill-impriżi jkunu kkostitwiti bħala waħda mit-tipi tal-kumpanniji msemmijin fit-tieni jew it-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 78/660/KEE.";

2. Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"2. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jagħtu eżenzjoni mill-obbligu impost fl-Artikolu 1(1) meta l-impriża parent ma tkunx ikkostitwita bħala waħda mit-tipi tal-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva jew fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 78/660/KEE."

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għalihom sabiex iħarsu din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1993. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi d-dispożizzjonijiet riferiti fil-paragrafu 1 għandhom l-ewwel japplikaw għall-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 1995 jew matul is-sena kalendarja 1995.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta’ Novembru 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Romita

[1] ĠU C 144, ta’ l-1.6.1986, p. 10.

[2] ĠU C 125, tal-11.5.1987, p. 140.

[3] ĠU C 328, tat-22.12.1986, p. 43.

[4] ĠU L 222, ta’ l-14.8.1978, p. 11.

[5] Ara l-paġna 57 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[6] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1.

[7] ĠU L 65, ta’ l-14.3.1968, p. 8.

--------------------------------------------------