31989R2320



Official Journal L 220 , 29/07/1989 P. 0054 - 0056
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 30 P. 0033
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 30 P. 0033


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2320/89

tat-28 ta’ Lulju 1989

għall-rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-ħawħ fil-ġulepp u l-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott għall-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna produttiva

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 426/86 ta’ l-24 ta’ Frar 1986 fuq l-organiżżazzjoni komuni tas-suq fi prodotti proċessati mill-ħaxix u l-frott [1], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KEE) Nru 1125/89 [2], u b’mod partikulari f’Artikolu 6(4) tiegħu

Filwaqt li Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 426/86 stabbilixxa skema ta’ għajnuna produttiva għal xi prodotti; filwaqt li Artikolu 6(1)(b) jispeċifika li l-għajnuna għandha tingħata biss għall-prodotti li jikkonformaw mall-ħtiġiet minimi ta’ kwalità li għandhom jiġu stipulati;

Filwaqt li l-iskop ta’ ħtiġiet minimi ta’ kwalità bħal dawn hi li jevitaw il-fabbrikazzjoni ta’ prodotti li m’hemmx domanda għalihom jew prodotti li kienu joħolqu distorzjoni fis-suq; filwaqt li l-ħtiġiet għandhom jiġu bbażati fuq proċeduri ta’ fabbrikazzjoni tradizzjonali u ġusti;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1290/85 [3] stabbilixxa l-livelli minimi ta’ kwalità għall-ħawħ fil-ġulepp; filwaqt li l-provvedimenti stipulati hemm għandhom jiġu adattati sabiex jieħdu kont ta’ l-estensjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna għall-ħawħ ippriservat fis-sugu naturali tal-frott kif jipprovdi għalihom ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) hawn fuq imsemmi Nru 1125/89; filwaqt li, għal skopijiet ta’ ċarezza l-ħtiġiet minimi ta’ kwalità hekk adattati għandhom jiġu miktuba f’test ġdid;

Filwaqt li l-ħtiġiet ta’ kwalità stipulati f’dan ir-Regolament jistabbilixxu regoli oħra ta’ applikazzjoni minbarra l-provedimenti tar-Regolament (KEE) Nru 1599/84 tal-5 ta’ Ġunju 1984 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna produttiva għal prodotti pproċessati mill-ħaxix u l-frott [4], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KEE) Nru 2260/89 [5];

Billi l-miżuri li jipprovdi għalihom dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Prodotti Proċessati mill-Ħaxix u l-Frott,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistipula l-ħtiġiet minimi ta’ kwalità li l-ħawħ fil-ġulepp u/jew il-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott, kif definit f’Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1599/84, għandu jikkonforma magħhom sabiex jikkwalifika għall-għajnuna produttiva li jagħmel tajjeb għaliha Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 426/86.

Artikolu 2

Għall-fabbrikazzjoni tal-ħawħ fil-ġulepp u/jew il-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott, biss ħawħ ta’ l-ispeċi Prunus persica L. għandu jintuża, eskluż iċ-ċiprisk. Il-prodott mhux proċessat għandu jkun frisk, sħiħ, nadif u tajjeb għall-ipproċessar.

Il-prodott mhux proċessat jista’ jkun ġie mkessaħ qabel ma ntuża għall-fabbrikazzjoni tal-ħawħ fil-ġulepp.

Artikolu 3

1. Il-ħawħ fil-ġulepp u/jew fis-sugu naturali tal-frott għandu jiġi fabbrikat f’wieħed mill-istili definiti fil-paragrafu 2.

2. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament l-istili huma definiti kif segwit:

(a) "frotta sħiħa" tfisser il-frotta sħiħa, mingħajr ma l-għadma ġiet maqlugħa;

(b) "nofsijiet" ifisser il-frotta bl-għadma maqlugħa maqtugħa vertikalment f’żewġ partijiet bejn wieħed u ieħor indaqs;

(ċ) "kwartijiet" ifisser il-frotta bl-għadma maqlugħa maqtugħa f’erba’ partijiet bejn wieħed u ieħor indaqs;

(d) "flieli" jfisser il-frotta bl-għadma maqlugħa maqtugħa f’iktar minn erba’ partijiet forma ta’ felli;

(e) "dadi" jfisser il-frotta bl-għadma maqlugħa maqtugħa f’partijiet forma ta’ kubi.

3. Kull kontenitur bil-ħawħ fil-ġulepp u/jew il-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott għandu jżomm fih biss stil wieħed, u l-frott jew il-biċċiet hemmhekk għandhom ikunu prattikament ta’ qies uniformi. L-ebda tip ieħor ta’ frott ma jista’ jinsab fil-kontenitur.

4. Il-kulur tal-ħawħ fil-ġulepp għandu jkun karatteristiku għat-tip użat. Porzjonijiet li kienu, ovvjament, ħdejn jew parti mill-ħofra ta’ l-għadma u li wara li ġew mqiegħda fil-laned kienu ftit li xejn skulurati huma kkunsidrati bħala ta’ kulur karatteristiku normali.

Kontenituri bil-ħawħ fil-ġulepp u/jew il-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott m’għandhomx iżommu entitajiet b’partijiet ħodor.

5. Il-ħawħ fil-ġulepp għandu jkun ħieles minn materjal barrani ta’ nisel mhux veġetali u minn togħmiet u rwejjaħ barranija. Il-frott għandu jkun imlaħħam u jista’ jvarja fit-torija imma la għandu jkun eċċessivament artab u lanqas eċċessivament iebes.

6. Il-ħawħ fil-ġulepp għandu jkun prattikament ħieles minn:

(a) materjal barrani ta’ oriġini veġetali;

(b) qoxra;

(ċ) entitajiet imtabba’.

Frott sħiħ, nofsijiet u kwartijiet għandhom ukoll ikunu prattikament ħielsa minn entitajiet mekkanikament imħassra.

Artikolu 4

1. Il-frott, jew il-biċċiet tiegħu, għandhom jiġu kkunsidrati prattikament ta’ qies uniformi meta, ġol-kontenitur, il-piż ta’ l-akbar entità mhuwiex aktar mill-piż daqs darbtejn ta’ l-iċken entità.

Jekk hemm inqas minn 20 entità ġol kontenitur, entità waħda tista’ tiġi njorata. Fl-istabbiliżżazzjoni ta’ l-akbar u l-iċken entità, entitajiet imfarrka m’għandhomx jiġu meqjusa.

2. Għall-iskopijiet ta’ Artikolu 3(4), il-kuluri li ġejjin għandhom jiġu meqjusa normali għal tip:

- l-isfar, inklużi tipi varjetali fejn il-kulur predominanti jvarja minn isfar ċar għal oranġjo ħamrani qawwi,

- l-abjad, inklużi tipi varjetali fejn il-kulur predominanti jvarja minn abjad għal abjad safrani.

3. Il-ħawħ fil-ġulepp u/jew il-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott għandu jiġi meqjus bħala fi qbil ma’ Artikolu 3(6) fejn it-tolleranzi li jsegwu mhumiex maqbuża:

| Stil |

Sħiħ, nofsijiet u kwartijiet | Oħrajn |

L-għadma jew materjal ta' l-għadma | Żewġ għadmiet | Żewġ għadmiet |

Entitajiet imtabba' | 10 % skond in-numru | 1500 gramma |

Entitajiet mekkanikalment imħassra | 5 % skond in-numru | Mhux applikabbli |

Qoxra | 150 cm2 spazju aggregat | 150 cm2 spazju aggregat |

Materjal barrani ta' oriġini veġetali | 20 biċċa | 20 biċċa |

Il-tolleranzi aċċettati, barra minn dawk fissati permezz ta’ riferenza għan-numru perċentwali huma għal kull 10 kilogrammi piż nett imsaffi.

L-għadam m’għandhomx jiġu meqjusa bħala difett fil-ħawħ sħiħ fil-ġulepp u/jew fis-sugu naturali tal-frott.

4. Għall-iskopijiet ta’ paragrafu 3:

(a) "l-għadma jew il-materjal ta’ l-għadma" jfisser għadam sħiħ jew biċċiet li huma iebsa u jaqtgħu.

Frak ta’ l-għadam ta’ inqas minn 5mm fl-ikbar dimensjonijiet li m’għandux ponot jew trufijiet jaqtgħu huwa njorat. Biċċiet ta’ l-għadam, huma meqjusa ekwivalenti għal għadma waħda meta:

- biċċa waħda hija akbar minn nofs għadma, jew

- instabu total ta’ tlett biċċiet;

(b) "entitajiet imtabba’" jisser frott b’skulurazzjoni fil-wiċċ jew tikek li jikkuntrastaw definittivament mal-kulur ġenerali u li jistgħu jippenetraw fil-laħam, b’mod partikulari tbenġil, ġdim, u skulurazzjoni skura;

(ċ) "entitajiet mekkanikalment imħassra" jfisser entitajiet li ġew maqsuma f’partijiet definittivi, u dawn l-istess biċċiet kollha kemm huma ekwivalenti għad-daqs ta’ entità waħda sħiħa huma meqjusa bħala entità waħda, jew entitajiet fejn il-qtugħ kien żejjed u jinkludi tħaffir serju fil-wiċċ ta’ l-entitajiet li jnaqqas sostanzjalment mid-dehra. Nofsijiet li m’humiex maqtugħa vertikalment għandhom ukoll jiġu meqjusa bħala mekkanikament imħassra;

(d) "qoxra" tfisser kemm il-qoxra mwaħħla mal-laħam tal-ħawħa, kemm il-qoxra misjuba mitluqa fil-kontenitur;

(e) "materjal barrani ta’ oriġini veġetali" jfisser materjali veġetali li huma irrilevanti għall-frotta nfisha jew li ġew imwaħħla mal-frotta friska imma li suppost kellhom jiġu mwarraba matul l-ipproċessar, b’mod partikulari z-zkuk u l-weraq u bċejjeċ bħal dawn. Il-qoxra u l-materjal ta’ l-għadma għandhom, madanakollu, jiġu eżklużi.

Artikolu 5

1. Il-ħawħ u l-ġulepp u/jew is-sugu naturali tal-frott f’kontenitur għandu jokkupa mill-inqas 90 % tal-kapaċità ta’ l-ilma tal-kontenitur.

2. Il-piż nett imsaffi tal-frott għandu f’medja jkun għall-inqas ekwivalenti għall-perċentwali segwenti tal-kapaċità ta’ l-ilma, espressa fi grammi, tal-kontenitur:

Stil | Kontenituri b'kapaċità nominali ta' l-ilma ta' |

425 ml jew aktar | inqas minn 425 ml |

Sħaħ | 52 | 50 |

Nofsijiet | 55 | 50 |

Kwartijiet | 58 | 50 |

Flieli | 58 | 50 |

Dadi | 58 | 55 |

3. Fejn il-ħawħ fil-ġulepp u/jew il-ħawħ fis-sugu naturali tal-frott huwa ppakkjat f’kontenituri tal-ħġieġ, il-kapaċità ta’ l-ilma għandha tiġi mnaqqsa b’20ml qabel ma l-perċentwali msemmija f’paragrafi 1 u 2 huma kkalkulati.

4. Kull kontenitur għandu jiġi mmarkat b’riferenza li tidentifika d-data u s-sena ta’ produzzjoni u l-proċessur. L-immarkar, li jista’ jkun taħt forma ta’ kodiċi, għandu jiġi approvat mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn isseħħ il-produzzjoni, u dawn l-awtoritajiet jistgħu jadottaw proviżżjonijiet oħra fejn jidħol l-immarkar innifsu.

Artikolu 6

Il-proċessur għandu kuljum u f’intervalli regolari matul il-perjodu ta’ l-ipproċessar jivverifika li l-ħawħ fil-ġulepp u/jew fis-sugu naturali tal-frott jaqbel mal-ħtiġiet għall-kwalifikazzjoni għall-għajnuna. Ir-reżultat tal-verifika għandu jiġi rrekordjat.

Artikolu 7

Ir-Regolament (KEE) Nru 1290/85 huwa hawnhekk imħassar.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jibda jseħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika b’mod effettiv mill-1 ta’ Lulju 1989.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta’ Lulju 1989.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 49, tas-27.2.1986, p. 1.

[2] ĠU L 118, tad-29.4.1989, p. 29.

[3] ĠU L 133, tat-22.5.1985, p. 8.

[4] ĠU L 152, tat-8.6.1984, p. 16.

[5] ĠU L 216, tas-27.7.1989, p. 46.

--------------------------------------------------