31990L0423



Official Journal L 224 , 18/08/1990 P. 0013 - 0018
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 33 P. 0129
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 33 P. 0129


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tas-26 ta’ Ġunju 1990

li temenda d-Direttiva 85/511/KEE li tintroduċi miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, id-Direttiva 64/432/KEE dwar il-problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jaffetwaw kummerċ intra-Komunitarju f’annimali bovini u suwini u d-Direttiva 72/462/KEE dwar problemi ta’ spezzjoni tas-saħħa u veterinarji ma’ l-importazzjoni ta’ annimali bovini u suwini u laħam frisk jew prodotti tal-laħam minn pajjiżi terzi

(90/423/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t- Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-Direttiva 85/511/KEE [4] introduċiet miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

Billi, bil-ħsieb tal-kompletazzjoni tas-suq intern għall-1 ta’ Jannar 1993, huwa neċessarju li temenda il-miżuri li diġà ttieħdu f’livell Komunitarju biex tikkontrolla l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer fil-Komunità kollha; billi huwa essenzjali li politika uniformi tiġi implimentata fil-Komunità kollha;

Billi studju tal-Kummissjoni dwar kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer wera li l-addozzjoni ta’ politika ta’ non-vaċċinazzjoni għall-Komunità inġenerali kienet tkun preferuta għal politika ta’ vaċċinazzjoni; billi ġie konkluż li jeżiżti riskju fil-manipulazzjoni ta’ virus fil-laboratorji minħabba il-possibbilità ta’ tnixxija għall-annimali lokali suxxettibli u fl-użu tal-vaċċin jekk proċeduri ta’ inattivazzjoni ma jassigurawx is-sigurtà tagħha;

Billi l-istudju tal-Kummissjoni dwar politika ta’ vaċċinazzjoni għall-futur uriet biċ-ċar li tneħħija uffiċjali ta’ vaċċinazzjoni kontra l-marda għandha tiġi mplimentata minn data u li din it-tneħħija għandha tkun akkumpanjata b’politika ta’ qatla u qerda totali (stampingout) ta’ annimali infettati;

Billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/379/KEE tat-12 ta’ Lulju 1988 li tikkoordina regoli stabbiliti mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE [5] diġà pprovdiet għal sett minimu ta’ regoli li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri kollha meta jingħataw eċċezzjonijiet minn qatla totali f’ażjenda infettata;

Billi, f’sitwazzjonijiet estremi fejn marda epiżootika thedded li ssir estensiva, jista’ jkun neċessarju li jkun hemm rikors għal vaċċinazzjoni ta’ emerġenza; billi huwa neċessarju li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li taħthom tista titwettaq din il-vaċċinazzjoni;

Billi l-addozzjoni ta’ politika Komunitarja uniformi fil-kampanja kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer tinvolvi aġġustament tar-regoli li jirregolaw kummerċ intra-Komunitarju f’annimali ħajjin u l-importazzjoni, minn pajjiżi terzi, ta’ annimali ħajjin u ċertu prodotti ta’ l-annimali;

Billi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri dwar qatla, qerda u azzjonijiet ta’ emerġenza għandhom jiġu stabbiliti f’miżuri separati;

Billi l-funzjonament tal-miżuri ġodda għandu jinżamm taħt ir-reviżjoni tal-Kummissjoni, li għandha tirrapporta lill-Kunsill annwalment l-implimentazzjoni tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 85/511/KEE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 1 ġie ssostitwit b’dan li ġej:

"L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tiddefinixxi il-miżuri Komunitarji ta’ kontroll li għandhom jiġu applikati fil-każ li tfaqqa l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, ikun xi jkun it-tip ta’ virus kkonċernat."

2. Fl-Artikolu 5:

(a) fil-punt 2, "(a) fl-Istati Membri jew reġjuni fejn il-vaċċinazzjoni hi pprojbita" u l-punt sħiħ (b) huma mħassra;

(b) fil-punt 3 "m’għandux japplika" huwa sostitwit b’ "m’hemmx għalfejn japplika"

3. Fl-Artikolu 6:

(a) fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, "L-Artikolu 5(2)(a), l-ewwel u t-tieni inċiżi u (2)(b)(i)" huwa sostitwit "bL-Artikolu 5(2), l-ewwel u t-tieni inċiżi";

(b) fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, "(a)" hija mħassra;

(ċ) il-paragrafu 2 ġie ssostitwit b’dan li ġej:

"2. Meta jsir rikors għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri speċifikati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/397/KEE [6]

4. Fl-Artikolu 9:

(a) l-aħħar sentenza tal-paragrafu 1 ġiet ssostitwita b’dan li ġej:

"Id-definizzjoni ta’ żoni għandha tieħu kont ta’ fruntieri naturali, faċilitajiet ta’ sorveljanza u progress teknoloġiku li jagħmilha possibbli li titbassar id-dispersjoni possibli tal-virus bl-ajru jew kwalunkwe mezz ieħor u jkollha tiġi riveduta, jekk neċessarju, fid-dawl ta’ dawn l-elementi."

(b) fil-paragrafu 2 (a), l-ewwel inċiż huwa sostitwit biż-żewġ inċiżi li ġejjin:

"— għandu jsir ċensiment ta’ l-ażjendi kollha b’annimali ta’ speċi suxxettibbli,

— ażjendi li huma s-suġġett ta’ dan iċ-ċensiment għandhom perjodikament jgħaddu minn ispezzjoni veterinarja,"

5. Fl-Artikolu 11(1), l-ewwel u t-tieni inċiżi, "l-Anness" u "l-Anness I" huma sostitwiti kull darba b’l-Anness B

6. L-Artikolu 13 ġie ssostitwit b’dan li ġej:

"L-Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

- l-użu ta’ vaċċini ta’ l-ilsien u tad-dwiefer huwa pprojbit,

- il-manipulazzjoni tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer għal riċerka, dijanjosi u/jew fabrikazzjoni ta’ vaċċini għandha titwettaq biss fi stabbilimenti approvati u laboratorji elenkati fl-Anness A u B,

- il-ħażna, il-fornitura, id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ vaċċini ta’ l-ilsien u tad-dwiefer fit-territorju tal-Komunità jsiru taħt kontroll uffiċjali,

- l-istabbilimenti u l-laboratorji msemmija fit-tieni inċiż għandhom ikunu approvati biss jekk jissodisfaw l-istandards minimi rakkomandati mill-FAO għal laboratorji li jaħdmu fuq viruses ta’ l-ilsien u dwiefer invitro u invivo.

2. L-esperti veterinarji mill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, għandhom iwettqu kontrolli fuq il-post biex jaċċertaw jekk is-sistemi ta’ sigurtà applikati fl-istabbilimenti u l-laboratorji msemmija fl-Anness A u B jikkonformaw ma l-istandards minimi tal-FAO.

Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn l-ispezzjonijiet mill-inqas darba fis-sena, l-ewwel minn dawn l-ispezzjonijiet ikun qabel l-1 ta’ Jannar 1992, u għandha tissottometti, wkoll qabel dik id-data, rapport inizjali lil Kumitat Veterinarju Permanenti. Il-lista ta’ stabbilimenti u laboratorji fl-Annessi A u B tista’ tiġi riveduta fid-dawl ta’ dawn il-kontrolli mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17, sal-31 ta’ Diċembru 1991. Il-lista tiġi aġġornata regolarment skond l-istess proċedura.

Skond l-istess proċedura, tista’ tittieħed deċiżjoni biex taddotta kodiċi uniformi għas-sistemi ta’ sigurtà applikata fl-istabbilimenti u l-laboratorji elenkati fl-Annessi A u B.

3. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 dwar l-użu tal-vaċċinazzjoni tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, jista’ jiġi deċiż, meta tiġi kkonfermata l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer u thedded li ssir estensiva, li vaċċinazjoni ta’ emerġenza li tuża proċeduri tekniċi li jiggarantixxu l-immunità totali għall-annimali tista tiġi iintrodotta. F’dan il-każ, il-miżuri li għandhom jittieħdu jinkludu:

- l-estent taż-żona ġeografika li fiha l-vaċċinazjoni ta’ emerġenza għandha titwettaq,

- l-ispeċi u l-età ta’ l-annimali li għandhom jiġu vaċċinati,

- kemm iddum il-kampanja ta’ vaċċinazzjoni,

- standstill speċifiku ta’ annimali vaċċinati u l-prodotti tagħhom,

- l-identifikazzjoni speċjali u r-reġistrazzjoni speċjali ta’ l-annimali vaċċinati,

- kwistjonijiet oħra approprjati għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Id-deċiżjoni sabiex tiġi introdotta vaċċinazzjoni ta’ emerġenza għandha tittieħed mill-Kummissjoni b’kollaborazzjoni ma’ l-Istat Membru kkonċernat, waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16. Din id-deċiżjoni għandu jkollha attenzjoni partikolari għall-grad ta’ konċentrazzjoni ta’ annmali f’ċerti reġjuni u l-bżonn li jiġu protetti razez speċjali.

Madankollu, b’deroga mill-ewwel subparagrafu, id-deċiżjoni biex tintroduċi vaċċinazjoni ta’ emerġenza malli tfaqqa’ tista’ tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat wara notifika lill-Kummissjoni, sakemm l-interessi bażiċi Komunitarji ma jiġux perikolati. Din id-Deċijoni għandha tiġi immedjatament riveduta fil-Kumitat Veterinarju Permanenti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16."

7. L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"L-Artikolu 14

1. Fl-istennija ta’ l-istabbiliment ta’ riservi Komunitarji tal-vaċċinazzjoni tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, Stati Membri għandhom ikunu awtorizzati jżommu riżervi ta’ antigens f’wieħed mill-istabbilimenti msemmija fl-Annessi.

Għall-iskopijiet ta’ l-ewwel subparagrafu, kuntratti bejn il-Kummissjoni u dawk responsabbli fl-istabbilimenti nominati mill-Istati Membri għandhom jiġu konklużi; il-kuntratti b’mod partikolari jispeċifikaw il-kwantitajiet ta’ dożi ta’ antigen neċessarji, b’kont meħud tar-rekwiżiti stmati fil-kuntest ta’ pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/423/KEE [7], għal massimu ta’ 10 serotipi.

Wara dan il-perjodu transitorju, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati taħt sorveljanza Komunitarja li jżommu stabbilimenti għall-imballaġġ u l-ħażna ta’ vaċċinazzjonijiet lesti għal użu għal vaċċinazzjoni ta’ emerġenza.

2. Qabel 1-1 ta’ April 1991, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummisjoni, għandu jinnomina istituzzjoni speċjalizzata għal kontrolli ta’ vaċċina u kontrolli kroċe-immunità u għandu jistabbilixxi l-poteri tiegħu.

3. Qabel l-1 ta’April 1991, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport akkumpanjat, meta approprjat, bi proposti dwar ir-regoli li jirrelataw għall-imballaġġ, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-istat tal-ħażniet ta’ vaċċinazzjonijiet kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer fil-Komunità, flimkien ma’ proposti dwar l-istabbiliment ta’ mill-anqas żewġ riservi Komunitarji ta’ vaċċinazjonijiet kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer."

8. L-Artikolu 15 huwa mħassar.

9. L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"L-Artikolu 18

Fuq bażi ta’ rapport mill-Kumissjoni dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, akkumpanjata bi proposti meta approprjat, il-Kunsill għandu jirrevedi s-sitwazzjoni fi żmien sentejn mill-addozzjoni tad-Direttiva 90/423/KEE [*] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 13.."

10. L-Anness, li jkun magħruf bħala "L-Anness A" u li jidher fl-Anness għal din id-Direttiva għandu jiżdied. L-Anness preżenti, intitolat "Laboratorji Nazzjonali li jitrattaw il-Mard ta’ l-ilsien u tad-dwiefer", isir l-Anness B.

L-Artikolu 2

L-Artikolu 4a tad-Direttiva 64/432/KEE [9], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/662/KEE [10], huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. Fl-ewwel subparagrafu, fil-punt 1:

(i) il-linja 3 taqra: "li ma pprattikawx vaċċinazjoni għal mill-inqas 12-il xahar u…";

(ii) B huwa sostitwit b’li ġej:

"B. meta l-annimal jiġi minn Stat Membru li, waqt it-12-il xahar preċedenti pprattika vaċċinazzjoni profilaktika jew irrikorra, f’każijiet eċċezzjonali, għal vaċċinazzjoni ta’ emerġenza fit-territorju tiegħu";

(iii) is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-aħħar ta’ B u fl-aħħar ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 2:

"F’dan il-każ, il-garanziji msemmija qabel jistgħu ikunu meħtieġa għal perjodu ta’ 12-il xahar wara l-kompletazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ vaċċinazzjoni ta’ emerġenza."

2. Fl-ewwel subparagrafu, fil-punt 2, il-kliem ta’ introduzzjoni huma sostitwiti b’dan li ġej:

"2. L-Istati Membri li jirrikorru, f’każijiet eċċezzjonali, għal vaċċinazzjoni ta’ emerġenza fit-territorju kollu tagħhom u li jippermettu fit-territorju tagħhom annimali vaċċinati għandhom jagħmlu l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom ta’ bhejjem ħajja soġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin:"

3. Is-subparagrafu li ġej huwa inserit qabel l-aħħar subparagrafu:

"Meta Stat Membru huwa awtorizzat, skond l-Artikolu 13(3) ta’ Direttiva 85/511/KEE [*] ĠU L 315 tas-26.11.1985, p. 11., kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/423/KEE [**] ĠU L 224 tat-18.8.1990, p. 13., jirrikorri għal vaċċinazjoni ta’ emerġenza fuq parti limitata tat-territorju tiegħu, l-istatus tal-bqija tat-territorju ma jiġix affetwat, sakemm il-miżuri ta’ l-immobilizzazzjoni għall-annimali vaċċinati huma effettivi matul perjodu ta’ 12-il xahar wara t-tmiem ta’ l-operazzjonijiet ta’ vaċċinazjoni."

L-Artikolu 3

Id-Direttiva 72/462/KEE [13], kif l-aħħar emendata bid- Direttiva 89/662/KEE [14], hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’li ġej:

"L-Artikolu 6

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(1), l-Istati Membri m’għandhomx jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ annimali koperti b’din id-Direttiva sakemm ma jiġux minn pajjiżi terzi:

(a) li kienu ħielsa minn dak il-mard li għalih huma suxxettibli l-annimali:

- għat 12-il xahar ta’ qabel, fir-rigward tal-pesta tal-baqar, pleuro—pneumonia kontaġġjuża, blue–tongue, deni Afrikan tal-ħnieżeru paraliżi kontaġġjuża tal-porċini (Teschen disease),

- għas-sitt xhur ta’ qabel, fir-rigward ta’ stomatitis vexxikolari kontaġġuż

(b) li fih, waqt it-12-il xahar ta’ qabel, vaċċinazjoni kontra l-mard imsemmi fl-ewwel inċiż ta’ (a) li għalihom dawn l-annimali huma suxxettibbli ma seħħx.

2. L-Istati Membri jintroduċu fit-territorju tagħhom annimali li huma ta’ speċi suxxettibli għall-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer mit-territorju ta’ pajjiż ieħor soġġett għal dawn il-kondizzjonijiet:

1. meta l-annimali jiġu minn pajjiż ieħor li kien ħieles mill-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer għal mill-inqas sentejn, li ma ppratikatx vaċċinazzjoni għal mill-inqas 12-il xahar u li ma jippermettix fit-territorju tiegħu annimali li ġew imlaqqma inqas minn sena qabel, garanzija li ma ġewx vaċċinati kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

2. meta l-annimali jiġu minn pajjiż terz li ilu liberu mill-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer għal mill-inqas sentejn, li jippratika l-vaċċinazjoni u li jippermetti annimali mlaqqma fit-territorju tiegħu:

(a) garanzija li l-annimali ma ġewx vaċċinati kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

(b) garanzija li l-bhejjem irrejaġġixew b’mod negattiv għat-test tal-virus tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer imwettaq bil-metodu laryngo pharyngeal scrape (it-test probang);

(ċ) garanzija li l-bhejjem irrejaġġixxew b’mod negattiv għat-test seroloġiku imwettaq biex jaqbad il-preżenza ta’ antibodies ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

(d) garanzija li l-annimali ġew iżolati fil-pajjiż ta’ esportazzjoni fi stazzjon ta’ kwarantina għal 14-il jum taħt is-sorvelljanza ta’ veterinarju uffiċjali. F’dan ir-rigward, ebda annimal li jinsab fl-istazzjon ta’ kwarantina m’għandu jkun ġie mlaqqam kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer tul il-21 jum li jippreċedu l-esportazzjoni u ebda annimal, ta’ xort’oħra minn dawk li jiffurmaw parti mill-kunsinna, m’għandu jkun ġie introdott tul dak l-istess perjodu;

(e) tqegħid fi kwarantina għal perjodu ta’ 21 jum.

3. meta l-annimali jiġu minn pajjiż terz li ma kienx liberu mill-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer għal mill-inqas sentejn:

(a) il-garanziji msemmija fil-punt 2;

(b) iktar garanziji li għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30.

Għal skopijiet ta’ dan il-paragrafu, pajjiż terz jista’ jibqa jitqies bħala li kien liberu mill-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer għal mill-inqas sentejn, anke jekk numru limitat ta’ mard li feġġ, ġie rreġistrat fuq parti limitata tat-territorju tiegħu, bil-kondizzjoni li dan il-mard inqered f’perjodu ta’ inqas minn tliet xhur.

3. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29:

(a) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(1), għandha tiġi addottata lista tal-pajjiżi terzi li huma awtorizzati jesportaw animali lejn il-Komunità u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2;

(b) għandha tiġi addottata lista ta’ l-istazzjonijiet ta’ kwarantina li minnhom dawk il-pajjiżi jistgħu jesportaw annimali lejn il-Komunità; u

(ċ) għandha tittieħed deċiżjoni dwar garanziji ulterjuri fir-rigward ta’ kull pajjiż simili."

2. L-Artikolu 14 huwa hawnhekk emendat:

1. Fil-paragrafu 2 (a) il-kliem "marda eżotika u ta’ l-ilsien u tad-dwiefer" huma mħassra.

2. Il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

"3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(1):

(a) l-importazzjoni ta’ laħam frisk min pajjiżi terzi li fihom:

- il-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer (tat-tip A, O, Ċ) hija endemika,

- ma jsirx qtil sistematiku fejn tfaqqa’ l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer,

- jiġi ppratikat it-tilqim,

għandhom jiġu permessi biss taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i) il-pajjiż terz jew reġjun fil-pajjiż terz huwa approvat taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29;

(ii) il-laħam huwa mmaturat, il-pH tiegħu ikkontrollat, bl-għadam imneħħi u l-glandoli limfatiċi maġġuri mneħħija.

L-importazzjoni ta’ interjuri għall-konsum uman għandu jkun restritt, b’kont meħud ta’ l-opinjoni esperta xjentifika. Jistgħu jkunu possibli kondizzjonijiet speċjali għall-interjuri għall-industrija farmatewtika u ta’ l-ikel ta’ l-annimali. Dawn ir-restrizzjonijiet u l-kondizzjonijiet għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

(b) L-importazzjoni ta’ laħam frisk minn pajjiżi terzi li fihom tintuża t-tilqima kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer tat-tip SAT jew ASIA 1 tiġi permessa biss taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i) il-pajjiż terz għandu reġjuni fejn mhux permessa tilqima u ebda marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer ma feġġet għal 12-il xahar; ir-reġuni għandhom jiġu approvati taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29;

(ii) il-laħam huwa mmaturat, bl-għadam imneħħi u bil-glandoli limfatiċi maġġuri mneħħija, u mhuwiex impurtat sa 3 ġimgħat wara l-qatla;

(iii) mhijiex permessa l-importazzjoni ta’ interjuri minn dawn il-pajjiżi.

(ċ) l-importazzjoni ta’ laħam frisk minn pajjiżi terzi

- li fihom huwa pprattikat it-tilqim, u

- li kienu ħielsa mill-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer għal 12-il xahar

għandha tiġi permessa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

(d) l-importazzjoni ta’ laħam frisk minn pajjiżi terzi li fihom:

- ma jitwettaqx tilqim b’rutina, u

- ġie stabbilita ħelsien mill-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer

għandha tiġi permessa taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29 u skond ir-regoli li jirregolaw kummerċ intra-Komunitarju.

Regoli addizzjonali li jistgħu japplikaw għall-pajjiżi msemmija f’(a) u (b) ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29."

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri li jipprattikaw tilqim profilattiku fit-territorju kollu jew parti minnu għandhom jiġu mlaqqma sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1992 u għandhom jipprojbixxu, mid-data li fiha jwaqqfu t-tilqim, annimali mlaqqma milli jiġu introdotti fit-territorju tagħhom.

2. Madankollu l-paragrafu 1 għandu jidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-applikazjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 85/511/KEE u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 90/425/KEE fir-rigward ta’ annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali li huma suxxettibli għall-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer.

3. Jekk id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma ġewx addottati sat-30 ta’ Ġunju 1991, il-Kummissjoni tagħmel il-proposti neċessarji.

L-Artikolu 5

1. Kull Stat Membru għandu jfassal pjan ta’ twissija, li jispeċifika il-miżuri nazzjonali li għandhom jiġu implimentati fil-każ li tfaqqa’ l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer.

Dan il-pjan għandu jippermetti aċċess għall-impjant, it-tagħmir, il-personal u l-materjali approprjati l-oħrajn kollha neċessarji għall-eradikazzjoni rapida u effiċjenti tal-marda. Għandu jagħti indikazzjoni preċiża tar-rekwiżiti tat-tilqim li kull Stat Membru kkonċernat jikkonsidra li jeħtieġ fil-każ ta’ użu mill-ġdid ta’ tilqim ta’ emerġenza.

2. Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 85/511/KEE, tistabbilixxi sal-31 ta’ Diċembru 1990 il-kriterji li għandhom jiġu applikati għat-tfassil tal-pjanijiet.

3. Il-pjanijiet imfassla skond il-kriterji previsti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 1991.

4. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-pjanijiet sabiex tistabilixxi jekk jippermettux li jintlaħaq l-objettiv mixtieq u għandha tissuġġerixxi lill-Istat Membru kkonċernati kull emenda meħtieġa b’mod partikolari biex tassigura li huma kompatibbli ma’ dawk ta’ l-Istati Membri l-oħrajn.

Il-Kummissjoni għandha tapprova il-pjanijiet, jekk neċessarju emendati, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 85/511/KEE.

Il-pjanijiet jistgħu sussegwentament jiġu emendati jew supplimentati, skond l-istess proċedura, biex jieħdu kont ta’ żviluppi fis-sitwazzjoni.

5. Il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 82/894/KEE, tistabbilixxi, b’deroga mill-Artikolu 3(1) tagħha, sistema ta’ twissija bikrija biex tinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħrajn b’li feġġet il-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer.

L-Artikolu 6

Sabiex tieħu kont tad-diffikultajiet possibbli, b’mod partikolari meta jsir rikors għall-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 85/511/KEE, li jistgħu jirriżultaw mit-transizzjoni mill-arranġamenti li eżistew qabel l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi Stat Membru jew wieħed jew aktar għall-arranġamenti stabbiliti b’din id-Direttiva, jew meta l-implimentazzjoni tal-pjanijiet previsti fl-Artikolu 5 tagħmilha neċessarja, il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 85/511/KEE, taddotta miżuri approprjati għal perjodu massimu ta’ sentejn. B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 64/432/KEE, għandhom jiġu addottati miżuri qabel l-1 ta’ Jannar 1991 fir-rigward tal-moviment ta’ annimali mhux vaċċinati tul l-aħħar 12-il xahar.

L-Artikolu 7

Qabel l-1 ta’ Jannar 1992, il-Kummissjoni għandha tissotometti rapport dwar l-istruttura tas-servizzi veterinarji fil-Komunità.

L-Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1992. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmulha fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ġunju 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

M. O'Kennedy

[1] ĠU C 327, tat-30.12.1989, p. 84.

[2] ĠU C 113, tas-7.5.1990, p. 179.

[3] ĠU C 62, tat-12.3.1990, p. 44.

[4] ĠU L 315, tas-26.11.1985, p. 11.

[5] ĠU L 189, ta’ l-20.7.1988, p. 25

[6] ĠU L 189 ta’ l-20.7.1988, p. 25."

[7] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 13.

[9] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64.

[10] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13.

[13] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28.

[14] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

L-ANNESS A

Stat Membru | Stabbilimenti |

Pubbliċi | Privati |

Il-Belġju | Uccle | — |

Id-Danimakra | Lindholm | — |

Il-Ġermanja | — | Cooper |

| Behringwerke |

| Bayer |

Il-Greċja | Athens | — |

Franza | LCRV Alfort | Rhône-Merieux |

L-Irlanda | — | — |

L-Italja | Brescia | — |

Padua | |

Perugia | |

Il-Lussemburgu | — | — |

L-Olanda | Lelystad | — |

Il-Portugall | — | — |

Spanja | Madrid | Cooper |

| Hipra |

| Sobrino |

Ir-Renju Unit | — | Cooper |

"

--------------------------------------------------