31989R1676



Official Journal L 164 , 15/06/1989 P. 0007 - 0008
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 7 P. 0052
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 7 P. 0052


Ir-Regolament tal-Kummissjoni 9(KEE) Nru 1676/8

tat-13 ta' Ġunju 1989

dwar il-klassifika ta' oġġetti fl-intestaturi NM 22000936 u 69111000

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u ta' l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1495/89 [2], u b’ mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi, sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi tan-nomenklatura magħquda annessa għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huma meħtieġa disposizzjonijiet dwar klassifika ta' tariffa ta' flixkun tal-ħġieġ li fih 0,7 litri ta' nbid tar-ross (sake), buqar żgħir tal-porċellana u tliet skutelli żgħar tax-xorb, ukoll tal-porċellana, impoġġija flimkien f'kaxxa;

Billi n-nomenklatura magħquda annessa għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 kodiċi NM 22060093 tkopri xarbiet oħra ffermentati, f'kontenituri li jesgħu 2 litri jew anqas u kodiċi NM 69111000 ikopri "oġġetti tal-mejda u tal-kċina"; billi, għall-klassifika ta' l-oġġetti msemmija hawn fuq, dawn iż-żewġ kodiċijiet setgħu jkunu maħsuba;

Billi dawn l-oġġetti m'għandhomx ikunu kkunsidrati bħala "oġġetti magħmula f'settijiet", fit-tifsira tar-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, minħabba li ma jissodisfawx il-kondizzjoni magħmula f'punt X (b) tan-Noti Spjegattivi għas-Sistema Armonizzat magħmul mill-Kunsill ta' Koperazzjoni Dagonali relatat mar-Regola 3 (b) i.e. "ma jikkonsistux fi prodotti mpoġġija flimkien biex jilqgħu għal ħtieġa partikolari."

Billi interpretazzjoni korretta tat-test tar-regola 3 (b) imsemmija hawn fuq twassal lil dak li jkun għall-konklużjoni illi użu fl-istess ħin ta' l-oġġetti in kwistjoni mhix raġuni suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li l-oġġetti jifformaw sett; partikolarment, tibdil li jwassal għall-ħolqien ta' prodott ġdid għandu jkun involut jew il-preżenza ta' l-oġġett għandha tkun essenzjali sabiex twettaq l-attività in kwistjoni;

Billi l-assoċjazzjoni ta' l-inbid u l-kontenituri tal-porċellana in kwistjoni ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji msemmija hawn fuq; billi l-inbid tar-ross jinsab diġà fil-flixkun oriġinali tiegħu u l-użu tal-kontenituri in kwistjoni la huwa kumplimentari u lanqas jissodisfa xi ħtieġa partikolari; f'dawn iċ-ċirkostanzi, l-oġġett in kwistjoni għandu jkun ikklassifikat separatament;

Billi l-Kumitat ta' nomenklatura ma tax opinjoni fiż-żmien mogħti lilu mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Flixkun tal-ħġieġ li jkun fih 0,7 litri ta' nbid tar-ross(sake), buqar żgħir tal-porċellana u tliet skutelli żgħar għax-xorb, ukoll tal-porċellana, impoġġija flimkien f'kaxxa, għandhom ikunu kklassifikati fin-nomenklatura magħquda kif ġej:

- l-inbid tar-ross (sake) taht kodiċi NM:

220600 | Xarbiet fermentati oħra (per eżempju, ċidru, perry, mead): |

| — Oħrajn: |

| — — Lampik, f'kontenituri li jkunu jinsabu fihom: |

22060093 | — — — 2 litri jew anqas |

- il-buqar tal-porċellana u tliet skutelli żgħar għax-xorb taħt kodiċi NM:

691100 | Oġġetti tal-mejda, oġġetti tal-kċina, oġġetti oħra tad-dar u oġġetti tat-twaletta, tal-porċellana jew tal-kina: |

69111000 | — Oġġetti tal-mejda u oġġetti tal-kċina |

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fil-21 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun japplika direttament l-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fit-13 ta' Ġunju 1989.

Għall-Kummissjoni

Christiane Scrivener

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 256, tas-7.9.1987, pġ. 1.

[2] ĠU L 148, ta' l-1.6.1989, pġ. 1.

--------------------------------------------------