31989R1553



Official Journal L 155 , 07/06/1989 P. 0009 - 0013
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0107
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0107


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89

tad-29 ta' Mejju 1989

dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 209 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 183 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE, Euratom ta' l-24 ta' Ġunju 1988 dwar ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet [1], u partikolarment l-Artikolu 8(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri [4],

Billi bis-saħħa ta' l-Artikolu 14 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 2892/77 tad-19 ta' Diċembru 1977 li jimplementa fir-rigward tar-riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud id-Deċiżjoni tal-21 t'April 1970 dwar is-sostituzzjoni tal-kontribuzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri bir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet [5] kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEFA, KEE, Euratom) Nru 3735/85 [6], japplika għall-perijodu transitorju li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 1988;

Billi d-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir tar-riżorsi mit-taxxa fuq il-miżjud, minn hawn "il-quddiem imsejħa bħala r-" riżorsi tal-VAT' u r-regoli dettaljati sabiex jingħata effett għal dawn l-arranġamenti għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 1989;

Billi l-metodu ta' dħul għandu jkun magħżul bħala l-uniku metodu definittiv għad-determinazzjoni tal-bażi tar-riżorsi tal-VAT ġaladarba dan il-metodu huwa affidabbli u diġà applikat mill-maġġoranza tal-Istati Membri;

Billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE, Euratom, ECSC) Nru 2892/77 jistgħu jibqgħu miżmuma fis-seħħ sakemm mhumiex aktar meħtieġa jew jeħtieġ li jiġu emendati fid-dawl ta' l-esperjenza akkwistata;

Billi l-esperjenza akkwistata fl-implimentazzjoni tal-proċeduri biex ikunu korretti l-estratti tal-kontijiet uriet il-ħtieġa li jkun kjarifikat il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, waqt li jiġi stipulat li huwa ġeneralment applikabbli għall-korrezzjonijiet kollha;

Billi l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri li huma japplikaw għar-reġistrazzjoni tal-persuni taxxabli u biex jiddeterminaw u jiġbru l-VAT u dwar il-modalitajiet u r-riżultati tas-sistemi tagħhom tal-kontroll tal-VAT; billi l-Kummissjoni għandha tikkunsidra, flimkien ma' l-Istat Membru ikkonċernat, jekk jistax jiġi kkontemplat titjib ta' dawn il-proċeduri bil-għan li tittejjeb l-effettività tagħhom; billi l-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport kull tliet snin dwar il-proċeduri applikati fl-Istati Membri u dwar kull titjib ikkontemplat;

Wara li ġew ikkunsidrati l-poteri tal-Qorti tal-Awdituri bis-saħħa ta' l-Artikolu 206a tat-Trattat KEE u l-Artikolu 180a tat-Trattat EAEC,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Ir-riżorsi tal-VAT għandhom ikunu ikkalkolati billi tiġi applikata r-rata uniformi, stabbilita skond id-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, għall-bażi ddeterminata skond dan ir-Regolament.

TITOLU II

Kamp ta' applikazzjoni

Artikolu 2

1. Il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandhom ikunu iddeterminati mit-tranżazzjonijiet taxxabli msemmijin fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/288/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima [7] kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 84/386/KEE [8], bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet eżentati permezz ta' l-Artikoli 13 sa 16 ta' dik id-Direttiva.

2. Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' paragrafu 1, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu għad-determinazzjoni tar-riżosi tal-VAT:

- it-tranżazzjonijiet li, bi qbil ma l-Artikolu 28(2) ta' Direttiva 77/388/KEE, huma suġġetti għal eżenzjoni b'rifużjoni tat-taxxa mħallsa fl-istadju preċedenti,

- it-tranżazzjonijiet li l-Istati Membri jkomplu jissoġġetjaw għat-taxxa bis-saħħa ta' l-Artikolu 28(3)(a) ta' Direttiva 77/388/KEE,

- it-tranżazzjonijiet li l-Istati Membri jkomplu jeżentaw bis-saħħa ta' l-Artikolu 28(3)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE,

- it-tranżazzjonijiet li huma intaxxati permezz tad-dritt tal-għażla mogħtija lill-persuni taxxabli minn Stati Membri bis-saħħa ta' l-Artikolu 28(3)(ċ) ta' Direttiva 77/388/KEE.

3. B'deroga minn paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jħallu barra mill-estratti tal-kont, għall-iskop tad-determinazzjoni tar-riżorsi tal-VAT, it-tranżazzjonijiet tal-persuni taxxabli li l-valur tal-bejgħ annwali tagħhom, iddeterminat skond ir-regoli ta' l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 77/388/KEE, ma jeċċedix l-ECU 10000 ikkonvertiti fil-munita nazzjonali bir-rata medja għas-sena finanzjarja in kwestjoni; l-Istati Membri jistgħu jirrotondaw 'l fuq jew 'l isfel, b'sa 10 %, l-ammonti li jirriżultaw mill-konverżjoni.

TITOLU III

Metodu ta' kalkolu

Artikolu 3

Għal sena kalendarja partikolari, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 u 6, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandha tkun ikkalkolata billi jkun diviż l-dħul nett totali tal-VAT miġbur minn Stat Membru matul dik is-sena bir-rata li biha l-VAT tkun applikata matul l-istess sena.

Jekk aktar minn rata waħda ta' VAT tkun applikata fi Stat Membru, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandha tkun ikkalkolata billi jkun diviż l-dħul nett totali tal-VAT miġbur bir-rata tal-medja peżata tal-VAT. F'dan il-każ l-Istat Membru għandu jikkalkula r-rata tal-medja peżata, sa erba' punti deċimali, bil-metodu komuni definit fl-Artikolu 4. Din il-medja ta' rata peżata għandha tkun espressa bħala persentaġġ.

Artikolu 4

1. Sabiex ikun ikkalkulat il-peżar tar-rati varji kif imsemmi fl-Artikolu 3, l-Istat Membru għandu jqassam, bir-rata tal-VAT applikata, it-tranżazzjonijiet kollha li huma taxxabli skond il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu u li ma jintitolawx lill-klient għat-tnaqqis tal-VAT, filwaqt illi jiġi meqjus l-Artikolu 17 tad-Direttiva 77/388/KEE, u l-konsum fl-irziezet fuq rata bażi mill-bdiewa u mill-bejgħ dirett lill-konsumaturi finali.

Ir-rati tal-VAT użati għall-iskopijiet ta' dawn il-kalkoli għandhom ikunu dawk li, bi qbil mal-paragrafu 7, jaffettwaw l-dħul tal-VAT miġbur matul is-sena in kwistjoni.

It-tranżazzjonijiet li huma suġġetti, bis-saħħa ta' l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, għall-eżenzjoni b'rifużjoni tat-taxxa mħallsa fl-istadju preċedenti għandhom ikunu meqjusa bħala tranżazzjonijiet taxxabli suġġetti għal għal rata żero.

2. It-tqassim skond ir-rata tal-VAT għandu jkun applikat għal dawn il-kategoriji li ġejjin, jekk suġġetti għall-VAT mhux deduċibbli:

- il-konsum finali tal-familji, inkluż il-konsum fl-irziezet mill-bdiewa b'rata bażi u l-bejgħ dirett tagħhom lill-konsumaturi finali,

- il-konsum intermedjarju ta' l-istituzzjonijiet privati li ma jagħmlux profitt u l-gvern ġenerali,

- il-konsum intermedjarju ta' setturi oħra,

- il-formazzjoni ta' kapital fiss gross ta' l-istituzjonijiet privati li ma jagħmlux profitt u l-gvern ġenerali,

- il-formazzjoni ta' kapital fiss gross ta' setturi oħra,

- art tal-bini, imtejba jew mhux imtejba, kif definita fl-Artikolu 4(3)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE,

- it-tranżazzjonijiet li jinvolvu d-deheb apparti d-deheb għall-użu ndustrijali

li jkunu saru fit-terrirorju msemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/388/KEE f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Istat Membru ikkonċernat.

3. Għall-iskopijiet tat-tqassim tal-konsum finali, il-konsum fl-irziezet mill-bdiewa li jużaw ir-rata bażi u l-bejgħ dirett tagħhom lill-konsumaturi finali għandhom ikunu suġġetti għal rati ekwivalenti għall-imposti fuq l-input.

4. It-tqassim tat-tranżazzjonijiet skond il-kategorija statistika għandu jkun effetwat permezz ta' data meħuda mill-kontijiet nazzjonali ippreparati skond is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Integrati Ekonomiċi (ESA). Sabiex tkun ikkalkulata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għal xi sena finanzjarja partikolari, referenza għandha ssir għall-kontijiet nazzjonali li għandhom x'jaqsmu mas-sena ta' qabel l-aħħar sena qabel dik is-sena finanzjarja.

Stat Membru jista' jkun awtoriżżat, bi qbil mal-proċedura prevista fl-Artikolu 13, li juża data li għandha x'taqsam ma' sena oħra, li ma tistax tkun aktar kmieni mill-ħames sena qabel is-sena finanzjarja in kwistjoni.

5. Għall-iskop li jkunu identifikati tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT mhux deduċibbli u li jaffettwaw it-tqassim skond ir-rata tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jirreferu għal data meħuda minn sorsi kumplimentarji għall-ESA u li jistgħu jkunu adattati magħhom, jiġifieri, fl-ewwel każ, minn kontijiet nazzjonali interni jekk dawk jipprovdu it-tqassim meħtieġ, jew, jekk le, minn xi sorsi oħra xierqa.

6. Sabiex ikun iddeterminat il-peżar ta' kull rata, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw ir-relazzjoni bejn il-valur tat-tranżazzjonijiet li għalihom dik ir-rata tapplika u l-valur aggregat tat-tranżazzjonijiet kollha.

7. Jekk xi Stat membru jemenda r-rata tal-VAT applikabbli għal uħud jew għat-tranżazzjonijiet kollha jew it-trattament tat-taxxa għal ċerti tranżazzjonijiet b'tali mod hekk li jaffettwaw id-dħul miġbur mill-VAT, dan għandu jikkalkula rata medja peżata ġdida. Ir-rata medja peżata ġdida għandha tkun applikata għall-dħul derivat mill-applikazzjoni tar-rata emendata jew tat-trattament tat-taxxa emendat.

B' deroga mill-ewwel sub-paragrafu, l-Istat Membru jista jikkalkula r-rata medja peżata waħda. Għal dan il-għan, it-tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom ir-rata jew it-trattament ikun ġie mibdul, għandhom ikunu allokati għar-rati l-qodma jew il-ġodda jew għat-trattament il-qadim jew il-ġdid pro rata temporis, waqt li jittieħed kont tal-perijodu ta' żmien medju li jgħaddi bejn id-dħul fis-seħħ tar-rata l-ġdida jew tat-trattament il-ġdid u l-ġbir ta' l-dħul li jirriżulta minnhom, ikkalkulat matul is-sena in kwistjoni kollha. Dan il-perijodu medju jista' jkun imqarreb għax-xahar sħieħ.

Artikolu 5

1. Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom, jekk xieraq, iżidu mad-dħul miġbur, ammont li jikkorrispondi għall-VAT totali li kienet tinġabar li kieku ma kinetx applikata skema għall-eżenzjoni gradwali tat-taxxa skond l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 77/388/KEE.

2. L-dħul miġbur minn Stat Membru għandu jkun ikkorreġut jekk il-kumpens tal-persentaġġ tar-rata bażi iffissata bis-saħħa ta' l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 77/388/KEE applikabbli għat-tranżazzjonijiet imwettqa minn bdiewa ta' rata bażi ma jkunx jikkorrispondi mal-persentaġġ ta' l-impost tal-VAT fuq l -input li kien attwalment applikat għat-tranżazzjonijiet bħal dawn bl-eċċezzjoni ta' dak li għandu x'jaqsam mal-konsum fl-irziezet u l-bejgħ dirett lill-konsumaturi finali matul is-sena in kwistjoni. L-ammont ta' korrezjoni għandu jkun ugwali għad-differenza bejn iż-żewġ persentaġġi.

Artikolu 6

1. Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(1) għal tranżazzjonijiet imwettqa minn persuni taxxabli li l-valur tal-bejgħ annwali tagħhom jeċċedi l-ECU 10000 imma li huma eżenti skond l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 77/388/KEE u għall-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiddetterminaw il-bażi tar-riżorsi tal-VAT minn returns li għandhom isiru mill-persuni taxxabli skond l-Artikolu 22 ta' dik id-Direttiva jew, meta ma jkunx hemm returns jew jekk ir-returns ma jkunx fih l-informazzjoni meħtieġa, minn data xierqa bħal ma huma r-returns tat-taxxa, il-kontijiet professjonali jew serje ta' statistiċi kompleti.

2. Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tat-tieni, it-tielet u r-raba inċiżi ta' l-Artikolu 2(2):

- fir-rigward tat-tranżazzjonijiet elenkati fl-Anness E tad-Direttiva 77/388/KEE li l-Istati Membru jibqgħu jintaxxaw bis-saħħa ta' l-Artikolu 28(3)(a) ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-bażi tar-riżorsi tal-VAT bħallikieku dawn ir-tranżazzjonijiet kienu eżentati;

- fir-rigward tat--tranżazzjonijiet elenkati fl-Anness F tad-Direttiva 77/388/KEE li l-Istati Membru jibqgħu jeżentaw bis-saħħa ta' l-Artikolu 28(3)(b) ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-bażi tar-riżorsi tal-VAT bħalli kieku dawn ir-tranżazzjonijiet kienu intaxxati;

- fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a) ta' l-Anness G tad-Direttiva 77/388/KEE li huma intaxxati taħt il-għażla mogħtija lill-persuni taxxabbli mill-Istati Membri bis-saħħa ta' l-Artikolu 28(3)(ċ) ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw il-bażi tar-riżorsi tal-VAT bħallikieku dawk it-tranżazzjonijiet kienu eżentati.

3. Permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 13, l-Istat Membru jista' jkun awtorizzat:

- jew li ma jeħux kont fil-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi tal-VAT:

(a) waħda jew aktar mill-kategoriji ta' tranżazzjonijiet elenkati fl-Annessi E, F u G tad-Direttiva 77/388/KEE li għalihom japplika l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(b) l-ammont korrespondenti għat-taxxa li kienet tiġi miġbura li kieku mhux għax kien hemm l-applikazzjoni ta' iskema ta' l-eżenzjoni gradwali mit-taxxa permezz ta' l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 77/388/KEE;

- jew li jikkalkola l-bażi ta' riżorsi tal-VAT fil-każi msemmija f'(a) u (b) bl-użu ta' estimi approssimattivi,

meta l-kalkolu preċiż tal-bażi tar-riżorsi tal-VAT f'dawn il-każi aktarx li tinvolvi piżijiet amministrattivi li ma jkunux ġustifikati b'relazzjoni ma' l-effett tat-tranżazzjonijiet in kwistjoni fuq il-bażi tar-riżorsi tal-VAT totali ta' dak l-Istat Membru.

4. Meta Sstat Membru jagħmel użu mit-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 17(6) u l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 77/388/KEE biex jirrestrinġi l-użu tad-dritt li jnaqqas, il-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT, jistgħu jkunu iddeterminati bħallikieku l-eżeriċizzju tad-dritt tat-tnaqqis ma jkunx ġie ristrett.

Is-subparagrafu preċedenti għandu japplika, b'relazzjoni għat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 17(6) tad-Direttiva 77/388/KEE, biss f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri tal-prodotti petroliferi u l-karozzi tal-passiġieri użati għal skopijiet ta' negozju, u ta' l-ispiża li għandha x'taqsam kemm mal-kiri u kif ukoll mal-manutenzjoni u t-tiswija ta' dawk il-karozzi.

5. Meta refużjonijiet tat-taxxa jingħataw minn Stat Membru bis-saħħa ta' l-Artikolu 6 tad- Direttiva tal-Kunsill 69/169/KEE tat-28 ta' Mejju 1969 dwar l-armoniżazzjoni tad- dispożizzjonijiet stabbiliti b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva li għandhom x'jaqsmu ma' eżenzjoni minn taxxa fuq il-valur tal-bejgħ u d-dazju tas-sisa fuq l-importazzjoni fil-każijiet ta' l-ivvjaġġar internazzjonali [9] kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/194/KEE [10], l-ammont taxxabli tat-tranżazzjonijiet li ta bidu għal dawn ir-rifużjonijiet għandu, jekk meħtieġ, ikun imnaqqas mill-bażi tar-riżorsi tal-VAT.

TITOLU IV

Id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kontabilità u d-disponibbilità tar-riżorsi proprji.

Artikolu 7

1. Qabel il-31 ta' Lulju l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni l-estratt tal-kont dwar l-ammont totali tal-bażi tar-riżorsi tal-VAT għas-sena kalendarja preċedenti, ikkalkolata skond l-Artikolu 3, li għaliha r-rata li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 1 tkun applikata.

2. L-estratt għandu jkun fih id-data kollha wżata biex tkun iddeterminata il-bażi li hija meħtieġa għall-kontroll imsemmi fl-Artikolu 11. Għandu jindika separatament il-bażi li tirriżulta mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 u l-Artikolu 6(1) sa (4).

3. Id-data li għandha tintruża sabiex tkun stabbilita l-bażi għandha tkun id-data l-aktar riċenti disponibbli meta l-estratt ikun ippreparat.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni sal-15 ta'April ta' kull sena stima tal-bażi tar-riżorsi tal-VAT għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

Artikolu 9

1. Kwalunkwe korrezzjonijiet, għal kwalsijasi raġuni, għall-estratti msemmija fl-Artikolu 7(1) tas-snin finanzjarji preċedenti għandhom isiru bi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

Jekk l-Istat Membru ma jagħtix il-kunsens tiegħu, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-kwistjoni, għandha tieħu dawk il-miżuri li hija tħoss li jkunu meħtieġa għall-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament.

Il-korrezzjonijiet kollha għandhom ikunu inkorporati fl-estratti aggregati fil-31 ta' Lulju, li għandhom jemendaw l-estratti ta' qabel għas-snin finanzjarji kkonċernati.

2. L-ebda korrezzjoni oħra ma tista' ssir għall-estratt annwali msemmi fl-Artikolu 7(1) wara il-31 ta' Lulju tar-raba' sena wara s-sena finanzjarja ikkonċernata, sakemm din ma tkun tikkonċerna punti diġa innotifikati jew mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kkonċernat.

TITOLU V

Dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kontroll

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni sat-30 ta'April ta' kull sena finanzjarja bis-soluzjonijiet u l-modifiki għalihom li huma jipproponu li jadottaw sabiex tkun iddeterminata l-bażi tar-riżorsi tal-VAT għal kull waħda mill-kategoriji ta' tranżazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 u l-Artikolu 6(1) sa (4), waqt li jindikaw, fejn applikabbli, in-natura tad-data li huma jikkunsidraw xierqa u l-istima tal-valur tal-bażi ta' kull waħda minn dawn il-kategoriji ta' tranżazzjonijiet.

Fi żmien 30 jum il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri l-oħra l-informazzjoni msemmija hawn fuq li hi tkun irċievit minn kull Stat Membru.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina, skond il proċedura stabbilita fl-Artikolu 13, is-soluzzjonijiet u l-modifiki proposti.

Artikolu 11

1. Fir-rigward tar-riżorsi tal-VAT, il-kontrolli tal-Kummissjoni għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Matul dawn il-kontrolli, il-Kummissjoni għandha tassigura, partikolarment, li l-operazzjonijiet biex tkun iċċentraliżżata l-bażi ta' valutazzjoni u biex tkun iddeterminata r-rata tal-medja peżata msemmija fl-Artikoli 3 u 4 u il-valur totali nett tat-taxxa miġbura jkunu ġew imwettqa kif suppost; għandha taċċerta wkoll li, id-data wżata kif xieraq u li l-kalkoli magħmula biex ikun iddeterminat l-ammont ta' riżorsi tal-VAT li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 u 6 (1) sa (4), ikunu konformi ma' dan ir-Regolament.

2. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 165/74 tal-21 ta' Jannar 1974 li jiddetermina l-poteri u l-obligi ta' l-uffiċjali maħtura mill-Kummissjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 2/71 [11] għandu japplika għal kontrolli tar-riżorsi tal-VAT. Għall-iskopijiet li jkun applikat l-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament, għandu jkun mifhum li l-informazzjoni msemmija fih tista' tkun ikkomunikata biss lil dawk il-persuni li, bis-saħħa tad-doveri tagħhom li jgħamlu disponibbli u jikkontrollaw ir-riżorsi tal-VAT, għandhom ikunu jafu b'din l-informazzjoni.

3. Wara l-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1, ir-rendikont annwali għal sena finanzjarja partikolari għandu jkun ikkorreġut kif speċifikat fl-Artikolu 9.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri li huma japplikaw għar-reġistrazzjoni tal-persuni taxxabbli u biex jiddeterminaw u jiġbru l-VAT u dwar il-modalitajiet u r-riżultati tas-sistemi tagħhom għall-kontroll tal-VAT.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra, flimkien ma' l-Istat Membru kkonċernat, jekk jistax ikun hemm titjib f'dawn il-proċeduri bil-għan li tkun imtejba l-effettività tagħhom.

3. Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport kull tliet snin dwar il-proċeduri applikati mill-Istati Membri u dwar kull titjib ikkontemplat.

Il-Kummissjoni għandha tissottometti dak ir-rapport lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ewwel darba sal-31 ta' Diċembru 1991.

Artikolu 13

1. Il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 20 ta' Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 1552/89 [12], minn hawn il-quddiem imsejjaħ "il-kumitat", għandu regolarment jeżamina, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' Stat Membru, problemi li jinqalgħu mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri li japplikaw għall-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 4(4) jew l-Artikolu 6(3) għandhom jirreferu l-applikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena finanzjarja li minnha l-awtorizzazzjoni għandha tapplika.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz ta' deċiżjoni lill-kumitat malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja.

3. Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' xi Stat Membru, il-kumitat għandu jeżamina s-soluzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10.

Jekk l-eżaminazzjoni tal-kumitat tiżvela differenzi ta' opinjonijiet dwar is-soluzzjoni maħsuba, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz ta' deċiżjoni malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjaraja li minnha s-soluzzjoni għandha tapplika.

4. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozzi tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 f'perijodu li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni involuta, jekk meħtieġ billi jittieħed vot.

L-opinjoni għandha tkun irreġistrata fil-minuti; u barraminnhekk, kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jitlob li jkollu l-pożizzjoni tiegħu irreġistrata fil-minuti.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra bl-aktar mod sħiħ l-opinjoni mogħtija mill-kumitat. Għandha tinforma lill-kumitat bil-mod li bih l-opinjoni tiegħu tkun ġiet ikkunsidrata.

5. Mhux aktar tard minn 60 jum wara li l-kumitat ikun ta l-opinjoni tiegħu, l-Kummissjoni għandha tadotta Deċiżjoni li hi għandha tikkomunika lill-Istati Membri.

TITOLU VI

Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 14

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 1989.

M'għandux ikun applikabbli, b'danakollu, għall-produzzjoni jew il-korrezjoni tar-rendikont dwar il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għas-snin qabel l-1989 li jkunu ġew prodotti skond ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 2892/77, li tibqa' fis-seħħ fir-rigward tar-rendikonti ikkonċernati.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Mejju 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Romero Herrera

[1] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 24.

[2] ĠU C 128, tas-17.5.1988, p. 4 u ĠU C 15, tad-19.1.1989, p. 11.

[3] ĠU C 309, tal-5.12.1988, p. 30.

[4] ĠU C 191, ta' l-20.7.1988, p. 3.

[5] ĠU L 336, tas-27.2.1977, p. 8.

[6] ĠU L 356, tal-31.12.1985, p. 1.

[7] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.

[8] ĠU L 208, tat-3.9.1984, p. 58.

[9] ĠU L 133, ta' l-4.6.1969, p. 6.

[10] ĠU L 73, tas-17.3.1989, p. 47.

[11] ĠU L 20, ta' l-24.1.1974, p. 1.

[12] Ara paġna 1 ta' din il-Gazzetta Uffiċjali.

--------------------------------------------------