31989L0608



Official Journal L 351 , 02/12/1989 P. 0034 - 0037
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 30 P. 0216
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 30 P. 0216


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-21 ta' Novembru 1989

dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u kooperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji u żootekniċi

(89/608/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 dwar dan,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, fis-settur agrikolu, regoli li jista' jkollhom ħafna konsegwenzi ġew introdotti fil-qasam veterinarju u żootekniku;

Billi l-iffunzjonar bla tfixkil tal-politika komuni agrikola u tas-suq komuni għall-prodotti agrikoli u wkoll il-prospett tat-tneħħija ta' verifiki veterinarji fil-fruntieri b'kull ħsieb li jinkiseb suq intern għall-prodotti suġġetti għal dawk il-verifiki, inisslu l-ħtieġa li tiġi rinfurzata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli f'kull Stat Membru għall-applikazzjoni ta' regoli veterinarji u żootekniċi;

Billi huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti regoli li skond dawn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom bi ftehim jipprovdu lil xulxin b'għajnuna u kooperazzjoni mal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tar-regoli veterinarji u żootekniċi, b'mod partikolari bil-prevenzjoni u kxif tal-ksur ta' dawk ir-regoli u kxif ta' kull attività li tkun jew tidher li tkun kuntrarja għalihom;

Billi, biex jiġu stabbiliti dawn ir-regoli, għandha titfittex ispirazzjoni, safejn hu possibbli, mid-dispożizzjonijiet tal-Komunità stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta' Mejju 1981 dwar għajnuna komuni bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u kooperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar kwistjonijiet tad-dwana u agrikoli [4], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 945/87 [5]; billi akkont għandu wkoll jingħata ta' l-ispeċifiċità tar-regoli dwar is-saħħa,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva tistabbilixxi l-metodi li bihom l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri għas-sorveljanza tal-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji u żootekniċi għandhom jikkooperaw ma' l-ordni ta' l-Istati Membri u mad-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konformità ma' dik il-leġislazzjoni.

L-Artikolu 2

1. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

- "leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji" għandha tfisser id-dispożizzjonijiet kollha tal-Komunità u d-dispożizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità li jirregolaw is-saħħa ta' l-annimali,is-saħħa pubblika kif jirrelataw mas-settur veterinarju, spezzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali, laħam u prodotti oħra ta' oriġini mill-annimal, u l-protezzjoni ta' l-annimali,

- "leġislazzjoni dwar kwistjonijiet żootekniċi" għandha tfisser kull dispożizzjoni tal-Komunità u d-dispożizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità dwar kwistjonijiet żootekniċi,

- "awtorità applikanti" għandha tfisser l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru li tagħmel kull talba għall-għajnuna,

- "awtorità li tiċieva t-talba" għandha tfisser l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru li lilha ssir talba għall-għajnuna.

2. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni kull lista ta' l-awtoritajiet kompetenti li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1.

L-Artikolu 3

L-obbligu li tingħata għajnuna stabbilita f'din id-Direttiva m'għandhiex tikkonċerna l-provvista ta' tagħrif jew dokumenti miksuba mill-awtoritajiet kompetenti li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1 taħt is-setgħat ezerċitati minnhom fuq it-talba ta' l-awtorità ġudizzjarja.

Madankollu, fil-każ ta' kull applikazzjoni għall-għajnuna, dak it-tagħrif jew dokumenti għandhom jiġu pprovduti, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, f'kull każ fejn l-awtorità ġudizzjarja, li għandha tiġi kkonsultata għal dak il-għan, tagħti l-kunsens tagħha.

IT-TITOLU I

Għajnuna fuq talba

L-Artikolu 4

1. Fuq it-talba, li għandha tkun hekk raġonata, ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità li tirċievi t-talba għandha

- tikkomunika ma' l-awtorità applikanti t-tagħrif kollu, attestazzjonijiet, dokumenti jew kopji ċertifikati dwar dan fil-pussess tagħha jew li tista tikseb kif stabbilit fil-paragrafu 2 u li jkunu tali li jkunu jippermettulha li tivverifika li d-dispożizzjonijiet imniżżla fil-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji u żootekniċi jkunu ġew imħarsa,

- twettaq kull inkjestà rilevanti għall-eżattezza tal-fatti avżati mill-awtorità applikanti u tavżaha bir-riżultat ta' dik l-inkjestà inkluż it-tagħrif li kien meħtieġ għal dik l-inkjestà.

2. Biex jinkiseb dan it-tagħrif, l-awtorità li tirċievi t-talba jew l-awtorità amministrattiva li tkun ġiet indirizzata għandha tipproċedi bħallikieku kienet qed taġixxi għan-nom tagħha stess jew fuq it-talba ta' awtorità oħra fil-pajjiż tagħha stess.

L-Artikolu 5

1. Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità li tirċievi t-talba għandha, waqt li tosserva r-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab, tavża lill-awtorità applikanti jew iġġiegħel li tiġi nnotifikata b'kull strument jew deċiżjoni li toħroġ mill-awtorità kompetenti u li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji u żootekniċi.

2. Talbiet għal notifikazzjoni, li jsemmu s-suġġett ta' l-att jew deċiżjoni li għandha tkun avżata, għandhom, fuq it-talba ta' l-awtorità li tirċievi t-talba, jkunu akkumpanjati b'kull traduzzjoni fl-ilsien uffiċjali ta' wieħed mill-ilsna uffiċjali ta' l-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità li tirċievi t-talba.

L-Artikolu 6

Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità li tirċievi t-talba għandha żżomm kull għassa jew tirranġa li tinżamm kull għassa li li tiġi rinforzata fis-settur ta' ħidma tagħha fejn dawk l-irregolaritajiet ikunu suspettużi, b'mod partikolari:

(a) fuq stabbilimenti;

(b) f'postijiet fejn ħażniet ta' oġġetti jkunu ġew miġbura;

(ċ) fuq ċaqliq notifikat ta' oġġetti;

(d) fuq mezzi ta' trasport.

L-Artikolu 7

Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità li tirċievi t-talba għandha tipprovdiha b'kull tagħrif rilevanti fil-pussess tagħha jew li tista' tikseb b'mod konformi ma l-Artikolu 4(2), b'mod partikolari fil-forma ta' rapporti jew dokumenti oħra jew kopji ċertifikati ta' jew estratti minn dawk ir-rapporti jew dokumenti, li jikkonċernaw il-ħidmiet attwalment mikxufa li jkunu jidhru lill-awtorità applikanti li jkunu kuntrarju għall-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji jew żootekniċi.

IT-TITOLU II

Għajnuna spontanja

L-Artikolu 8

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom, kif stabbilit fil-paragrafu 2, jgħinu spontanjament lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra mingħajr it-talba minn qabel ta' dawn ta' l-aħħar.

2. Meta jkun kkunsidrat utli fir-rigward ta' konformità mal-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji u żootekniċi, l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat membru għandhom:

(a) safejn hu possibbli jżommu l-għassa li għaliha saret referenza fl-Artikolu 6 jew jirranġaw li tinżamm dik l-għassa;

(b) jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra konċernati kemm jista' jkun malajr bit-tagħrif kollu disponibbli, b'mod partikolari fil-forma ta' rapporti jew dokumenti oħra jew kopji ta' jew estratti minn dawk ir-rapporti jew dokumenti li jikkonċernaw il-ħidmiet li huma jew li jkunu jidhru li huma kuntrarju għall-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji jew żootekniċi, u b'mod partikolari bil-mezzi jew metodi użati biex jitwettqu dawk il-ħidmiet.

IT-TITOLU III

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 9

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni malli jkun disponibbli għalihom:

(a) kull tagħrif li jqiesu utli li jikkonċerna:

- oġġetti li jkunu jew li jkun ġie suspettat li kienu is-suġġett ta' transazzjonijiet kuntrarju għall-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji jew żootekniċi,

- il-metodi jew proċessi użati jew li jkunu suspettat li jkunu ġew użati għall-ksur ta' dik il-leġislazzjoni;

(b) kull tagħrif dwar defiċjenzi ta', jew lakuni fi, l-imsemmija leġislazzjoni li l-applikazzjoni tagħha jkunu nkixfu jew ġew suġġeriti.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru, malli jkun disponibbli lilha, kull tagħrif li jkun tali li jippermetti il-konformità ma leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji u żootekniċi li għandha tiġi infurzata.

L-Artikolu 10

1. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jsiru jafu b'operazzjonijiet li huma, jew jidhru li huma, kuntrarji għar-regoli dwar kwistjonijiet veterinarji jew żootekniċi u li huma ta' interess partikolari f'livell tal-Komunità, u b'mod partikolari:

- meta jkollhom, jew jista' jkollhom, ramifikazzjonijiet fi Stati Membri oħra, jew

- meta x'aktarx jidher lill-imsemmija awtoritajiet li ħidmiet bħal dawn ikunu twettqu wkoll fi Stati Membri oħra,

dawk l-awtoritajiet għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr, jew fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba raġunata mill-Kummissjoni, kull tagħrif rilevanti, fejn jixraq fil-forma ta' dokumenti jew kopji jew estratti minn dawk id-dokumenti, meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-fatti biex ikun jippermetti lill-Kummissjoni li tikkoordina l-azzjoni mwettqa mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra.

2. Meta l-komunikazzjonijiet li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 jikkonċernaw każi li x'aktarx joħolqu riskji għas-saħħa umana, jew fin-nuqqas ta' metodi oħra ta' prevenzjoni, it-tagħrif inkwistjoni jista', wara kuntatt bejn il-partijiet u l-Kummissjoni, ikun is-suġġett ta' tagħrif raġunat lill-pubbliku.

3. Tagħrif li jirrelata ma' persuni naturali jew legali għandu jiġi kkomunikat kif provdut fil-paragrafu 1 biss sal-limitu strettament meħtieġ biex jippermetti li ħidmiet li huma kuntrarji għall-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji u żootekniċi jiġu nnotati.

4. Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru jagħmel użu mill-paragrafu 1, m'għandhomx il-ħtieġa li jikkomunikaw it-tagħrif kif provdut fl-Artikoli 8(2)(b) u 9 lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra konċernati.

L-Artikolu 11

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri waqt li jiltaqgħu fil-Kumitat Veterinarju Permanenti jew fil-Kumitat Żootekniku Permanenti għandhom:

- jeżaminaw, f'termini ġenerali, it-tħaddim ta' arranġamenti reċiproki ta' għajnuna komuni li għalihom tipprovdi din id-Direttiva,

- jeżaminaw it-tagħrif relevanti komunikat lill-Kummissjoni kif previst għall-Artikoli 9 u 10 — u l-proċeduri għal dik il-komunikazzjoni — bil-ħsieb tat-tfassil ta' konkluzzjonijiet.

Fid-dawl ta' dak l-eżami l-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tissuġġerixxi emendi għad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Komunità jew tħejji oħrajn addizzjonali.

L-Artikolu 12

Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex:

(a) jiżguraw kooperazzjoni interna bla tfixkil bejn l-awtoritajiet kompetenti li għalihom saret referenza fl-Artikolu 1;

(b) iwaqqfu, fir-relazzjonijiet komuni tagħhom, u kif meħtieġ, kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet li lilhom speċjalment jagħtu s-setgħa għal dan il-għan.

L-Artikolu 13

1. Din id-Direttiva m'għandhiex tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jagħtu lil xulxin għajnuna meta biex isir dan x'aktarx tista' tiġi ppreġudikata l-politika pubblika jew kull interess ieħor fundamentali ta' l-Istat li fih ikunu jinsabu.

2. Għandhom jingħataw raġunijiet għal kull rifjut li tingħata għajnuna.

L-Artikolu 14

Il-fornitura ta' dokumenti li għalihom tipprovdi din id-Direttiva tista' tiġi mibdula b'tagħrif kompjuterizzat prodott f'kull forma għall-istess għan.

L-Artikolu 15

1. Kull tagħrif komunikat, ikun xi jkun il-format tiegħu kif previst f'din id-Direttiva għandu jkun ta' natura konfidenzjali. Għandu jkun kopert bl-obbligazzjoni ta' segretezza uffiċjali u għandu jgawdi il-protezzjoni mogħtija għal tagħrif bħal dan kemm taħt il-liġijiet nazzjonali relevanti ta' l-Istat Membru li jkun irċevih u d-dispożizzjonijiet li jikkorispondu applikabbli għall-korpi tal-Komunità.

It-tagħrif li għalih saret referenza fl-ewwel subparagrafu m'għandux, b'mod partikolari, jintbagħat lill-persuni oħra ħlief għal dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Komunità li d-doveri tagħhom hu li jkollhom aċċess għalih. L-anqas m'għandu jintuża għal għanijiet oħra ħlief għal dawk li għalihom tipprovdi din id-Direttiva,kemm-il darba l-awtorità li tfornih tiftihemx espressament u safejn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru fejn l-awtorità li rċevietu tkun tinsab ma toġġezzjonax għal dik il-komunikazzjoni jew użu.

It-tagħrif li għalih tipprovdi din id-Direttiva għandu jiġi kkomunikat biss lill-awtorità applikanti sal-limitu li ma jkun hemm xejn għall-kuntrarju fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru jew l-awtorità li tirċievi t-talba.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tagħrif miksub taħt skema ta' għajnuna komuni jibqa' kunfidenzjali, ukoll meta tintemm il-kwistjoni.

2. Il-paragrafu 1 m'għandux jimpedixxi l-użu tat-tagħrif miksub kif previst b'din id-Direttiva f'kull azzjoni legali jew proċedimenti sussegwenti istitwit għan-nuqqas ta' konformità mal-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet veterinarji jew żootekniċi jew fil-prevenzjoni u kxif ta' irregolaritajiet ta' detriment għall-fondi tal-Komunità.

L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Mmebru li tkun forniet dan it-tagħrif għandha tiġi avżata minnufih b'dik l-utilizzazzjoni.

L-Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-arranġamenti bilaterali ta' għajnuna reċiproka komuni bejn l-awtoritajiet veterinarji konklużi ma' pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni għandha, mill-parti tagħha, tikkomunika lill-Istati Membri l-arranġamenti ta' l-istess natura li tikkonkludi ma' pajjiżi terzi.

L-Artikolu 17

L-Istati Membri għandhom reċiprokament jaħfru talbiet għall-ħlas lura ta' spejjeż magħmula kif previst b'din id-Direttiva ħlief, fejn japplika, dwar ħlasijiet imħallsa lill-esperti.

L-Artikolu 18

Din id-Direttiva m'għandhix teffettwa l-applikazzjoni fl-Istati Membri tar-regoli dwar għajnuna komuni fi kwistjonijiet kriminali.

L-Artikolu 19

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Lulju 1991. Għandhom minnufih javżaw b'dan lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 20

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, fil-21 ta' Novembru 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Nallet

[1] ĠU C 225, tal-31.8.1988, p. 4.

[2] ĠU C 326, tad-19.12.1988, p. 28.

[3] ĠU C 56, tas-6.3.1989, p. 7.

[4] ĠU L 144, tat-2.6.1981, p. 1.

[5] ĠU L 90, tat-2.4.1987, p. 3.

--------------------------------------------------