Official Journal L 363 , 13/12/1989 P. 0027 - 0029
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0191
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0191
Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-4 ta' Diċembru 1989 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjoni ta' ħsejjes minn ajruplani ċivili jet subsoniċi (89/629/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 84(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-applikazzjoni ta' standards għall-emissjoni ta' ħsejjes mill-ajruplani ċivili jet subsoniċi għandha konsegwenzi sinifikanti fuq id-dispożizzjonijiet tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, partikolarment fejn dawn l-istandards jimponu restrizzjonjiet fuq it-tipi ta' ajruplani li jistgħu jintużaw mill-linji ta' l-ajru, jinkoraġġixxu investiment fl-iktar ajruplani riċenti u l-iktar kwieti disponibbli u jiffaċilitaw l-użu aħjar tal-kapaċità eżistenti, inkluża dik ta' l-ajruporti; billi d-Direttiva 80/51/KEE [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 83/206/KEE [5], tiffissa limiti fuq l-emissjoni ta' dawn il-ħsejjes; Billi l-programm ta' prijorità tal-Kunsill għall-istudju ta' kwistjonijiet dwar it-trasport bl-ajru jirreferi għall-emissjonijiet mill-ajruplani inkluż il-ħsejjes; Billi l-programm ta' azzjoni tal-Komuniatjiet Ewropej dwar l-ambjent [6] juri biċ-ċar l-importanza tal-problema ta' il-ħsejjes u, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tittieħed azzjoni kontra ħsejjes ikkawżat mit-traffiku ta' l-ajru; Billi l-istrobju mill-ajruplani għandu jiġi mnaqqas iktar, filwaqt li jiġu meqjusa l-fatturi ambjentali, il-vijabbiltà teknika u l-konsegwenzi ekonomiċi; Billi, għalhekk, huwa xieraq li tiġi ristretta ż-żieda ta' ajruplani ċivili jet subsoniċi fir-reġistri ta' l-Istati Membri għal dawk li jħarsu l-istandards stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum I ta' l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili, it-tieni edizzjoni, 1988; billi flimkien mal-ħolqien ta' żona mingħajr fruntieri interni, jidher raġjonevoli jiġu esklużi minn din ir-regola li ma ssirx żieda ajruplani mdaħħla fir-reġistri nazzjonali ta' l-Istati Membri fl-1 Novembru 1990; billi, minħabba l-libertà tal-moviment li din irregola tippermetti, huwa essenzjali illi l-eżenzjonijiet jiġu limitati u li dawk konċessi ikunu ssorvelljati mill-qrib u ristretti fiż-żmien; Billi għandhom jiddaħħlu regoli komuni għal dan l-iskop skond skeda ta' żmien raġonevoli sabiex tiġi żgurata sistema armonizzata fil-Komunità kollha li tissupplimenta r-regoli eżistenti; billi dan huwa partikolarment importanti minħabba l-ispinta riċenti mogħti lil-liberalizzazzjoni tat-traffiku Ewropew ta' l-ajru; Billi x-xogħol li jsir mill-Komunità f'kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali oħrajn jindika illi l-limitazzjoni taż-żieda fir-reġistri ta' l-Istati Membri ta' ajruplani li ma jistgħux jilħqu l-istandards stabbiliti taċ-ċertifikazzjoni għall-ħsejjes speċifikati fil-Kapitolu 3 ta' l-Anness 16 hawn fuq imsemmi, hija fiha nnifisha ta' benefiċċju ambjentali limitat, u għandha għalhekk tiġi meqjusa biss bħala l-ewwel stadju, li jrid jiġi segwit minn miżuri li jillimitaw l-użu ta' ajruplani li ma jikkonformawx ma' l-istandards tal-Kapitolu 3 ta' l-imsemmi l-Anness 16, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 1. L-objettiv ta' din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi regoli iktar stretti sabiex tiġi limitata l-emissjoni ta' ħsejjes mill-ajruplani ċivili jet subsoniċi. 2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal ajruplani b'massa massima mat-tluq ta' 34 000 kg jew inqas u li jesgħu 19 il-siġġu jew inqas. L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert illi mill-1 ta' Novembru 1990 l-ajrulani ċivili jet subsoniċi reġistrati wara din id-data fit-territorju tagħhom, ma jistgħux jintużaw fit-territorju tagħhom jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jekk ma jkunux ingħataw ċertifikat dwar il-ħsejjes skond standards ta' mill-inqas ugwali għal dawk stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum I ta' l-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili, it-tieni edizzjoni, 1988. 2. Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għall-ajruplani mdaħħla fir-reġistri nazzjonali ta' l-Istati Membri fl-1 ta' Novembru 1990. 3. It-territorju msemmi fil-paragrafu 1 m'għandux jinkludi d-dipartimenti esterni imsemmija fl-Artikolu 227(2) tat-Trattat. L-Artikolu 3 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-objettiv dikjarat fl-Artikolu 1(1) ma jiġix maqbuż, per eżempju, b'xi forma ta' ftehim dwar il-kiri. L-Artikolu 4 L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-Artikolu 2 għal: (a) ajruplani ta' interess storiku; (b) ajruplani użati minn operatur ta' Stat Membru qabel l-1 ta' Novembru 1989 skond kuntratti ta' xiri bin-nifs jew ta' kiri li jkunu għadhom fis-seħħ, u li f'dan il-kuntest ikunu rreġistrati fi Stat mhux Membru; (ċ) ajruplani mikrija lil operatur ta' Stat mhux Membru li għal din ir-raġuni jkunu ġew imħassra temporanjament mir-reġistru ta' Stat Membru (d) ajruplan li jissostitwixxi wieħed li jkun inqered aċċidentalment u li l-operatur tiegħu ma jkunx jista' jibdlu b'ajruplan paragunabbli disponibbli fis-suq b'ċertifikazzjoni dwar il-ħsejjes kif stabbilit fl-Artikolu 2(1), sakemm ir-reġistrazzjoni ta' l-ajruplan li jieħu post l-ieħor titwettaq sas-sena ta' wara l-qerda inkwistjoni; (e) ajruplani li jtiru b'magni bi proporzjon ta' by-pass ta' 2 jew iktar. L-Artikolu 5 L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-Artikolu 2 għal perjodu inizjali massimu ta' tliet snin li jistgħu jiġġeddu għal perjodi massimi ta' sentejn, sakemm dawn l-eżenzjonijiet jiskadu sal-31 ta' Diċembru 1995 għal: - l-ajruplani li jinkrew mingħand Stat mhux membru fuq bażi ta' żmien qasir, sakemm l-operatur juri illi din hija l-prassi normali fis-settur tiegħu ta' l-industrija u li, fin-nuqqas, l-operazzjonijiet tiegħu jiġu affettwati b'mod negattiv, - l-ajruplani li fir-rigward tagħhom l-operatur juri illi, fin-nuqqas, l-operazzjonijiet tiegħu jiġu affettwati b'mod negattiv fuq skala mhux raġonevoli. L-Artikolu 6 1. Stat Membru li jikkonċedi eżenzjonijiet għandu jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u lill-Kummissjoni bil-fatt. 2. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-eżenzjonijiet mogħtija minn Stati Membri oħrajn skond l-Artikoli 4 u 5. L-Artikolu 7 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel it-30 ta' Settembru 1990. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. L-Artikolu 8 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fl-4 ta' Diċembru 1989. Għall-Kunsill Il-President M. Delebarre [1] ĠU C 37, ta' l-14.2.1989, p. 6. [2] ĠU C 158, tas-26.6.1989, p. 492. [3] ĠU C 221, tat-28.8.1989, p. 1. [4] ĠU L 18, ta' l-24.1.1980, p. 26. [5] ĠU L 117, ta' l-4.5.1983, p. 15. [6] ĠU C 328, tas-7.12.1987, p. 1. --------------------------------------------------