31989L0667



Official Journal L 395 , 30/12/1989 P. 0040 - 0042
Finnish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0103
Swedish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0103


It-Tnax-il Direttiva tal-Kunsill rigward il-liġijiet tal-kumpanniji

tal-21 ta’ Diċembru 1989

dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbilità limitata

(89/667/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkundisdra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 54 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi ċerti salvagwardi li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-membri u ta’ oħrajn, huma mitluba mill-Istati Membri mill-kumpanniji u d-ditti fit-tifsira tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, għandhom ikunu kkoordinati bil-ħsieb li dawn is-salvagwardji jintgħamlu ekwivalenti ġewwa l-Komunità kollha;

Billi, f’dan il-kamp, id-Direttivi 68/151/KEE [4] u 78/660/KEE [5], kif l-aħħar emendati bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, u d-Direttiva 83/349/KEE [6], kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, dwar l-iżvelar, il-validità ta’ l-impejni, in-nullità, il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati, japplikaw għal-kumpanniji kollha b’kapital azzjonaeju; billi d-Direttivi 77/91/KEE [7], u 78/855/KEE [8], kif l-aħħar emendati bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, u d-Direttiva 82/891/KEE [9] dwar il-formazzjoni u l-kapital, l-inkorporazzjonijiet u d-diviżjonijiet japplikaw biss għall-kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata.

Billi l-programm ta’ azzjoni ta’ l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME) [10] kien approvat mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Novembru 1986;

Billi r-riformi fil-leġislazzjoni ta’ ċerti Stati Membri fl-aħħar ftit snin, li jippermettu kumpanniji privati ta’ membru wieħed u b’ responsabbiltà limitata, ħolqu diverġenzi bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri;

Billi huwa importanti li jiġi pprovvdut strument legali li jippermetti l-limitazzjoni tar-responsabbiltà ta’ l-imprenditur individwali ġewwa l-Komunità kollha, mingħajr preġudizzju għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jeħtieġu li dan l-imprenditur ikun responsabbli mill-obbligi ta’ l-impriża tiegħu;

Billi kumpannija privata b’responsabbiltà limitata tista’ tkun kumpannija b’membru wieħed miż-żmien tal-formazzjoni tagħha, jew tista’ ssir hekk għaliex l-ishma tagħha jkunu ġew miżmuma minn azzjonist wieħed, billi sakemm isir il-kordinament tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-gruppi, l-Istati Membri jistgħu jistabilixxu ċerti dispożizzjonijiet speċjali u penali għall-każijiet meta persuna naturali tkun il-membru wieħed ta’ numru ta’ kumpanniji jew meta kumpannija b’membru wieħed jew kull persuna oħra legali jkunu l-membri waħdiena ta’ kumpannija; billi l-iskop waħdieni ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jitqiesu d-differenzi li bħalissa jeżistu f’ċerti liġijiet nazzjonali; billi, għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu f’każijiet speċifiċi jistabilixxu restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ kumpanniji b’membru wieħed jew ineħħu l-limiti fuq ir-responsabbiltajiet tal-membri waħdiena; billi l-Istati Membri huma ħielsa li jistabilixxu r-regoli li jkopru r-riskji li jistgħu jippreżentaw il-kumpanniji b’membru wieħed bħala konsegwenza talli għandhom membru wieħed, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat illi jitħallas il-kapital sottoskritt;

Billi l-fatt illi l-ishma kollha jkunu ġew miżmuma minn azzjonist wieħed u l-identità tal-membru waħdieni trid tiġi żvelata permezz ta’ dħul f’reġistru aċċessibli għall-pubbliku;

Billi d-deċiżjonijiet meħuda mill-membru waħdieni fil-kapaċità tiegħu bħala laqgħa ġenerali jridu jiġu rreġistrati bil-miktub;

Billi l-kuntratti bejn membru waħdieni u l-kumpannija tiegħu kif irrapreżentata minnu trid xorta waħda tiġi rreġistrata bil-miktub, safejn u sakemm dawn il-kuntratti ma jkollhomx x’jaqsmu ma’ l-operazzjonijiet korrenti konklużi taħt kondizzjonijiet normali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-miżuri ta’ kordinament stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tipi ta’ kumpanniji li ġejjin:

- fil-Ġermanja:

Gesellschaft mit beschränkter Haftung,

- fil-Belġju:

Société privée à responsabilité limitéede besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid,

- fid-Danimarka:

l-Anpartsselskaber,

- fi Spanja:

is-Sociedad de responsabilidad limitada,

- fi Franza:

Société à responsabilité limitée,

- fil-Greċja:

Εταιρεία περιορισμένης ευθύνης,

- fl-Irlanda:

il-Private company limited by shares or by guarantee,

- fl-Italja:

Società a responsabilità limitata,

- fil-Lussemburgu:

Société à responsabilité limitée,

- fl-Olanda:

Besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid,

- fil-Portugall:

is-Sociedade por quotas,

- fir-Renju Unit:

Private company limited by shares or by guarantee.

Artikolu 2

1. Kumpanija jista’ jkollha membru wieħed meta tkun iffurmata u wkoll meta l-ishma tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda (kumpannija b’ membru wieħed).

2. L-Istati Membri jistgħu, sakemm isir il-kordinament tal-liġijiet nazzjonali li jkollhom x’jaqsmu ma’ gruppi, jistabilixxu dispożizzjonijiet speċjali għall-każijiet meta:

(a) persuna naturali tkun il-membru waħdieni ta’ numru ta’ kumpanniji;

(b) kumpannija b’membru wieħed jew kull persuna legali oħra jkunu l-membri waħdieni ta’ kumpannija.

Artikolu 3

Meta kumpannija ssir kumpannija b’membru wieħed minħabba li l-isħma kollha tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda, dan il-fatt flimkien ma l-identità tal-membru waħdieni, iridu jew jiġu rreġistrati fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 68/151/KEE jew jiġu mdaħħla f’reġistru miżmum mill-kumpannija u aċċessibli għall-pubbliku.

Artikolu 4

1. Il-membru waħdieni għandu jeżerċita l-poteri tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija.

2. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru waħdieni fil-kamp riferit fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati fil-minuti jew imfassla bil-miktub.

Artikolu 5

1. Il-kuntratti bejn il-membru waħdieni u l-kumpannija tiegħu kif irrapreżentata minnu għandhom jiġu rreġistrati fil-minuti jew imfassla bil-miktub.

2. L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-operazzjonijiet korrenti konklużi taħt kondizzjonijiet normali.

Artikolu 6

Meta Stat Membru jippermetti kumpanniji b’membru wieħed kif iddefinit bl-Artikolu 2(1) kif ukoll fil-każ tal-kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata, għandha tapplika din id-Direttiva.

Artikolu 7

Stat Membru ma għandux għalfejn jippermetti l-formazzjoni ta’ kumpanniji b’membru wieħed meta l-legiżlazzjoni tiegħu tipprovdi illi imprenditur individwali jista’ jistabbilixxi impriża li r-responsabbiltà għaliha tkun limitata għal somma ddedikata għall-attività ddikjarata, bil-kondizzjoni li jiġu stabbiliti salvagwardji għal dawn l-impriżi li jkunu ekwivalenti għal dawk imposti b’din id-Direttiva jew minn kull dispożizzjoni Kumunitarja li tapplika għall-kumpanniji riferiti fl-Artikolu 1.

Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għalbiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 1992. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi, fil-każ ta’ kumpanniji diġà eżistenti qabel l-1 ta’ Jannar 1992, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika sa l-1 ta’ Jannar 1993.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert b’din id-Diretiva.

Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

E. Cresson

[1] ĠU C 173, tat-2.7.1988, p. 249.

[2] ĠU C 96, tas-17.4.1989, p. 92 uĠU291, ta’ l- 20.11.1989. p. 53

[3] ĠU C 318, tat-12.12.1988, p. 9.

[4] ĠU L 65, ta’ l-14.3.1968, p. 8.

[5] ĠU L 222, ta’ l-14.8.1978, p. 11.

[6] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1.

[7] ĠU L 26, tat-30.1.1977, p. 1.

[8] ĠU L 295, tal-20.10.1978, p. 36.

[9] ĠU L 378, tal-31.12.1982, p. 47.

[10] ĠU C 287, ta’ l-14.11.1986, p. 1.

--------------------------------------------------